L-ewwel Enċiklika tal-Papa Ljun XIV se tkun ippubblikata fil-25 ta’ Mejju
L-ewwel Enċiklika tal-Papa Ljun XIV, Magnifica Humanitas (Umanità tal-għaġeb), dwar il-preservazzjoni tal-persuna umana fiż-żmien tal-intelliġenza artifiċjali, se tiġi ppubblikata fil-25 ta’ Mejju.

Hija ġġib il-firma tal-Papa bid-data tal-15 ta’ Mejju, il-135 anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-Enċiklika tal-Papa Ljun XIII, Rerum Novarum, li tista’ tgħid sawret il-ħsieb Kattoliku soċjali modern.
L-istess kif Ljun XIII indirizza l-isfidi soċjali u ekonomiċi li ġabet magħha l-industrijalizzazzjoni lejn tmiem is-seklu 19, issa Ljun XIV jixtieq jindirizza l-konsegwenzi morali u spiritwali ta’ tekonoloġiji li qed javvanzaw b’ritmu mgħaġġel.
Fil-fatt, il-Vatikan fisser dan id-dokument ġdid bħala kontinwazzjoni f’dik it-tradizzjoni, bl-għan li jindirizza l-“isfidi antropoloġiċi u spiritwali” tal-intelliġenza artifiċjali.
Magnifica Humanitas se tiġi ppreżentata lill-pubbliku bħal-lum ġimgħa fil-11.30am, fl-Awla Sinodali tal-Vatikan.
Barra l-preżenza tal-Papa – ġest rari u pjuttost ġdid fit-tnedija ta’ dokumenti pontifiċji – se jkun hemm dawn il-kelliema: il-Kardinal Víctor Manuel Fernández, Prefett tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi; il-Kardinal Michael Czerny sj, Prefett tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman; il-Professur Anna Rowlands, teologa u professur fl-Università ta’ Durham (ir-Renju Unit); Christopher Olah, kofundatur ta’ Anthropic (l-Istati Uniti) u kap tar-riċerka fuq l-interpretabbiltà tal-intelliġenza artifiċjali; u l-Professur Leocadie Lushombo it, professur tat-teoloġija politika u l-ħsieb soċjali Kattoliku fl-Iskola Ġiżwita tat-Teoloġija u l-Università ta’ Santa Clara f’California.
L-aħħar rimarki sa jsiru mill-Kardinal Segretarju tal-Istat Pietro Paorlin, u mbagħad il-Papa Ljun jagħmel id-diskors tal-għeluq u jagħti l-barka tiegħu.
L-Enċiklika mistennija tkun mhux biss test intern għall-Knisja, imma wkoll kontribuzzjoni importanti lill-konverżazzjoni globali dwar it-teknoloġija u d-dinjità umana.
It-test għandu jkun punt ta’ riferiment fit-tagħlim Kottoliku fuq l-intelliġenza artifiċjali – l-istess kif ir-Rerum Novarum saret għad-dinja tax-xogħol u l-ġustizzja ekonomika iktar minn seklu ilu.
Kitba ta’ Francesco Pio Attard