VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
IT-TALBA TAR-RUŻARJU
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Spjanata quddiem is-Santwarju “Mamã Muxima” (Muxima)
Il-Ħadd, 19 ta’ April 2026
Għeżież ħuti,
Għeżież żgħażagħ, membri tal-Leġjun ta’ Marija, devoti ta’ Mamã Muxima, Omm il-Qalb, inħossni ferħan li qed naqsam magħkom dan il-mument Marjan.
Irreċitajna r-Rużarju mqaddes flimkien, devozzjoni antika u sempliċi li bdiet fil-Knisja bħala forma ta’ talb għal kulħadd. San Ġwanni Pawlu II kien iddeskriviha bħala talba Kristjana li żammet fiha “l-freskezza tal-bidu, u li tħoss l-Ispirtu ta’ Alla jqanqlha biex «taqdef ‘il barra fil-fond» … biex ixxandar quddiem id-dinja, anzi ‘tgħajjat’ b’leħen għoli, li Kristu huwa l-Mulej u l-Feddej” (Ittra App. Rosarium Virginis Mariae, 1).
Jien u nħares lejkom ilkoll u naqsam dal-mument sabiħ u ferventi mal-Knisja ħajja u żgħażugħa tal-Angola, inħoss li kliem il-qaddis predeċessur tiegħi hu partikolarment xieraq għal din il-komunità kbira, fejn wieħed jista’ tassew iħoss il-freskezza tal-fidi u l-qawwa tal-Ispirtu.
Ninsabu f’santwarju fejn, għal sekli sħaħ, bosta rġiel u nisa ġew jitolbu fi żmien ta’ ferħ kif ukoll fil-waqtiet ta’ niket u tbatija kbira fl-istorja ta’ dal-pajjiż. Għal żmien twil Mamã Muxima ħadmet fis-skiet biex iżżomm il-qalb tal-Knisja tħabbat u ħajja. Qalbha mimlija b’moltitudni ta’ qlub: tagħkom u ta’ bosta persuni li jħobbu, jitolbu, jiċċelebraw, jibku u kultant – anki meta ma setgħux jiġu hawn personalment – wasslu t-talbiet u l-petizzjonijiet b’ittri u messaġġi postali, kif semma l-Eċċellenza Tiegħu. Mamã Muxima tilqa’ lil kulħadd, tisma’ lil kulħadd u titlob għal kulħadd.
Immeditajna l-Misteri tal-Glorja tal-ħajja ta’ Ġesù, kontemplazzjoni dwar id-destin tagħna fil-glorja tiegħu u l-missjoni tagħna f’imħabbtu. Fl-Għid Ġesù għeleb il-mewt, u wriena kif nerġgħu lura għand il-Missier. U sabiex aħna wkoll inkunu nistgħu nterrqu dil-mogħdija mdawla u impenjattiva, biex naqsmu s-sbuħija tagħha mad-dinja kollha, tana l-Ispirtu tiegħu, li jqanqalna u jsostnina fil-vjaġġ tagħna u fil-missjoni tagħna. Bħal Marija, aħna wkoll maħluqin għall-ġenna. Fil-vjaġġ tagħna lejn is-sema, inħarsu lejha bħala l-Omm twajba tagħna u mudell tal-qdusija. Fuq l-eżempju tagħha nwasslu d-dawl tal-Irxoxt lil ħutna kollha li niltaqgħu magħhom. Stqarrjena dan simbolikament fil-bidu ta’ kull posta tar-Rużarju, bir-rappreżentanza ta’ persuni ta’ kull vokazzjoni u età.
Kif qalilna l-Isqof Sumbelelo, das-santwarju dedikat lill-Kunċizzjoni Immakulata, b’mod spontanju, il-fidili tawh isem “ġdid”: “Il-Madonna tal-Qalb”. Titlu sabiħ li jgħinna nirriflettu dwar il-qalb ta’ Marija: qalb safja u għarfa, bil-ħila li tgħożż u timmedita l-ġrajjiet straordinajri fil-ħajja ta’ Iben Alla (cf. Lq 2:19, 51). Aħna u nitlobu flimkien għamilna l-istess. Ħallejna lil Marija tiggwidana fil-meditazzjoni ta’ Ġesù. Imxejna magħha diversi mumenti fil-ħajja ta’ Binha biex hi trawwem fina mħabba universali bħalma hi tagħha (cf Rosarium Virginis Mariae, 11)
Ir-reċita tar-Rużarju, mela, timpenjana biex inħobbu lil kull persuna bil-qalb ta’ omm – konkretament u bil-ġenerożità – u hija impenn biex inkunu twajba ma’ xulxin, speċjalment mal-aktar foqra. L-omm tħobb lil uliedha kollha bl-istess imħabba u b’qalbha kollha, minkejja li kollha differenti minn xulxin. Fil-preżenza tal-Omm tal-Qalb aħna wkoll hemm bżonn inwiegħdu li nkunu nixbħuha. Nagħmlu ħilitna kollha biex ħadd ma jibqa’ nieqes mill-imħabba. Nipprovdu wkoll il-meħtieġ għal hajja dinjituża u hienja: sabiex min hu bil-ġuħ ikollu ikel biżżejjed, il-morda jkollhom il-kura meħtieġa, it-tfal ikollhom garanzija ta’ edukazzjoni xierqa u sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu l-aħħar snin ta’ ħajjithom fil-paċi. L-omm taħseb għal dan kollu. Tabilħaqq Marija taħseb għal dan kollu u tistedinna naqsmu magħha din l-imħabba materna.
Għeżież żgħażagħ, membri tal-Leġjun ta’ Marija, ħuti, Il-Madonna tistedinna biex qlubna jitqanqlu bis-sentimenti ta’ qalbha, biex bħalha nkunu ħaddiema tal-ġustizzja u ħabbara tal-paċi. Hawn qed jitħejja proġett kbir: il-bini ta’ santwarju ġdid li jkun jesa’ l-pellegrini kollha li jiġu hawn. Għal kulħadd – speċjalment iż-żgħażagħ – dan għandu jkun sinjal. Għax Ommna tas-Sema dal-proġett qed tafdaħ f’idjekom ukoll; biex tibnu dinja aħjar, li tilqa’, fejn mhemmx aktar gwerra, inġustizzja, faqar jew diżonestà u fejn dejjem aktar, il-prinċipji tal-Evanġelju jispiraw u jiffurmaw il-qlub, l-istrutturi u l-pjanijiet, għall-ġid ta’ kulħadd
L-imħabba għandha tittrijonfa, mhux il-gwerra! Dan hu dak li tgħallimna l-qalb ta’ Marija – il-qalb ta’ Omm kulħadd.
Mela ejjew nitilqu minn dan is-santwarju bħala “anġli messaġġiera” tal-ħajja, u nwasslu lil kulħadd it-tgħanniqa tenera ta’ Marija u l-barka ta’ Alla.
Mamã Muxima, tueza kokué, Mamã Muxima, tutambululé: “Omm il-qalb, aħna niġu biex noffrulek kollox”. Dan jgħid l-innu lill-Mamã Muxima, u jissokta: “Niġu biex nitolbu l-barka tiegħek”
Ħbieb għeżież, ejjew noffru kollox lil Maria, ningħataw għal ħutna u ejjew bil-ferħ u bl-interċessjoni tagħha, nirċievu l-barka tal-Mulej sabiex inkunu nistgħu ngħadduha lil kulmin niltaqgħu miegħu. Ammen.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber