VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU, 2026)
LAQGĦA “NISĠU XBIEK MAD-DINJA TAL-KULTURA, TAL-ARTI, TAL-EKONOMIJA U TAL-ISPORT”
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU KJUN XIV
“Movistar Arena” (Madrid)
Il-Ħadd, 7 ta’ Ġunju, 2026
Eminenza,
għeżież ħbieb,
hu pjaċir tiegħi li qed niltaqa’ magħkom hawnhekk, post li jilqa’ fih mhux biss attivitajiet sportivi, artistiċi u kulturali, imma wkoll l-aktar emozzjonijiet profondi tal-bniedem: il-ferħ u l-ammirazzjoni, l-entużjażmu u t-tama, kif ukoll id-diżappunt u l-frustrazzjoni.
F’dal-pajjiż merviljuż, impossibbli wieħed ma jammirax it-timbru ta’ kreattività li jagħġen l-istorja u l-identità tiegħu. Ġmiel li jolqot l-għajn, fl-ibliet tiegħu, fit-toroq u l-monumenti, fil-pjazez u l-ġonna, fl-universitajiet u l-knejjes, fil-mużika, fil-pittura u ż-żfin, fil-gastronomija. Hawnhekk jinħass ukoll l-ispirtu tal-ġenerazzjonijiet li ttrasformaw il-pajsaġġ u tawh wiċċ propju. Dan jurina l-intelliġenza u r-rieda li jgħammru fl-ispirtu uman, minn kull aspett.
Wara li b’attenzjoni osservajt dawn il-meravilji maħluqin mill-ġenerazzjonijiet li għaddew, inevitabbilment tqum mistoqsija li tisfida lilna lkoll: liema wirt qed inħallu lil ta’ warajna, u, bħala konsegwenza, liema tip ta’ komunità qed insawru?
Smajt b’interess kbir kull wieħed mill-interventi tar-relaturi; naqbel magħkom. Infatti, s-soċjetà tagħna, għandha ħila strordinarja li tipproduċi, iġġedded u tikkomunika; madankollu, donnu li għad hemm bżonn nitgħallmu kif inħarsu l-ispirtu ta’ dak li tiġġenera. Inkella nkunu qed nirriskjaw li nsiru esperti tal-mezzi tal-komunikazzjoni u effikaċi fil-produzzjoni, imma inċerti għala, għal liema għan, ma’ min u għal min qed nipproduċu. F’dal-kuntest, il-Knisja, konxja kemm mis-suċċessi tagħha kif ukoll mill-iżbalji tagħha tul l-istorja, tixtieq tibqa’ fi djalogu mad-dinja tal-lum.
Ix-xewqa għat-tjubija, is-sbuħija u l-verità għandha l-għeruq tagħha fid-DNA tal-umanità; u huwa minn din l-aspirazzjoni profondament umana u mill-esperjenza tagħha ta’ sekli sħaħ, li l-Knisja tipproponi mogħdijiet lejn ħajja dinjituża u l-ġid komuni. Rigward dan, quddiem il-Ġnus Magħquda, San Pawlu VI kien afferma illi, indipendentement mill-opinjoni li jista’ jkollu l-Isqof ta’ Ruma, il-missjoni tiegħu hi magħrufa sew. Għax hi “esperta fl-umanità”, il-Knisja għandha interess f’dak kollu li hu verament uman (cfr Gaudium et spes, 1). Għal dir-raġuni “l-attitudni għad-djalogu hi parti integrali mill-vokazzjoni tagħha” (Magnifica humanitas 2). Illum irridu nammettu li l-mistoqsija deċisiva tibqa’ dejjem l-istess: xi jfisser verament li aħna umani?
Bl-umiltà imma b’determinazzjoni l-Knisja taqsam dak li skopriet mill-esperjenza tal-fidi tagħha: li Ġesù Kristu hu t-tweġiba għal-dawn il-mistoqsijiet kbar u l-milja tagħhom, ibda minn din id-dinja sal-milja tagħhom fl-eternità. “Għalhekk, il-persuna umana, tibqa’ dejjem “it-triq ewlenija u fundamentali tal-Knisja” u l-qofol ta’ kull triq awtentika ta’ żvilupp uman integrali (ibid., 50). Għaldaqstant ma tistax tinjora l-kultura, għax permezz tagħha l-bniedem bħala bniedem “huwa” xi ħaġa aktar (cfr Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 554).
U preċiżament għax it-terminu “kultura” jfakkar fil-kunċett ta’ “kultivazzjoni”, kif jissuġġerixxi l-għerq etimoloġiku komuni għaż-żewġ termini, aħna msejħin insaqsu lilna nfusna x’qed niżirgħu llum, x’qed jiffjorixxi u x’qed jidbiel fis-skiet fis-soċjetà tagħna; liema valuri qed nippreservaw u liema qed inħallu jmutu. Dawn huma mistoqsijiet profondi u meħtieġa li ma jistgħux ikunu injorati.
Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet hemm bżonn djalogu soċjali li nistgħu nqabbluh mal-arti tal-insiġ tan-netwerks, li jimplika, laqgħa, smigħ, djalogu u rispett.
Fl-ambiti varji tal-attività umana jeħtieġ noqgħodu attenti għal-lingwaġġ li nużaw: miktub, orali, u fl-ambjent diġitali wkoll, dak tal-immaġni; għax il-komunikazzjoni qatt mhi newtra. Kull espressjoni hi komunikazzjoni, tittrażmetti: tista’ tferi jew tfejjaq, tkisser aspettattivi jew tiftaħ ixqfa ġodda, tiżra’ l-firda jew tkebbes it-tama fil-possibbiltà li flimkien nibnu xi ħaġa ġenwinament umana.
Għalhekk, in-nisġa tan-netwerks hi djalogu bejn l-istituzzjonijiet imsejjes fuq id-dinjità umana. Dan jimplika, per eżempju, li l-universitjiet ma jagħtux daharhom lid-dinja tax-xogħol jew jiċħdu l-verità; li n-negozji m’għandhomx jittrattaw lill-impjegati bħala sempliċi elementi għall-qadi tal-interessi tagħhom; li l-arti m’għandhiex ikollha l-élite bħala l-uniku skop tagħha; li l-isport m’għandux jispiċċa biss spettaklu inkella mibdul f’sempliċi negozju; li l-progress teknoloġiku għandu jagħti kont tal-anzjani, tal-foqra u ta’ dawk li m’għandhomx leħen.
Is-sehem tagħna għad-djalogu, li jibda minn viżjoni Nisranija tal-ħajja, joħroġ mill-għarfien li l-Ħallieq niseġ lill-bniedem bi ħjut ta’ mħabba; għax aħna ġejna maħluqin xbieha ta’ Alla, Alla li hu mħabba (cfr 1 Ġw 4:8). Hawnhekk tinsab il-bażi tad-dinjità inaljenabbli tal-bniedem, li d-djalogu huwa l-bażi tar-rispett assolut lejha.
It-tieni, in-nisġa ta’ netwerks tfisser li nikkrejaw flimkien. “Il-fidi,” stqarr il-Papa Benedittu XVI, “hija mħabba u għalhekk toħloq poeżija u mużika. Il-fidi hija ferħ, għalhekk toħloq is-sbuħija” (Katekeżi, 21 ta’ Mejju, 2008). Ilkoll għaddejna minn xi esperjenza ta’ xi ħaġa sabiħa, tant li bidlitna internament: kanzunetta, poeżija, knisja siekta, vuċi, ħarsa, anke xi logħba tal-basketball flimkien mal-ħbieb.
Mela mhix sorpriża li t-tħabbir tal-Bxara t-Tajba u l-għarfien li aħna aħwa jimmanifestaw ruħhom fis-“saeta” matul il-Ġimgħa Mqaddsa, fil-poeżija mistika u l-maestrija letterarja ta’ awturi bħal Lope de Vega, Santa Tereża ta’ Ávila, San Ġwann tas-Salib, Calderón de la Barca, jew fil-proża serena ta’ San Tumas ta’ Aquino, li mingħandu writna l-innijiet sbieħ ta’ Corpus Christi, is-solennità li qed niċċelebraw illum. Dan kollu juri l-konnessjoni bejn il-materjali u l-ispiritwali li jistabbilixxi l-eżistenza tagħna.
It-tielet, in-nisġa ta’ netwerks tfisser li noffru servizz diżinteressat. Ħarsa oġġettiva turina li rġiel u nisa mmexxijin mill-fidi bnew sptarijiet u skejjel, niedew inizjattivi ta’ solidarjetà, u tkellmu b’lingwaġġ li jinnobilita l-persuna. Għalhekk, huwa leġittimu nsaqsu b’onestà jekk id-dinja – u l-Ewropa b’mod partikolari – kinitx issawwar l-identità tagħha mingħajr it-timbru spiritwali li rifed l-istorja tagħha. Din mhijiex provokazzjoni, iżda stedina biex nirriflettu dwar jekk l-eternità, li nifdet iż-żmien u l-ispazju permezz tal-inkarnazzjoni ta’ Ġesù Kristu, tistax tkun rikonċiljata mal-ħajja ta’ kuljum.
Possibbli nemmnu li l-Ewropa – li tant inħobbu – setgħet tkun dak li hi mingħajr it-timbru tal-fidi? Għaliex nibżgħu li l-eternità tippenetra l-ħajja ta’ kuljum? Għadha tidwi l-għajta tal-predeċessuri tiegħi: Tibżgħux! Iftħu beraħ il-bibien għal Kristu! Ġesù Kristu ma joħdilna xejn u jtina kollox.
Nixtieq insaqsi lili nnifsi b’leħen għoli: min hu l-imwarrab minkejja t-tjubija u l-ħiliet tiegħu? Ma nistgħux ninjoraw li l-qagħda diffiċli tal-foqra tirrappreżenta karba li, matul l-istorja tal-bniedem, tisfida l-ħin kollu l-ħajja tagħna, is-soċjetajiet tagħna, is-sistemi politiċi u ekonomiċi tagħna, u l-Knisja (cfr Dilexi te, 9).
Tabilħaqq, Kristu jreġġa’ lura l-ġid komuni fil-post li jixraqlu bħala mħallef għaqli li jikkalma r-regħba ta’ xi wħud u jsostni t-tama ta’ oħrajn, filwaqt li jixtieq isalva lil kulħadd.
Din il-Knisja, esperta fl-umanità, anke jekk xi kultant tmur kontra l-kurrent, tinsisti li “l-istrutturi ekonomiċi u istituzzjonali huma ġusti biss safejn iservu l-iżvilupp integrali tal-persuna u jrawmu l-parteċipazzjoni responsabbli ta’ kulħadd” (Magnifica Humanitas, 34).
Fl-aħħar, ippermettuli niġbed l-attenzjoni tagħkom lejn dinja li, kif tafu, mhix barranija għalija: id-dinjja tal-isports. Niftakru kemm minna tgħallimna r-rispett lejn l-avversarju waqt il-logħob aktar milli wara li smajna xi diskors. Kemm sportivi jgħallmuna nitilfu bla ma nobgħodu, nirbħu bla ma numiljaw u nerġgħu nqumu wara li nkunu waqajna?
A propżitu ta’ dan, San Ġwanni Pawlu II, bħala sportiv u ragħaj, kien afferma: “F’dawn iż-żminijiet li fihom, sfortunatament, diversi forom ta’ vjolenza u għalhekk ta’ mibegħda għandhom it-tendenza li diżgrazzjatament iċarrtu n-nisġa tas-solidarjetà soċjali, intom (l-atleti) min-naħa tagħkom tagħtu kontribut bix-xhieda brillanti ta’ koeżjoni, ta’ paċi, ta’ għaqda, f’kelma waħda “tagħrfu kif tkunu flimkien” (Diskors lill-parteċipanti tat-33 kampjonat tal-Iskiing Fuq l-Ilma bejn l-Ewropa, l-Afrika u Mediterran, 31 ta’ Awwissu, 1979). Dal-kliem huwa aktar attwali issa minn meta nstama’ l-ewwel darba.
Għalhekk, għeżież ħbieb, nistedinkom tkunu ħjut ġodda li jinsġu netwerks ġodda li jarmonizzaw l-oqsma kollha tal-ħajja, biex tinsġu soċjetà mġedda fejn iż-żmien ikun mimli bl-eternità, il-kultura tippreserva l-memorja u trawwem id-djalogu, l-edukazzjoni tippromwovi t-tfittxija għall-verità bi spirtu kritiku, l-arti tqanqal l-istagħġib u tiġġenera emozzjonijiet nobbli, in-negozju jagħraf id-dinjità tal-persuna, u x-xogħol ikompli jkun forza ewlenija tat-tama.
Ejjew insiru ħjut ġodda kif iwissina San Pawl: “Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli. Tagħmluhiex ta’ għorrief. Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd” (Rum 12,15-18). Għax dan kollu jiddetermina jekk, fil-futur, l-“umanità tagħna fil-kobor kollu tagħha” hix se tkompli tiddi. Grazzi!
Qabel il-barka:
Ejjew ilkoll insiru bennejja ta’ dil-komunità l-ġdida!
Wara l-Barka:
Grazzi ħafna, proset lil kulħadd.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber