VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, IL-KAMERUN, L-ANGOLA U L-GUINEA EKWATORJALI
(13-23 TA’ APRIL 2026)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Bażilika ta’ Santu Wistin (Annaba)
It-Tlieta 14 ta’ April 2026
Għeżież ħuti,
Il-kelma divina tgħaddi mill-istorja u ġġeddidha bil-leħen uman tas-Salvatur. Illum qed nisimgħu l-Vanġelu, aħbar tajba għaż-żminijiet kollha, f’din il-Bażilika ta’ Annaba ddedikata lil Santu Wistin, Isqof ta’ Ippona l-antika. Matul is-sekli, il-postijiet li qed jilqgħuna fihom bidlu isimhom, imma l-qaddisin baqgħu bħala patruni tagħna u xhieda fidili ta’ rabta mal-art, li ġejja mis-Sema. Hija proprju din id-dinamika li l-Mulej idawwal fil-lejl ta’ Nikodemu: din hija l-qawwa li Kristu jsawwab fuq id-dgħufija tal-fidi tiegħu u fuq id-determinazzjoni tat-tiftixa tiegħu.
Mibgħut mill-Ispirtu s-Santu, “ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer” (Ġw 3:8), Ġesù hu għal Nikodemu mistieden speċjali. Fil-fatt hu jsejjaħlu għal ħajja ġdida, u jagħti lis-semmiegħ tiegħu u lilna wkoll ħidma ħidma sorprendenti: “titwieldu mill-ġdid” (v. 7). Din hi l-istedina għal kull bniedem li jfittex is-salvazzjoni! Mis-sejħa ta’ Ġesù toħroġ il-missjoni għall-Knisja kollha, u għalhekk għall-komunità Nisranija tal-Alġerija: li titwieled mill-ġdid mill-għoli, jiġifieri minn Alla. F’din il-perspettiva, il-fidi tegħleb it-taħbit ta’ din l-art u l-grazzja tal-Mulej twarrad id-deżert. U safrattant, il-ġmiel ta’ din l-eżortazzjoni jġib miegħu prova, li l-Vanġelu jsejħilna biex ngħaddu minnha flimkien.
Kliem Kristu, fil-fatt, għandu l-qawwa kollha ta’ dover: għandkom titwieldu mill-għoli! Dan l-imperattiv idoqq f’widnejna bħala kmand impossibbli. Imma aħna u nisimgħu b’attenzjoni lil Dak li jagħtih, nifhmu li din mhix xi impożizzjoni iebsa, lanqas xi ħaġa li jġagħalna nagħmlu ta’ bilfors, u, wisq inqas, xi kundanna għall-falliment. Bil-maqlub, id-dover li esprima Ġesù hu għalina don ta’ libertà, għax jurina possibbiltà li ma konniex nittamaw: grazzi għal Alla, nistgħu nitwieldu mill-ġdid mill-għoli. Mela dan jeħtieġ nagħmluh skont ir-rieda tiegħu ta’ mħabba, li tixtieq iġġedded l-umanità billi ssejħilha għal komunjoni ta’ ħajja, li tibda bil-fidi. Filwaqt li Kristu jitlobna nġeddu mill-bidu l-ħajja kollha tagħna, jagħtina wkoll il-qawwa biex nagħmlu dan. Dan jgħidu tajjeb Santu Wistin, li jitlob hekk lil Alla: “Agħtini li nagħmel li tordnali, u ordnali li trid” (Confessiones, X, 29, 40).
Allura, meta aħna nistaqsu kif inhu possibbli futur ta’ ġustizzja u ta’ paċi, ta’ ftehim u ta’ salvazzjoni, niftakru li aħna qed nagħmlu lil Alla l-istess mistoqsija ta’ Nikodemu: imma tassew li l-istorja tagħna tista’ tinbidel? Għandna tant problemi, inkwiet u tiġrib! Tassew li l-ħajja tagħna tista’ terġa’ tibda mill-ġdid? Iva! L-affermazjoni tal-Mulej, hekk mimlija mħabba, timla l-qlub tagħna bit-tama. Ma jimpurtax kemm aħna magħfusin min-niket jew mid-dnub: l-Imsallab iġorr magħna u għalina dan it-toqol kollu. Ma jimpurtax kemm inħossuna qalbna maqtugħa fid-dgħufijiet tagħna: proprju hemm tidher il-qawwa ta’ Alla, li qajjem lil Kristu mill-mewt biex jagħti l-ħajja lid-dinja. Kull wieħed minna jista’ jduq il-libertà tal-ħajja ġdida li tiġi mill-fidi fil-Feddej. Mill-ġdid, Santu Wistin joffrilna l-eżempju: qabel ma nħarsu lejh għall-għerf tiegħu, inħarsu lejh għall-konverżjoni tiegħu. F’dan it-twelid mill-ġdid, providenzjalment imsieħeb mid-dmugħ ta’ ommu, Santa Monika, hu sar huwa nnifsu u esklama: “Mela ma kontx inkun, Alla tiegħi, ma kont inkun xejn kieku int ma kontx fija. Jew aħjar, ma kont inkun xejn kieku jien ma kontx fik” (Confessiones, I, 2).
Allura, iva: l-Insara jitwieldu mill-għoli, imnissla mill-ġdid minn Alla bħala aħwa ta’ Ġesù, u l-Knisja li titmagħhom bis-Sagramenti hi ġuf li jilqa’ lill-popli kollha tal-art. Kif smajna ftit ilu, l-Atti tal-Appostli jagħtu xhieda ta’ dan billi jirrakkontaw l-istil li jagħżel l-umanità mġedda mill-Ispirtu s-Santu (ara Atti 4:32-37). Anki llum irridu nilqgħu u nwettqu dan il-kanoni appostoliku, u nimmeditawh bħala kriterju awtentiku ta’ riforma ekkleżjali: riforma li tibda mill-qalb, biex tkun vera, u tmiss lil kulħadd, biex issir effikaċi.
Fil-fatt, qabelxejn, “il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda” (v. 32). Din l-għaqda spiritwali hi fehma waħda: kelma li tfisser tajjeb il-komunjoni tal-qlub li jħabbtu flimkien, għax magħqudin ma’ dik ta’ Kristu. Għalhekk, il-Knisja li kienet għadha titwieled ma nbnietx fuq kuntratt soċjali, imma fuq armonija fil-fidi, fl-imħabba, fl-ideat, fl-għażliet tal-ħajja li għandhom fiċ-ċentru tagħhom l-imħabba ta’ Alla, li sar bniedem biex isalva l-popli kollha tal-art.
It-tieni nett, nammiraw l-effett materjali ta’ din l-għaqda spiritwali ta’ min jemmen: “Kellhom kollox flimkien” (v. 32). Kulħadd għandu kollox, b’sehem fil-ġid ta’ kull wieħed u waħda bħala membri tal-ġisem wieħed. Ħadd ma jiġi mċaħħad minn xi ħaġa, għax kulħadd jaqsam dak li hu tiegħu. Din l-għotja tal-aħwa lil xulxin, waqt li tibdel il-pussess f’don, ma tirrappreżentax utopija jekk mhux għal qlub li huma kontra xulxin u għal erwieħ rgħiba. Bil-maqlub, il-fidi f’Alla wieħed, Sid is-sema u l-art, tiġbor flimkien lill-bnedmin skont ġustizzja perfetta, li tistieden lil kulħadd għall-imħabba, jiġifieri biex inħobbu lil kull ħlejqa bl-imħabba li Alla jagħtina fi Kristu. Għalhekk, fuq kollox quddiem il-faqar u l-oppressjoni, l-Insara għandhom bħala kodiċi fundamentali l-karità: nagħmlu lil min qiegħed biswitna dak li rridu li jsir magħna (ara Mt 7:12). Immexxija minn din il-liġi, li Alla jikteb fil-qlub, il-Knisja hi dejjem fi twelidha, biex fejn hemm il-qtigħ il-qalb tqawwi t-tama, fejn hemm il-miżerja ġġib dinjità, fejn hemm il-ġlied iġġib ir-rikonċiljazzjoni.
It-tielet nett, fit-test tal-Atti nsibu l-bażi ta’ din il-ħajja ġdida, li tinvolvi l-popli ta’ kull lingwa u kultura: “B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna” (Atti 4:33). L-imħabba li tmexxihom, qabel ma hi impenn morali, hi sinjal ta’ salvazzjoni: l-Appostli jxandru li l-ħajja tagħna tista’ tinbidel għax Kristu rxoxta mill-mewt. L-ewwel ħidma tar-ragħajja, ministri tal-Vanġelu, hija għalhekk li jagħtu xhieda ta’ Alla lid-dinja b’qalb waħda u ruħ waħda, mingħajr ma l-preokkupazzjonijiet jherruna bil-biża’ u lanqas il-moda ma ddgħajjifna bil-kompromess. Flimkien magħkom, ħuti fl-episkopat, u magħkom, presbiteri, inġeddu l-ħin kollu din il-missjoni għall-ġid ta’ dawk fdati f’idejna, biex il-Knisja kollha tkun, fis-servizz tagħha, messaġġ ta’ ħajja ġdida għal dawk li magħhom niltaqgħu.
F’din l-art, għeżież Insara tal-Alġerija, ibqgħu bħala sinjal umli u fidil tal-imħabba ta’ Kristu. Agħtu xhieda tal-Vanġelu b’ġesti sempliċi, relazzjonijiet veri u djalogu mgħix jum wara jum: hekk tagħtu togħma u dawl hemm fejn tgħixu. Il-preżenza tagħkom fil-pajjiż tfakkar fl-inċens: fraka ċkejkna tleqq, li xxerred il-fwieħa biex tagħti glorja lill-Mulej u hena u faraġ lil tant aħwa. Dan l-inċens hu ċkejken, element prezzjuż, li mhux qiegħed fiċ-ċentru tal-attenzjoni, imma jistedinna ndawru qlubna lejn Alla, aħna u ninkuraġġixxu lil xulxin biex nipperseveraw qalb id-diffikultajiet ta’ żmienna. Miċ-ċensier tal-qalb tagħna fil-fatt jitilgħu l-ġieħ, il-barka, is-supplika, u jxerrdu r-riħa tfuħ (ara Efes 5:2) tal-ħniena, tal-elemożina u tal-maħfra. L-istorja tagħkom hi magħmula minn akkoljenza ġeneruża u minn qlubija fit-tiġrib: hawn talbu l-martri, hawn Santu Wistin ħabb lill-merħla tiegħu billi fittex il-verità b’passjoni u qeda lil Kristu b’fidi mħeġġa. Kunu werrieta ta’ din it-tradizzjoni, billi tagħtu xhieda fl-imħabba fraterna tal-libertà ta’ min jitwieled mill-għoli bħala tama ta’ salvazzjoni għad-dinja.
____________________________
Radd il-ħajr finali
Grazzi, Eċċellenza, għas-sentimenti li wrejt f’isem il-komunità kollha! U grazzi lil kulħadd għall-akkoljenza ta’ dawn il-jiem.
Gratitudni partikulari nesprimi lill-Awtoritajiet ċivili, għall-ospitalità premuruża li rċivejt u għall-attenzjoni li biha ħadu ħsieb li din iż-żjara tiegħi fl-Alġerija tirnexxi.
Inqis dan il-vjaġġ bħala don speċjali tal-Providenza ta’ Alla, don li permezz ta’ Papa Agostinjan il-Mulej ried jagħmel lill-Knisja kollha.
U naħseb li nista’ niġbru b’dan il-mod: Alla huwa Mħabba, hu missier tal-bnedmin kollha. Ejjew induru lejh b’umiltà, nistqarru li l-qagħda tad-dinja bħalissa, bħal ċirku vizzjuż negattiv, tiddependi fl-aħħar mill-aħħar mill-kburija tagħna.
Għandna bżonn tiegħu, tal-ħniena tiegħu. Fih biss issib il-paċi l-qalb tal-bniedem u miegħu biss nistgħu, ilkoll flimkien, waqt li nagħrfu li aħna aħwa, nimxu f’toroq ta’ ġustizzja, ta’ żvilupp integrali u ta’ komunjoni.
Grazzi, grazzi ħafna lil kulħadd!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard