Kemm nafuh tassew lil San Pawl?

Meta fl-2021 il-Papa Franġisku beda sensiela ta’ katekeżijiet fuq l-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin, niftakar li kont sibt ruħi nistaqsi mistoqsija li baqgħet takkumpanjani minn dakinhar, aħna l-Insara tassew nafuh lil San Pawl?

Mhux qed nitkellem fuq il-ġrajja tiegħu, il-konverżjoni tiegħu fit-triq ta’ Damasku, jew fuq il-vjaġġi missjunarji tiegħu, in-nawfraġji u dak li naqraw dwaru fl-Atti tal-Appostli. Qed nitkellem fuq Pawlu kif jidher fil-kitbiet tiegħu stess. Kemm nafuh tassew it-tagħhim li ħallilna, speċjament kif kien jaħseb, jikteb u jitkellem fuq Kristu? Nafu tassew x’ried jgħid? Nafu x’kien jinkwietah? Nafu x’kienet il-qalba tal-evanġelju li pprietka?

Għal ħafna minna, San Pawl huwa figura familjari iżda fl-istess ħin barranija. Nisimgħu silta mill-ittri tiegħu fil-liturġija, nisimgħu xi kwotazzjonijiet magħrufa dwar l-imħabba jew il-fidi, iżda kemm ġieli qrajna ittri sħiħa tiegħu, mill-bidu sal-aħħar biex hekk nifhmu aħjar il-messaġġ li ried iwassal fiha?

Meta naqraw lil Pawlu direttament, niskopru persuna differenti minn dik li kultant nimmaġinaw. Mhuwiex teologu biered li qed jibni teoloġija astratta. Huwa appostlu, appassjonat minn Kristu, kultant ukoll emozzjonali ħafna. Huwa jikteb lil komunitajiet konkreti li qed jiffaċċjaw problemi li kienu tassew attwali.

L-Ittra lill-Galatin hija eżempju ċar ta’ dan. Pawlu jidher kważi rrabjat. Kien imħasseb li l-Galatin qed jitbiegħdu mill-libertà li Kristu ġabilhom. Għalih, il-qalba tal-fidi Nisranija mhijiex l-osservanza esterna tal-Liġi, iżda relazzjoni ġdida ma’ Alla permezz ta’ Kristu.

Hawnhekk forsi niltaqgħu ma’ waħda mill-akbar diffikultajiet biex nifhmu lil Pawlu. Aħna naqraw kliemu wara elfejn sena ta’ storja Nisranija. Nafuh bħala qaddis, bħala awtur tal-Iskrittura, bħala wieħed mill-pilastri tal-Knisja. Imma Pawlu kien Lhudi tal-ewwel seklu, iffurmat profondament fl-Iskrittura ta’ Iżrael u mill-wegħdiet li Alla kien għamel lill-poplu tiegħu.

Meta Pawlu kien jitkellem dwar il-fidi, il-grazzja, il-liġi jew il-ġustifikazzjoni, mhux bilfors kien dejjem qed juża dawn il-kliem bl-istess tifsira li aħna nagħtuhom illum. Kultant naħsbu li nifhmuh, iżda fil-fatt inkunu qed naqraw fih il-mentalità tagħna stess.

Il-Papa Franġisku enfasizza diversi drabi li Pawlu ma kienx qed jiġġieled kontra l-Liġi ta’ Mosè bħala xi ħaġa ħażina. Kien qed jiġġieled kontra l-idea li l-bniedem jista’ jsalva lilu nnifsu permezz tal-opri tiegħu. Is-salvazzjoni tibda dejjem mill-inizjattiva ta’ Alla. Kollox huwa frott tal-grazzja.

Dan il-messaġġ jibqa’ attwali ħafna fi żmienna. Anke llum nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni li nwaqqgħu l-fidi għal sett ta’ osservanzi, regoli jew drawwiet reliġjużi. Pawlu jfakkarna li fil-qalba tal-Kristjaneżmu hemm il-laqgħa personali tagħna ma’ Kristu ħaj.

Għalhekk il-mistoqsija tibqa’, nafuh tassew lil San Pawl? Forsi l-ewwel tweġiba trid tkun waħda umli. Le, għadna ma nafuhx biżżejjed. U forsi proprju għalhekk għandna nerġgħu niftħu l-ittri tiegħu, naqrawhom bil-paċenzja, u nħallu l-kelma tiegħu tisfidana.

Għax San Pawl mhux biss figura mill-passat li ħallilna sett ta’ kitbiet. Għalina l-Maltin u għal tant poplu oħra, Pawlu huwa Missierna fil-fidi li għadu jkellem lill-Knisja sal-lum. Il-mistoqsija hija jekk aħniex lesti nisimgħuh.

7 ta’ Ġunju 2026


Minn hawn taħt tista’ ssib bil-Malti, il-katekeżijiet kollha li kien għamel il-Papa Franġisku dwar l-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin. Ma’ kull waħda hemm ukoll il-filmat tal-Papa flimkien ma’ sotto-titoli bil-Malti … https://www.laikos.org/papa_frangisku_galatin.htm



David Suchet in The Footsteps of St Paul ehe Apostle – Ambassador of Christianity 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading