Adorazzjoni. Corpus Christi. Sena A

Taħt ix-xbiha ta’ Ostja ċkejkna,

O Ġesù ġejt tgħammar fija,

Ġejt iżżurni għalkemm fqajjar,

Int li fdejtni u mitt għalija.

Ma nsibx kliem O Alla tiegħi,

Biex infaħħrek kif irrid,

Għax jien xejn u Inti kollox,

Int fawwara ta’ kull ġid.

Kemm nixtieq f’dal ħin hawn miegħek,

Ninsa kollox u ‘l kulħadd,

Biex minn qalbi nista’ ngħidlek,

“Egħżeż minnek m’għandi ‘l ħadd”.    (10 sek pawsa)

Iva O Sinjur, egħżeż minnek m’għandi ‘l ħadd; għax Int kollox għalija. Inti l-qawwa tiegħi; Int is-saħħa tiegħi; Inti kollox.

U bħal San Pietru, ngħidlek: “Mulej, għand min immorru? Inti biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6,68). Minnek toħroġ “l-għajn tal-ilma li twassal sal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,14).    (5 sek pawsa)

Grazzi O Ġesù, tal-imħabba kbira li Int għandek għalina. Tant tħobbna, li ħallejtilna lilek innifsek fl-Ewkaristija; tajtna Ġismek u Demmek, biex inkunu nistgħu nirċevuk, biex inkunu nistgħu nadurawk.

Int, O Mulej, qiegħed preżenti, hawn fostna; l-preżenza tiegħek, f’dik id-daqsxejn ta’ Ostja bajda, hija preżenza reali. Xi grazzja kbira tajtna O Sinjur, li l-lejla ġbartna hawn madwarek, biex inqattgħu ftit ħin miegħek. U bħal San Pietru ngħidulek “Kemm hu sew li aħna hawn!” (Mt 17,4).

Silenzju       1 min

Nhar il-Ħadd li ġej niċċelebraw il-festa solenni tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù. Ejjew f dan il-ħin, niffissaw ħarsitna fuqu, nħalluh jimliena bil-grazzja u bl-imħabba tiegħu.

Quddiemek hawn miġbura, biex flimkien Ġesù nqimuk. Aran lkoll madwarek; Int taf kemm inħobbuk! Ħallina nibqgħu miegħek, ħa ntuk kull ħajr u ġieħ; għaliex Int jistħoqqlok, ġieh u glorja.  Int O Alla, bħalek m’hawn imkien.       

Silenzju       2 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                             Ġw 3:16-18

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

“Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6,51). Mulej, meta int tmajt il-ħamest elef ruħ, b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, il-folla bdiet tiġri warajk; ma riditx tħallik minuta kwiet. Imma Int kont ċar magħhom, u għidtilhom: li qegħdin ifittxuk mhux għax raw sinjal, imma għax kielu mill-ħobż u xebaw.

Meta bdejt tagħtihom l-ikel veru, l-Kelma tiegħek; meta bdejt titmagħhom bl-ikel spiritwali; hemmhekk bdew ixenglu rashom u jgergru. Saħansittra Mulej, waslu biex jistaqsu fuq l-identità tiegħek! “Dan m’huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ‘l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: “Jiena nżilt mis-sema?” (Ġw 6,42). Anke bdew jitlewmu bejniethom: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex niekluh?” (Ġw 6,52). Mulej, anke wħud mid-dixxipli tiegħek, qalu li “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” (Ġw 6,60).

O Ġesù, m’għandniex għalfejn nitkażaw bin-nies ta’ żmienek, m’aħniex inqas minnhom. Meta fil-ħajja kollox miexi sew, inkunu mħabbtin wisq Mulej, u ma jkollnix ħin biex niġu niltaqgħu ftit miegħek. Imma meta jinqala xi mard fil-familja, jew xi nkwiet, jew xi hemm, arana ġejjin niġru għandek. Hemmhekk ikollna ħin għalik, hemmhekk niftakru fik.          (5 sek pawsa)

O Sinjur, jista’ jkun li forsi wħud minna hawn qed jgħidu: mhux għalina dan il-kliem! Aħna morru l-Quddies, inqerru spiss, saħansittra kull nhar ta’ Ħamis, niġu hawn ħdejk għall-adorazzjoni; u anke nsibu l-ħin biex niġu nsellmulek fil-Kappella tal-adorazzjoni. Ħaġa tajba, u hekk għandu jkun. Imma ejjew nieqfu ftit u nistaqsu ftit lilna nfusna: l-qalb tiegħi, tixbaħ lil dik ta’ Ġesù? Hemm fija kompassjoni, ħniena, tjubija? Jien ħfirt lil min weġġgħani, lil min naqasni? Idejja miftuħa beraħ għall-oħrajn? (5 sek pawsa)

O Sinjur, int tridna nkunu differenti minn mal-massa; Inti tridna nkunu Nsara awtentiċi, li nkunu xhieda tiegħek, mhux biss bil-kliem, imma wkoll bl-eżempju u bl-għemil tagħna.

Mulej, aħfrilna, meta xi kultant neħduk for granted. Aħfrilna, meta nfittxuk biss fil-mumenti ibsin fil-ħajja tagħna. Nafu li inti tifhimna, u xi kultant anke tinqeda b’dawn iċ-ċirkustanzi, biex tiġbidna lejk; biex iddewqilna l-Ħniena u l-imħabba tiegħek. Aħfrilna Mulej, meta ma nagħtux eżempju tajjeb. Aħfrilna meta mhux dejjem ngħixu ta’ Nsara veri kif tridna Int. Ħu paċenzja ftit bina O Sinjur, u kompli ibdel il-qalb iebsa tagħna, kompli ġeddidna bl-Ispirtu Qaddis tiegħek, kompli saffina u għamilna nixbħu lilek.

Silenzju                 2 min

O Ġesù, Int tajtna lilek innifsek fl-Ewkaristija, bħala ikel spiritwali, biex tgħajjixna fit-triq tagħna lejn is-sema pajjiżna. Dan hu l-akbar sagrament li tajtna, ġest ta’ umiltà u għotja, ġest ta’ qsim. Inti stess għidtilna: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih” (Ġw 6,56). Mulej, ejja fina u għamilna tiegħek. Sawwarna fik. Iva, O Ġesù, saffina, naddafna, qaddisna, waħħadna miegħek, u tħallina qatt li ninfirdu minn miegħek.

Mulej Ġesù, ħares bil-Ħniena tiegħek lis-saċerdoti tagħna: qaddishom, saffihom, imliehom bl-Ispirtu tiegħek, ħa jkomplu jgħinuna fil-mixja tagħna fil-ħajja nisranija. Mingħajr is-saċerdot, ma jkollniex Ewkaristija, għalhekk nitolbuk, tħallina qatt nieqsa mis-saċerdoti.        (5 sek pawsa)

Santa Tereża ta’ Kalkutta, kienet tgħid: “Meta tħares lejn l-Ostja Mqaddsa, tifhem kemm Ġesù jħobbok issa”. Ejjew, issa npoġġu ħarsitna fuq Ġesù, f’dik l-Ostja mqaddsa, u nħalluh iħobbna u jimliena bl-imħabba u l-grazzja tiegħu.

Silenzju                 3 min

Innu: ____________

Preċi

Sidna Ġesù ħejjielna ikla u għaliha jistieden lil kulħadd; fiha tana Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb li jagħti l-ħajja lid-dinja. Nitolbuh u ngħidulu:

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Kristu, Bin Alla l-ħaj, int ordnajtilna biex nagħmlu l-ikla Ewkaristika b’tifkira tiegħek: agħmel li l-Knisja tiegħek tiċċelebra b’fedeltà dan il-misteru ħalli tistagħna bil-ġid tiegħu.

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Kristu, li int waħdek il-Qassis ta’ Alla l-Għoli, int ħallejt f’idejn is-saċerdoti biex joffru s-sagrifiċċju u jamministraw is-sagramenti tiegħek: għinhom jgħixu ħajja li taqbel mal-qdusija tal-misteri li jiċċelebraw.

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Kristu, manna mis-sema, int tagħmel ġisem wieħed flimkien lil dawk kollha li jaqsmu bejniethom ħobża waħda: kattar is-sliem u saħħaħ l-għaqda ta’ dawk kollha li jemmnu fik.

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Kristu, tabib tagħna mis-sema, int tagħtina l-ħobż tiegħek bħala mezz għall-ħajja ta’ dejjem u rahan tal-qawmien mill-imwiet: rodd is-saħħa lill-morda, l-faraġ lill-imniktin u t-tama ħajja lill-midinbin.

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Nitolbuk, għat-tfal tagħna, b’mod speċjali lil dawk li għamlu l-Ewwel Tqarbina: agħmel li l-ferħ li tahom Ġesù Ewkaristija ġewwa fihom, jgħixuh tul ħajjithom kollha. Nitolbu. 

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Nitolbuk għall-ġenituri kollha, biex dejjem ikunu għotja sħiħa ta’ mħabba u mera mill-isbaħ tal-ħajja nisranija. Nitolbu

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading