Il-Ħabbar ta’ Sant’ Antnin ta’ Mejju-Ġunju 2026

FL-ELEZZJONI ĠENERALI GĦARAFNA S-SEWWA U X-XIERAQ GĦAL PAJJIŻNA?

…ħidma nobbli mill-ACN b’risq il-Kristjani ppersegwitati

Michael Caruana

Għadha kemm ġiet ippubblikata l-ħarġa ta’ Mejju-Ġunju tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant Antnin. Rivista reliġjuża u kulturali ta’ kull xahrejn maħruġa mill-Provinċja Maltija tal-Franġiskani Konventwali.

L-editorjal ta’ din il-ħarġa hu maqsum f’żewġ partijiet: l-ewwel parti hi dwar l-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju li għadda u n-Nota Pastorali tal-Isqfijiet dwarha u t-tieni parti hi dwar l-egħluq tat-12-il sena mill-ftuħ tal-uffiċċju tal-Aid to the Church in Need (ACN) f’Malta.

L‑editorjal isejjaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet ġrajja ta’ importanza kbira fil‑ħajja tas‑soċjetà Maltija għax fiha għażilna lil min qed nafdaw it‑tmexxija ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin. Isemmi li hi ġrajja ta’ importanza kbira għax f’elezzjoni ġenerali l-elettorat ikollu responsabbiltà serja fuq spallejh li titlob minnu preparazzjoni ħalli jieħdu deċiżjoni infurmata. Kif qalu l-Isqfijiet fin-Nota Pastorali kienet “responsabbiltà li titlob minna li nivvutaw skont il‑kuxjenza, li tfisser li quddiem Alla nagħrfu dak li hu sewwa u xieraq u nagħżlu dak li hu tassew għall‑ġid komuni u għal soċjetà ġusta? Il‑vot tagħna”, issoktaw, kellu jkun “tweġiba għall‑mistoqsija fundamentali ta’ x’tip ta’ soċjetà rridu nibnu għalina lkoll u għall‑ġenerazzjonijiet li ġejjin”?

Bil-vot tagħna ħadtna l-parir tal-Isqfijiet u għażlna persuni ta’ integrità u għerf li jħaddnu u jgħożżu l‑valuri etiċi li nemmnu fihom? Qdejna dmirna b’responsabbiltà u għamilna l‑għażla t‑tajba? U fil-kampanja elettorali u wara, fi kliemna, fil‑midja soċjali u f’għemilna konna mmexxija minn spirtu ta’ djalogu, ta’ rispett u ta’ stima lejn xulxin anki lejn dawk li jaħsbuha differenti minna?

It-tieni parti tal-editorjal hi dwar l-Aid to the Church in Need (ACN) li qed tiċċelebra egħluq it-12-il sena mill-ftuħ tal-uffiċċju tagħha f’Malta. F’dawn it-12-il sena l-ACN għenet fejn il-Knisja kienet ippersegwitata u ma setgħetx teżerċita l-missjoni tagħha jew fejn kienet nieqsa mill-mezzi biex twettaq il-missjoni fdata lilha. Ħadet ħsieb twassal ikel, ħwejjeġ, mediċini u tat kenn u dak li hu essenzjali għall-Kristjani ppersegwitati; bniet kliniċi, djar għat-tfal, skejjel u knejjes; u ssusidjat lis-saċerdoti li jwettqu ħidma pastorali fejn il-Knisja hi fqira u ppersegwitata.

Bħala solidarjetà Kristjana, l-ACN tat għajnuna ta’ emerġenza lil persuni fi gwerer, vjolenza u katastrofi naturali u wetqet mas-6,000 proġett f’140 pajjiż madwar id-dinja; tat appoġġ għall-formazzjoni lil madwar 18,000 seminarista u reliġjużi; u għenet b’mod konkret missjunarji (fosthom saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin u Għawdxin) f’diversi proġetti.

Fuq kollox, isostni l-editortjal, l-uffiċċju tal-ACN f’Malta serva matul dawn it-12-il sena bħala pont vitali bejn il-ġenerożità tal-poplu Malti u l-Knisja ppersegwitata u hekk se jkompli jkun fis-snin li ġejjin. Iżda xejn minn dan ma kien ikun possibbli mingħajr il-benefatturi li huma l-idejn u r-riġlejn ta’ din il-missjoni, ta’ din il-ġenerożità u ta’ din is-solidarjetà. Bl-għajnuna ta’ dawn, l-uffiċċju tal-ACN f’Malta se jkompli jkun fjamma ta’ tama f’dinja li tant tinħtieġha.

Ir-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin tinbiegħ mill-ħwienet Emmuas il-Belt, Birkirkara u Victoria Għawdex.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading