Dan huwa t-tieni minn sensiela ta’ kitbiet oħra dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja Kattolika.
It-Tagħlim Soċjali Kattoliku ma żviluppax f’daqqa. Huwa frott ta’ proċess storiku twil li fih il-Knisja wieġbet għall-isfidi soċjali, ekonomiċi u politiċi ta’ kull żmien. Għalkemm il-prinċipji tiegħu jinsabu fil-Bibbja u fit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, il-forma moderna tiegħu żviluppat b’mod speċjali mis-seklu dsatax ’il quddiem.
Il-Knisja rat li l-bidliet kbar fis-soċjetà kienu qed joħolqu inġustizzji ġodda, speċjalment fost il-ħaddiema u l-foqra. Għalhekk, il-papiet u l-maġisteru tal-Knisja bdew jagħtuna dokumenti importanti biex jiggwidaw lill-insara u lis-soċjetà kollha.

L-Għeruq bikrin tat-Tagħlim Soċjali
Qabel ma kien jeżisti t-terminu “Tagħlim Soċjali Kattoliku”, il-Knisja kienet diġà titkellem dwar …
- il-ġustizzja,
- il-faqar,
- id-dinjità tal-bniedem,
- u l-obbligu li ngħinu lill-batut.
L-ewwel komunitajiet Insara kienu jaqsmu dak li kellhom bejniethom sabiex ħadd ma jkun fil-bżonn. Fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli naqraw li l-insara,
“Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed. U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja; u kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.” (Atti:2:44-47)
Dan juri sens qawwi ta’ solidarjetà u ġustizzja soċjali sa mill-bidu nett tal-Kristjaneżmu
Il-Missirijiet tal-Knisja
Fl-Ittra Appostolika tiegħu, Dilexi Te, il-Papa Ljun XIV jgħidilna li, “Sa mill-ewwel sekli, Missirijiet il-Knisja kienu jagħrfu fil-foqra triq ipprivileġġjata ta’ aċċess għal Alla, mod speċjali kif jiltaqgħu miegħu. Il-karità ma’ dawk l-aktar fil-bżonn ma kinitix mifhuma bħala sempliċi virtù morali, imma bħala espressjoni konkreta tal-fidi fil-Verb inkarnat. Il-komunità tal-fidili, imwieżna mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, kellha l-għeruq tagħha fil-qrubija lejn il-foqra, li ma kinitix tqisha bħala appendiċi, imma bħala parti essenzjali mill-Ġisem ħaj tagħha.” (Dilexi Te 39)
Fl-istess paragrafu l-Papa jfakakr kif, “Sant’Injazju ta’ Antjokja, huwa u sejjer għall-martirju, ħeġġeġ lill-fidili tal-komunità ta’ Żmirna biex ma jittraskurawx id-dmir tal-karità lejn dawk l-aktar fil-bżonn.”
Isemmi wkoll lill-Isqof ta’ Żmirna, Polikarpu, kien jirrakkomanda b’mod ċar lill-ministri tal-Knisja biex jieħdu ħsieb tal-foqra.
San Ġustinu, min-naħa tiegħu, fl-ewwel Apoloġija tiegħu, indirizzata lill-imperatur Adrijanu, lis-Senat u lill-poplu Ruman, fisser li l-Insara kienu jieħdu dak kollu li jistgħu lil min kien ikun fil-ħtieġa, għax kienu jilmħu fihom aħwa fi Kristu. (Dilexi Te 40)
Fost il-Missirijiet tal-Lvant, l-aktar predikatur imħeġġeġ tal-ġustizzja soċjali aktarx kien San Ġwanni Kriżostmu, Arċisqof ta’ Kostantinopli bejn is-sekli 4 u 5. Fl-omeliji tiegħu, hu kien iħeġġeġ lill-fidili biex jagħrfu lil Kristu f’dawk fil-bżonn: “Trid tagħti ġieħ lill-Ġisem ta’ Kristu? Tistmellx l-għera tiegħu: tlibbsux hawn fil-knisja b’ħaririjiet u dehbijiet, u mbagħad tħallih ibati l-għera u l-ksieħ barra mill-knisja.” (Dilexi Te 41)
Għal Sant Ambroġ, Isqof ta’ Milan, l-elemożina hija r-radd lura tal-ġustizzja, mhux ġest ta’ paternaliżmu. Fil-predikazzjoni tiegħu, il-ħniena tassumi karattru profetiku: tikkundanna l-istrutturi tal-ġmigħ tal-ġid u tafferma mill-ġdid il-komunjoni bħala vokazzjoni ekkleżjali. “Lill-fqir int ma tkunx qed tagħtih minn dak li hu tiegħek, imma tkun qed troddlu lura dak li hu tiegħu: għax dak li kien ingħata lil kulħadd biex jużawh flimkien, int ħtaftu għalik waħdek.” (Dilexi Te 43) Kien hu li għallimna l-imħabba preferenzjali għall-foqra. (Dilexi Te 44)
F’din l-istess Ittra Appostolika tiegħu, il-Papa Ljun XIV jgħd li kien hemm ħafna Missirijiet oħra tal-Knisja, tal-Lvant u tal-Punent, li tkellmu fuq il-primat tal-attenzjoni għall-foqra fil-ħajja u fil-missjoni ta’ kul fidil Nisrani. Għalhekk nistgħu ngħidu li t-teoloġija Patristika kienet prattika, timmira lejn Knisja fqira u għall-foqra, u tfakkar li l-Vanġelu hu mħabbar tajjeb biss meta jwassalna biex immissu l-ġisem tal-foqra u meta jwissi li l-istrettezza duttrinali mingħajr ħniena hija dkliem vojt.
Ir-Rivoluzzjoni Industrijali
Fis-seklu dsatax, l-Ewropa kienet għaddejja minn bidliet ekonomiċi u industrijali kbar magħrufa bħala r-Rivoluzzjoni Industrijali. Ħafna nies telqu mill-irħula u marru jgħixu fil-bliet sabiex jaħdmu fil-fabbriki. Dan wassal f’salt għal urbanizzazzjoni kbira, b’riżultat ta’ kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, pagi baxxi, sigħat twal ta’ xogħol saħansitra anke lit-tfal, u enormi ma’ kullimkien. Il-ħaddiema kienu spiss trattati bħala għodda jew parti minn katina mekkanizzata, immirata biss għall-profitt akbar tal-ażjenda li tkun qed timpjegahom.
Ideoloġiji Ġodda
Fl-istess żmien żviluppaw żewġ sistemi ekonomiċi u politiċi ewlenin;
… il-Kapitaliżmu, mibni fuq il-proprjetà privata, il-profitt, u s-suq ħieles. Għalkemm dan ħoloq żvilupp ekonomiku, madankollu ħafna drabi wassal ukoll għal sfruttament tal-ħaddiema.
… is-Soċjaliżmu u l-Komuniżmu, li kienu jirreaġixxu kontra l-inġustizzji tal-kapitaliżmu u kienu jippromwovu kontroll akbar tal-istat fuq il-proprjetà u l-ekonomija. Madankollu, huma stess kienu jiċħdu l-libertà personali, neħħew kompletament id-dritt tal-proprjetà privata, u irrifjutaw ukoll il-liberta reliġjuża ta’ kull individwu.
Il-Bidu tat-Tagħlim Soċjali Modern
Il-Papa Ljun XIII: Kien propju f’dawn iċ-ċirkustanzi soċjali li fl-1891, Il-Papa Ljun XIII ippubblika l-Enċiklika Rerum Novarum “Dwar dawn Affarijiet Ġodda”, meqjusa bħala l-ewwel dokument ewlieni tat-Tagħlim Soċjali Kattoliku modern. Biha infetaħ kapitlu ġdid u importanti ħafna fir-relazzjoni bejn il-Knisja u s-Soċjetà moderna.
Fiha, il-Papa Ljun XIII ddefenda …
id-dinjità tax-xogħol,
id-dritt tal-ħaddiema għal paga ġusta,
id-dritt tal-ħaddiema li jingħaqdu f’unions,
il-jedd tal-proprjetà privata,
u r-responsabbiltà tal-istat li jipproteġi lill-vulnerabbli.
Fiha ukoll huwa kkritika …
kemm il-kapitaliżmu bla kontroll,
kif ukoll il-komuniżmu estrem.
Aktar żvilupp fit-Tieni Nofs tas-Seklu Għoxrin
Il-Papa Piju XI u Quadragesimo Anno.
Fl-1931, erbgħin sena wara Rerum Novarum, Il-Papa Piju XI ippubblika Quadragesimo Anno. Dan id-dokument kompla żviluppa l-prinċipju tas-sussidjarjetà, ikkritika bil-qawwa l-konċentrazzjoni tal-poter ekonomiku, u enfasizza mill-ġdid l-importanza tal-ġustizzja soċjali.
Il-Papa Ġwanni XXIII u l-Pacem in Terris
Fil-11 ta’ April 1963, f’nofs il-gwerra bierda u f’ċirkustanzi ta’ theddida nukleari serja, Ġwanni XXIII, permezz tal-Enċiklika Pacem in Terris, enfasizza l-importanza u l-urġenza tal-paċi, id-drittijiet tal-bniedem, u l-bżonn imminenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali.
Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u l-Gaudium st Spes
Bejn l-1962 u l-1965 sar il-Konċilju Vatikan II, li kellu impatt kbir fuq il-Knisja moderna. Wieħed mid-dokumenti l-aktar importanti kienet il-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, li tittratta dwar id-dinjità tal-persuna umana, il-komunità tal-bnedmin, u l-ħidma tal-bniedem fl-univers. Dan kien iż-żmien meta bdiet tikber l-esplorazzjoni spazjali.
Taqsimiet oħra ta’ dan id-dokument konċiljari jitrattaw dwar il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum, il-politika, il-paċi, u l-ħajja internazzjonali, iż-żwieġ u l-familja, l-iżvilupp xieraq tal-kultura, il-ħajja ekonomika u soċjali, u d-djalogu bejn il-bnedmin kollha.
Fil-bidu tal-Gaudium et Spes, l-isqfijiet fil-Konċilju ddikjaraw li l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum huma wkoll l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu.” Dan juri kemm il-Knisja trid tkun qrib il-problemi reali tas-soċjetà.
Il-Papa Pawlu VI u l-Populorum Progressio
Kif juri l-isem innifsu, din kienet Enċiklika dwar l-iżvilupp tal-popli. Fiha l-Papa tkellem dwar il-faqar globali u l-inugwaljanzi kbar bejn il-pajjiżi sinjuri u dawk foqra.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II
Matul is-seba’ u għoxrin sena tal-pontifikat tiegħu, Ġwanni Pawlu II għamel kontribuzzjonijiet monumentali lit-Tagħlim Soċjali Kattoliku, billi ankra profondament id-dinjità umana fir-realtà tax-xogħol, is-solidarjetà globali, u l-valur tal-ħajja umana. Il-maġisterju soċjali tiegħu jindirizza r-responsabbiltajiet etiċi tal-individwi, l-ekonomiji, u l-gvernijiet fid-dinja moderna.
Laborem Exercens (1981) – Enċiklika dwar ix-Xogħol tal-Bniedem. Miktuba għad-90 anniversarju ta’ Rerum Novarum, dan it-test jenfasizza ċ-ċentralità tax-xogħol. Jistabbilixxi li l-valur tax-xogħol għandu l-għeruq tiegħu fid-dinjità tal-ħaddiem u jiddikjara li x-xogħol għandu jieħu prijorità fuq il-kapital.
Sollicitudo Rei Socialis (1987) – Dwar l-Iżvilupp Soċjali. Din l-Enċiklika, li tfakkar 20 sena ta’ Populorum Progressio, tindirizza l-iżvilupp globali u d-distakk qawwi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tad-Dinja. Tikkritika b’mod qawwi dak il-kapitaliżmu li fih l-għan ewlieni huwa biss it-tkattir tal-qliegħ. Tikkritika wkoll il-kollettiviżmu Marxista fejn il-ġid kollettiv tal-klassi jirbaħ fuq dak tal-persuna individwali.
Centesimus Annus (1991) – Fil-Mitt Sena tar-Rerum Novarum. Enċiklika ppubblikat wara l-waqgħa tal-komuniżmu. Għalhekk fiha l-Papa jiddeskrivi l-fallimenti tas-soċjaliżmu, jevalwa l-etika tas-swieq ħielsa u l-proprjetà privata, u jenfasizza l-ħtieġa għal globalizzazzjoni fis-solidarjetà.
