Meta l-Isqfijiet Jiltaqgħu

When Bishops Meet. Ħarsa minn John W. O’Malley lejn l-istorja tal-Knisja fil-ġrajja tal-aħħar tliet konċilji.

Il-ktieb, “When Bishops Meet: An Essay Comparing Trent, Vatican I, and Vatican II” (2019) ta’ John W. O’Malley huwa studju storiku u ekkleżjastiku li jqabbel it-tliet konċilji ewlenin tal-Knisja Kattolika fl-era moderna; Il-Konċilju ta’ Trentu (1545-1563), il-Konċilju Vatikan I (1869-1870) u l-Konċilju Vatikan II (1962-1965).

L-awtur, John W. O’Malley (1927–2022) kien saċerdot Ġiżwita Amerikan u wieħed mill-aktar storiċi distinti tal-Knisja Kattolika ta’ żmienna. Huwa għallem għal bosta snin fl-Università ta’ Georgetown f’Washington, D.C., u kiseb reputazzjoni internazzjonali għar-riċerka tiegħu dwar il-Konċilji tal-Knisja, ir-Riforma Kattolika u l-istorja tal-Ġiżwiti.

Matul il-karriera tiegħu, O’Malley ippubblika numru kbir ta’ kotba li għenu biex jinftiehmu aħjar il-Konċilju ta’ Trentu, il-Konċilji Vatikan I u l-Konċilju Vatikan II, kif ukoll l-iżvilupp storiku tal-Knisja Kattolika. Fost l-aktar xogħlijiet magħrufa oħra tiegħu nsibu, “What Happened at Vatican II”, “Trent: What Happened at the Council”, u “Vatican I” Il-kontribut tiegħu għall-istudju tal-istorja ekkleżjastika ġie rikonoxxut madwar id-dinja, u llum huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar interpreti importanti tal-Knisja Kattolika moderna.

Fil-ktieb tiegħu, “When Bishops Meet”, O’Malley ma janalizzax l-aħħar tliet konċilji tal-Knisja b’mod separat, iżda jqabbelhom bejniethom. Huwa jistaqsi mistoqsijiet fundamentali: Min kellu l-awtorità fil-Knisja? X’kien ir-rwol tal-Papa? Kemm kellhom influwenza l-isqfijiet, it-teologi u l-lajċi? Permezz ta’ dawn il-mistoqsijiet, il-qarrej jista’ jara kif il-bilanċ tal-poter inbidel matul aħħar minn erba’ sekli ta’ storja Kattolika.

Mhux Vatikan II biss

Waħda mit-teżijiet ewlenin tal-ktieb hija li l-Knisja tal-lum ma tistax tinftiehem biss fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II. Skont O’Malley, hemm kontinwità storika li tibda minn Trentu, tgħaddi minn Vatikan I, u tasal sa Vatikan II. Kull konċilju wieġeb għall-isfidi ta’ żmienu, iżda fl-istess ħin ħalla impatt fit-tul fuq it-tmexxija u l-identità tal-Knisja.

L-awtur juri wkoll kif il-parteċipazzjoni fil-konċilji nbidlet maż-żmien. Filwaqt li fil-Konċilju ta’ Trentu, il-lajċi u l-awtoritajiet politiċi kellhom influwenza sinifikanti, f’Vatikan I, il-figura tal-Papa kisbet prominenza kbira, speċjalment permezz tad-definizzjoni tad-domma tal-infallibbiltà tal-Papa. Fil-Konċilju Vatikan II, min-naħa l-oħra, kienu l-isqfijiet minn madwar id-dinja kollha, b’kollox madwar 2,500, li kellhom is-sehem l-aktar attiv fid-diskussjonijiet. Fl-istess waqt, it-teologi preżenti kellhom influwenza importanti fil-formulazzjoni tad-dokumenti finali u fid-diskussjonijiet informali li kien ikollhom mal-Isqfijiet. Fost dawn kien hemm it-teologu Ġermaniż Joseph Ratzinger, li fl-2002, wara l-mewt ta’ Ġwanni Pawlu II, huwa kien inħatar Papa u kien ħa l-isem ta’ Benedittu XVI.

Dak li laqatni fil-ktieb, “When Bishops Meet”, huwa l-mod kif l-awtur jirnexxilu li suġġett storiku u teoloġiku kumpless jagħmlu aċċessibbli għal qarrej komuni li mhux speċjaliżżat. Għalkemm huwa bbażat fuq riċerka akkademika estensiva, l-istil ta’ O’Malley huwa wieħed ċar u narrattiv. Għalhekk, il-ktieb jista’ jkun ta’ interess mhux biss għall-istudjużi tal-istorja tal-Knisja, iżda wkoll għal dawk kollha li jixtiequ jifhmu aħjar kif il-Knisja Kattolika waslet biex tkun dak li hi llum.

Nemmen li, “When Bishops Meet” huwa xogħol importanti li joffri perspettiva wiesgħa fuq il-Konċilji Ekumenici moderni. Il-ktieb juri li meta l-isqfijiet jiltaqgħu biex jiddiskutu l-fidi, il-governanza u l-missjoni tal-Knisja, il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jibqgħu jinħassu għal sekli sħaħ wara. Għal min hu interessat fl-istorja tal-Knisja, fil-Konċilju Ekumeniku Vatikan II jew fl-iżvilupp tal-Kattoliċiżmu modern, dan il-ktieb huwa bla dubju ta’ xejn, introduzzjoni eċċellenti u riflessiva għas-suġġett.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading