San Tumas ta’ Villanova kien wieħed mill-qaddisin tal-Ordni Agostinjan, magħruf b’mod speċjali għall-karità kbira tiegħu lejn il-foqra u għall-ħajja sempliċi u umli li għex.

Huwa twieled fl-1488 fi Villanova, fi Spanja. Kiber f’familja nisranija li għallmitu mill-ewwel snin tal-ħajtu jħobb lil Alla u jgħin lil min ikun fil-bżonn. Sa minn meta kien żgħir kien imdorri jaqsam dak li kellu mal-foqra.
L-istudji u s-sejħa reliġjuża
Huwa studja fl-Università ta’ Alcalá de Henares fejn sar magħruf bħala student brillanti fil-filosofija u fit-teoloġija. Fl-1516 mar Salamanka biex jidħol fl-Ordni Agostinjan u kien ġie ordnat saċerdot fl-1518 meta kellu 32 sena.
Is-superjuri tiegħu mill-ewwel intebħu bl-għerf tiegħu u għalhekk beda jingħata ħatra wara l-oħra. Sar Pirjol f’Salamanca (1519-21) u wara reġa’ ġie magħżul għas-snin 1523-1525. Sar Viżitatur tal-Provinċjal ta’ Castiglia (1525-1527), Provinċjal tal-Provinċja tal-Andalusija (1527-1529), Pirjol ta’ Burgos (1531-1534). Provinċjal ta’ Castiglia (1534-1537) u reġa’ Pirjol ta’ Burgos (1541-1544).
Tumas ta’ Villanova kien predikatur eċċellenti. Kliemu kien sempliċi iżda profond, u kien jolqot bosta qlub. Kien ukoll professur u aktar tard inħatar arċisqof ta’ Valenzja. F’din il-kariga tiegħu, huwa kompla jgħix ħajja sempliċi, bħalma kienu jgħixu n-nies komuni ta’ dak iż-żmien. Ta ħafna mill-flus tal-Knisja lill-foqra, waqqaf istituzzjonijiet biex jgħinu lil min ikun fil-bżonn, tant kien magħruf bħala il-missier tal-foqra.
Dak li jiddistingwi lil San Tumas ta’ Villanova hu l-imħabba konkreta tiegħu lejn il-foqra. Ma kienx biss jitkellem dwar il-karità, imma kien jgħixha kuljum. Kien jgħid li l-ġid tal-Knisja mhux tagħha, imma għandu jintuża biex jgħin lil dawk fil-bżonn.
Kien ukoll bniedem ta’ talb profond, dixxiplina personali u għerf spiritwali.
Huwa miet fl-1555 u ġie ddikjarat beatu fl-1618. Il-Papa Alessandru VII iddikjarah qaddis fl-1658. Illum, il-fdalijiet tiegħu qegħdin fil-katidral ta’ Valenzja. It-tifkira tiegħu ssir kull sena fl-10 ta’ Ottubru.