Il-Papa Benedittu XVI u Caritas in Veritate (2009): Din l-Enċiklika soċjali tenfasizza li l-karità trid dejjem tkun iggwidata mill-verità biex jinkiseb żvilupp uman awtentiku. Fiha il-Papa jindirizza l-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent, u l-ħtieġa għal ekonomija globali ffukata fuq il-persuna umana aktar milli fuq il-profitt biss. Fija enfasizza r-rabta bejn il-karità, il-verità, u l-etika fl-ekonomija.
Il-Papa Franġisku: Id-dokumenti soċjali ewlenin ta’ dan il-Papa jkabbru b’mod sinifikanti t-Tagħlim Soċjali Kattoliku, b’fokus speċjali fuq id-dinjità tal-bniedem, il-ġustizzja ekonomika, u l-ambjent, il-faqar, il-migrazzjoni, u l-fraternità universali.
Laudato si’ (2015). Hija Enċiklika dwar il-Ħarsien tad-Dar Komuni Tagħna”. Din hija l-enċiklika ekoloġika u soċjali tiegħu li fiha jitratta dwar ekoloġija integrali, li tgħaqqad il-kriżi tad-taħsir ambjentali mal-għajta tal-foqra, u tħeġġeġ lill-umanità kollha biex tipproteġi l-pjaneta – dar komuni tagħna lkoll.
Fratelli tutti (2020). Hija Enċiklika dwar il-Fraternità u l-Ħbiberija Soċjali. Dan id-dokument jiddeskrivi l-viżjoni ta’ Franġisku għal dinja aktar ġusta, paċifika u fraterna. Jindirizza kwistjonijiet bħall-inugwaljanza ekonomika, il-migrazzjoni u l-ħtieġa għal djalogu politiku mġedded.
Il-Papa Ljun XIV u Dilexi Te (2025) – Jiena lilek ħabbejtek.
Din l-Eżortazzjoni Appostolika tiffoka fuq verità sempliċi iżda eżiġenti. Fiha l-laqgħa ma’ Kristu hija inseparabbli mill-kura tal-foqra. L-iskop tagħha mhuwiex biss wieħed devozzjonali għaliex id-dokument iqiegħed ukoll l-imħabba tal-Knisja għall-foqra fi ħdan tradizzjoni Kattolika ferm akbar; l-isforz kontinwu tal-Knisja biex taqra l-problema soċjali fid-dawl tal-Evanġelju, tal-liġi naturali, u tal-ġid komuni. Fiha l-Papa jaġġorna t-tagħlim soċjali tal-Knisja skont il-kundizzjonijiet ta’ żmienna bla ma jabbanduna l-prinċipji fundamentali.
Fid-Dilexi Te, il-Papa jieħu l-punt tat-tluq tiegħu mill-Apokalissi, “Jiena lilek ħabbejtek” (3:9), kelma li kienet indirizzata lil komunità li trattata bil-vjolenza u disprezzata. Dik il-kelma biblika mbagħad issir il-missjoni tal-Knisja u t-triq ta’ qdusija. Il-Papa Ljun XIV jgħaqqad b’mod espliċitu din l-eżortazzjoni tiegħu f’kontinwità mat-tagħlim tal-Papa Franġisku li Kristu kien identifika ruħu mal-aktar setturi baxxi tas-soċjetà u kkonferma d-dinjità ta’ kull persuna, speċjalment meta din tkun dgħajfa, imżebilħa, jew qed tbati.
Fil-15 ta’ Mejju 1891, 135 sena ilu, il-Papa Ljun XIII kien tana l-ewwel Enċiklika soċjali tal-Knisja, Rerum Novarum, dwar il-ħwejjeġ ġodda li kienu qed iseħħu fid-dinja ta’ żmienu. Tgħid fil-25 ta’ Mejju 2026, meta l-Papa Ljun XIV ser jagħtina l-ewwel Enċiklika tiegħu, Magnifica Humanitas, dwar liema ħwejjeġ ġodda ta’ żmienna, jixtieq ikellimna?