VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Palazz Presidenzjali (Yaoundé)
L-Erbgħa, 15 ta’ April 2026
Sur President,
Distinti Awtoritajiet,
Membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,
Nixtieq nesprimi l-gratitudni kbira tiegħi għal-laqgħa sabiħa li tajtuni u għall-kliem ta’ merħba li ġew indirizzati lili. Hu ta’ ferħ kbir għalija li ninsab fil-Cameroon, spiss deskritt bħala “Afrika fil-minjatura” minħabba l-għana ta’ artijietu, il-kulturi, il-lingwi u t-tradizzjonijiet. Dil-varjetà mhix dgħufija imma teżor. Hi wegħda ta’ fraternità u pedament solidu għall-bini ta’ paċi dejjiema.
Jien ninsab fostkom bħala ragħaj u qaddej tad-djalogu, tal-fraternità u l-paċi. Iż-żjara tiegħi hi espressjoni tal-għożża tas-Suċċessur ta’ Pietru għan-nies kollha tal-Cameroon, kif ukoll tax-xewqa li nagħmel kuraġġ lilkom ilkoll ħalli tibqgħu mexjin ‘il quddiem bl-entużjażmu u l-perseveranza fit-tiswir tal-ġid komuni. Infatti, qed ngħixu żmien meta l-qtigħ il-qalb hu mifrux u sens ta’ impotenza għandu tendenza li jipparalizza t-tiġdid tant mixtieq mill-popli. Hawn tant ġuħ u għatx għall-ġustizzja! Għatx għall-involviment, għall-viżjoni, għal għażliet kuraġġużi u għall-paċi! Hi xewqa kbira tiegħi li nidħol fil-qalb ta’ kulħadd, speċjalment taż-żgħażagħ li għandhom sejħa biex ifasslu dinja aktar ġusta, fl-isfera politika wkoll. Nixtieq ukoll nesprimi x-xewqa li jissaħħu r-rabtiet ta’ kollaborazzjoni bejn is-Santa Sede u r-Repubblika tal-Cameroon, li huma msjesin fuq ir-rispett reċiproku, id-dinjità ta’ kull persuna umana u l-libertà reliġjuża.
Il-Cameroon għadu jgħożż il-memorja taż-żjarat li għamlu l-Predeċessuri tiegħi. San Ġwanni Pawlu II wassal messaġġ ta’ tama għall-popli kollha tal-Afrika u Benedittu XVI enfasizza l-importanza tar-rikonċiljazzjoni, tal-ġustizzja u tal-paċi, kif ukoll ir-responsabbiltà morali ta’ min ikun fil-gvern. Naf li dawn huma żminjiet importanti fl-istorja ta’ pajjiżkom, huma eżortazzjonijiet interessanti għal spirtu ta’ servizz, għaqda u ġustizzja. Għalhekk nistgħu nsaqsu lilna nfusna: fejn ninsabu? Il-Kelma li tħabbritilna x’effett ħalliet? X’għad fadal isir?
Elfusittmitt sena ilu, Santu Wistin ħalla kliem li għad għandhom rilevanza kbira llum: “Dawk li jmexxu jservu lil min jidhrilhom li qed jikkmandaw; għax imexxu mhux għall-imħabba tal-poter, iżda minn sens ta’ dmir li għandhom lejn ħaddieħor — mhux għax huma mkabbrin bl-awtorità, iżda għax iħobbu l-ħniena” (1). Minn dil-perspettiva, is-servizz lejn il-pajjiż ifisser li bniedem jiddedika ruħu b’moħħ ċar u kuxjenza retta, għall-ġid komuni tal-poplu kollu tan-nazzjon. Dan jinkludi dedikazzjoni kemm lejn il-maġġoranza u lejn il-minoranzi kif ukoll l-armonija ta’ bejniethom
Bħal ħafna nazzjonijiet oħra, illum pajjiżkom għandu quddiemu bosta diffikultajiet kumplessi. It-tensjonijiet u l-vjolenza li nikktu reġjuni fil-Majjistral, il-Lbiċ u t-Tramunata ħallew bosta tbatija: intilfu ħajjiet, familjii spiċċaw maħrubin, it-tfal imċaħħdin mill-istruzzjoni, fejn iż-żgħażagħ m’għandhomx futur. Wara dawn in-numri hemm moħbija wċuħ, stejjer u tamiet imfarrka ta’ bnedmin reali. Quddiem sitwazzjonijiet tant drammatiċi, fil-bidu ta’ din is-sena, għamilt sejħa lill-familja umana kollha biex tiċħad il-loġika tal-vjolenza u tal-gwerra u tħaddan paċi msejsa fuq l-imħabba u l-ġustizzja. Paċi mingħajr armi, li ma tistrieħx fuq il-biża’, it-theddid u l-armi, paċi li fl-istess ħin tkun diżarmata, għax ikollha ħila ssolvi l-kunflitti, tifaħ il-qlub u tiġġenera l-fiduċja, l-empatija u t-tama. Il-paċi ma nistgħux nirriduċuha fi slogan: għandha tkun imwaħħda ma’ stil ta ħajja li jirrifjuta kull forma ta’ vjolenza, personalment u istituzzjonalment.. Għal dir-raġuni, intenni bil-qawwa: “Id-dinja għatxana għall-paċi…. Daqshekk gwerer bl-uġigħ li jġibu magħhom ta’ mwiet, qerda u eżilju!” (2). Dil-karba qed inqisha appell u kontribut lejn kull sforz għal paċi awtentika, li għandha tieħu l-prijorità fuq kwalunkwe interess partiġġjan.
Il-paċi mhix frott xi digriet: għandha tkun imħaddna u mgħejxha. Hi rigal minn Alla li jiżviluppa permezz ta’ sforz paċenzjuz u kollettiv. Hi responsabbiltà ta’ kulħadd, ibda mill-awtoritajiet ċivili. Li tiggverna jfisser li tħobb lil pajjiżek u wkoll il-pajjiżi ġirien; il-kmandament “ħobb lil għajrek bħalek innifsek” jgħodd ukoll għar-relazzjonijiet internazzjonali! Li tiggverna jfisser li tagħti widen għaċ-ċittadini, tirrikonoxxi l-valur tal-intelliġenza tagħhom u l-ħila li jgħinu biex jinstabu soluzzjonjiet permanenti għall-problemi. Il-Papa Franġisku kien wissa dwar il-ħtieġa li mmorru ‘l hinn “mill-idea ta’ politika soċjali konċepita bħala politika lejn il-foqra, imma qatt mal-foqra, qatt tal-foqra u dejjem anqas parti mill-proġett li jista’ jgħaqqad il-popli” (3).
B’bidla bħal din fl-approċċ, is-soċjetà ċivili għandha titqies bħala forza vitali għall-koeżjoni nazzjonali. Il-Cameroon lest għal dit-tranżizzjoni! L-Assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ, it-trade unions, l-NGO’s umanitarji kif ukoll il-mexxejja tradizzjonali u reliġjużi kollha għandhom rwol insostitwibbli fit-tiswir tan-nisġa tal-paċi soċjali. Huma l-ewwel li jsemmgħu leħinhom meta jinqalgħu t-tensjonijiet; huma jieħdu ħsieb l-evakwati, jagħtu sapport lill-vittmi, jiftħu toroq ta’ djalogu u jinkoraġġixxu l-medjazzjoni lokali. Ir-rabta sfiqa tagħhom mal-komunità lokali tgħinhom jifhmu xinhuma l-kawżi li jġibu l-kunflitti u jidentifikaw is-soluzzjonijiet. Is-soċjetà ċivili tgħin ukoll fil-formazzjoni tal-kuxjenzi, tippromwovi kultura ta’ djalogu u trawwem rispett lejn id-differenzi. B’dal-mod, is-soċjetà ċivili qed tħejji ġejjieni anqas suġġett għall-inċertezzi. Nixtieq bi gratitudni nagħmel enfasi fuq l-irwol tan-nisa. Sfortunatament, spiss huma l-ewwel vittmi tal-preġudizzji u l-vjolenza, madankollu huma ħaddiema ħawtiela tal-paċi. L-impenn tagħhom fl-edukazzjoni, fil-medjazzjoni u fil-bini mill-ġdid tan-nisġa soċjali huwa bla paragun u jservi biex irażżan il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter. Għal din ir-raġuni wkoll, leħinhom irid jiġi rikonoxxut bis-sħiħ fil-proċessi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Quddiem dedikazzjoni tant ġeneruża min-naħa tas-soċjetà, it-trasparenza u l-amministrazzjoni tar-riżorsi pubbliċi flimkien mar-rispett lejn is-saltna tal-liġi huma essenzjali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja. Wasal iż-żmien li neżaminaw il-kuxjenza u nagħmlu pass kuraġġuż ‘il quddiem. Istituzzjonijiet kredibbli u ġusti jsiru kolonni tal-istabbiltà. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu pontijiet, qatt sorsi ta’ firda, anki meta donnu jidher li l-insikurezza hi prevalenti. Is-sigurtà hi prijorità, imma dejjem għandha tkun imħarrġa b’rispett lejn id-drittijiet umani, tħaddem flimkien id-dixxiplina u l-ġenerożità b’attenzjoni partikolari lejn l-aktar vulnerabbli. Il-paċi awtentika tinkiseb meta kulħadd iħossu protett, mismugħ u rispettat, meta l-liġi sservi ta’ salvagwardja kontra l-kapriċċi tal-għonja u s-setgħanin.
Ħuti, b’riflessjoni aktar profonda, il-pożizzjonijiet uffiċjali tagħkom jitolbu minnkom xhieda doppja. L-ewwel waħda tinkiseb bil-kollaborazzjoni bejn id-diversi aġenziji u l-livelli amministrattivi tal-Istat fis-servizz tal-poplu, speċjalment il-foqra. It-tieni tinkiseb meta intom tħaddmu r-responsabbiltajiet istituzzjonali u professjonali tagħkom b’integrità u mġieba korretta (4). Tabilħaqq, biex isaltnu l-paċi u l-ġustizzja, il-ktajjen tal-korruzzjoni – li jisfiguraw l-awtorità u jneżżgħuha mill-kredibbiltà tagħha – hemm bżonn jitkissru. Il-qlub iridu jinħelsu mill-għatx idolatra għall-profitt: il-veru profitt jiġi mill-iżvilupp integrali uman, jiġifieri t-tkabbir bilanċjat bejn l-aspetti kollha li huma ta’ barka għall-ħajja fuq din l-art.
Il-Cameroon għandu r-riżorsi kulturali u spiritwali meħtieġa biex jegħleb il-provi u l-kunflitti u jimxi ‘l quddiem lejn ġejjieni stabbli u prosperità għal kulħadd. L-isforz komuni favur id-djalogu, il-ġustizzja u l-iżvilupp integrali għandhom jittrasformaw il-ġrieħi tal-imgħoddi f’riżorsi ta’ tiġdid. Kif għidt kemm-il darba, iż-żgħażagħ huma t-tama tal-pajjiż u tal-Knisja. L-enerġija u kreattività tagħhom huma teżori li mhemmx prezzhom. Naturalment, meta n-nuqqas ta’ xogħol u l-esklużjoni soċjali jippersistu, il-frutrazzjoni tista’ twassal għall-vjolenza. Għaldqstant l-investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-intrapiża taż-żgħażagħ huma għażla strateġika għall-paċi. Hu l-uniku mod biex titrażżan il-ħarba ta’ tant talent fantastiku lejn inħawi oħra tad-dinja. Hu wkoll l-uniku mod kif ikun miġġieled il-flaġell tad-droga, tal-prostituzzjoni u l-apatija li b’mod drammatiku qed jirvinaw wisq ħajjiet żgħar.
Fortunatament, iż-żgħażagħ fil-Kamerun għandhom spiritwalità profonda li għadha tirreżisti l-influwenza omoġenizzanti tas-suq. Hija sors ta’ enerġija li tagħti valur lill-ħolm tagħhom, li għandu l-għeruq tiegħu fil-profeziji li jsostnu t-talb u l-qlub tagħhom. Meta ma jkunux maħkumin mill-velenu tal-fundamentaliżmu, it-tradizzjonijiet reliġjużi jservu ta’ ispirazzjoni għall-profeti tal-paċi, tal-ġustizzja, tal-maħfra u tas-solidarjetà. Bit-trawwim tad-djalogu inter-reliġjuż u bl-involviment tal-mexxejja reliġjużi f’inizjattivi ta’ medjazzjoni u rikonċiljazzjoni, il-politika u d-diplomazija jistgħu jsibu ispirazzjoni mill-forzi morali li jtaffu t-tensjonijiet, jevitaw l-estremiżu u jippromwovu kultura reċiproka ta’ apprezzament u rispett. Bl-impenn tagħha fl-edukazzjoni, fil-qasam tas-saħħa u l-karità, il-Knisja Kattolika fil-Cameroon tixtieq tkompli tkun ta’ servizz għaċ-ċittadini kollha mingħajr distinzjoni. Il-Knisja tixtieq ukoll taħdem id f’id mal-awtoritajiet ċivili u ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-promozzoni tad-dinjità umana u r-rikonċiljazzjoni. Fejn ikun possibbli, il-Knisja biħsiebha tiffaċilita l-koperazzjoni ma’ pajjiżi oħra u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-Kamerunjani madwar id-dinja u l-komunitajiet oriġinarji tagħhom.
Alla jbierek il-Cameroon, jassisti lill-mexxejja tiegħu, ikun gwida għas-soċjetà ċivili, idawwal il-ħidma tal-Korp Diplomatiku u jagħti lill-poplu kollu tal-Cameroon – Insara u mhumiex, mexxejja politiċi u ċittadini – il-grazzja li jilqgħu s-Saltna t’Alla biex flimkien jibnu futur ta’ ġustizzja u paċi.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
_________________________________________
[1] Santu Wistin, Il-Belt ta’ Alla, XIX, 14.
[2] Indirizz fil-preżenza ta’ Mexxejja Relliġjużi (28 ta’ Ottubru, 2025).
[3] Franġisku, Indirizz lill-parteċipanti tat-3 Laqgħa Dinjija tal-Movimenti Popolari (5 ta’ Novembru, 2016).
[4] Indirizz lill-Prefetti tar-Repubblika tal-Italja (16 ta’ Frar, 2026).