Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Madrid fil-festa tal-Ġisem u d-Demma tal-Mulej

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU 2026)
QUDDIESA, PURĊISSJONI U BARKA EWKARISTIKA
FIS-SOLENNITÀ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDES TA’ KRISTU
OMELIJA TAL-PAPA
“Plaza de Cibeles” (Madrid)
Il-Ħadd 7 ta’ Ġunju 2026

Eminenzi Reverendissimi, Eċċellenzi,
għeżież presbiteri, reliġjużi, Maestà,
ħuti,

B’qalbi mimlija ferħ, fil-bidu ta’ dan il-Vjaġġ fi Spanja, qed nippresiedi din iċ-Ċelebrazzjoni fil-jum tas-Solennità ta’ Corpus Domini.

Ninsabu miġburin madwar l-Ewkaristija, id-don tal-preżenza ħajja ta’ Kristu f’nofsna. Hu, li ried joffrilna l-ħajja tiegħu biex idaħħalna fil-komunjoni tal-Missier u jagħmilna wliedu, jinsab hawn, bħala ħobż ħaj li niżel mis-sema, li jitmagħna bl-istess ħajja ta’ Alla, bi mħabba li hi aqwa mill-mewt.

Din it-tifkira tal-Mulej preżenti fil-Ħobż Ewkaristiku tinsab fil-qalba tal-fidi tagħkom u tal-istorja tal-poplu tagħkom. Hawn f’Madrid, imma anki f’tant postijiet oħra ta’ Spanja, il-Corpus Domini mhuwiex waħda mill-ħafna festi tal-kalendarju liturġiku, imma ritorn lejn l-għeruq tal-fidi biex iġġeddu l-imħabba u l-fedeltà lejn Alla. Il-purċissjonijiet solenni ta’ dan il-jum sawru għal sekli sħaħ id-devozzjoni, l-arti, il-mużika, l-arkitettura u l-ħajja tal-poplu Spanjol u, sal-lum, għadhom jesprimu u juru s-sentiment spiritwali ta’ dan il-pajjiż anki permezz tal-ġmiel u l-eleganza tat-twapet tal-fjuri, tal-altari fit-toroq, tal-kura tal-ostensjorji u tal-espożitorji, tal-kant u tal-paramenti. Din mhix manifestazzjoni esterjuri, sopravivenza folkloristika jew sempliċi tiżjin estetiku: hawn għandna l-fidi fil-preżenza ta’ Kristu Rxoxt, li hu ħaj u għadu jgħaddi minn ġo nofsna, li jsir ħobż għall-ġuħ tagħna għall-ħajja u jżur l-irkejjen tal-qalb tagħna u tal-istorja tagħna, anki dawk l-aktar mudlama.

Hekk, jekk fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika Kristu jingħata bħala ikel, il-purċissjoni turina li hu ma jibqax magħluq fit-tempju imma, anzi, joħroġ jiltaqa’ magħna. Ġesù jimxi fit-toroq, jaqsam il-pjazez, iżur iż-żoni fejn noqogħdu, jgħix fil-postijiet tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, bħala Alla li jinsab fil-qrib u jimxi mal-poplu tiegħu, bħala s-Sid tal-istorja, faraġ tal-imsejkna, dawl għall-familji, tama għal dawk l-aktar dgħajfa, paċi għal min qed ibati. Kristu li jgħaddi mit-toroq fl-ostensorju huwa l-istess wieħed li jidentifika ruħu mal-foqra, il-morda, dawk li jinsabu waħidhom u huma mwarrba. Mhux ta’ b’xejn li hawn fi Spanja, il-Knisja ilha snin twal torbot is-Solennità tal-Corpus Domini ma’ Jum il-Karità.

M’aħniex sempliċiment qed noħorġu barra ostensorju, imma qed inħallu lilna nfusna ninġarru ’l barra mill-egoiżmu, mill-indifferenza, minn fidi komda u privata, biex inwieġbu għall-istedina tiegħu għall-konverżjoni, biex nibdlu ħarsitna, nilqgħu l-preżenza tiegħu li tibdilna u tagħmilna bennejja ta’ dinja ġdida.

Għalhekk, il-memorja storika tal-purċissjonijiet tal-Corpus Domini ma tinqafilx f’xi tifkira nostalġika; imma hija ssir stedina għal-lum, għall-ħajja personali tagħna, għar-relazzjonijiet tagħna, għas-soċjetà, għall-bini tal-futur. F’din l-ottika għandna nifhmu l-istedina biex “niftakru” li smajna fl-Ewwel Qari: “Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert”, ftakar f’kif meta kont bil-ġuħ jiena tmajtek il-manna; ifisser “niftakru” proprju biex ma ninsewx li huwa l-Mulej, biex ma naqgħux fit-tentazzjoni li nafdaw f’idoli oħra u nitrejqu b’ħobż li ma jaqtax ġuħ.

Din hi allura konsenja għal Spanja tal-lum u ta’ għada: ir-reliġjożità li sa minn sekli ilu qisha r-ruħ ta’ dan il-pajjiż ma għandhiex tkun mużew tal-passat li nżuru, imma skola ta’ fidi li minnha nitgħallmu llum ukoll. Skola li tgħallimna ninżlu għarkupptejna quddiem Alla u quddiem il-proxxmu, għax ħadd ma jista’ jinżel għarkupptejh quddiem il-Mulej u mbagħad iżeblaħ lil ħuh; skola li tgħallimna l-imħabba mogħtija b’xejn li ssir don, biex tiċċirkola fostna u tkisser il-ktajjen ta’ kull egoiżmu; skola li minnha nifhmu li Alla hu preżenza reali u anki aħna msejħin inkunu preżenti fis-sitwazzjonijiet u fl-isfidi tas-soċjetà, biex ma naħarbux, biex inħabirku aħna qabelxejn għall-bini tal-ġid komuni.

Ħuti, nixtieq hawn niftakru f’San Manuel González, l-isqof Spanjol tat-tabernakli abbandunati. Il-ħajja tiegħu tfakkarna li l-Ewkaristija ma tistax tingħata ġieħ biss fiċ-ċelebrazzjonijiet kbar jew b’mod okkażjonali, imma anki fil-fedeltà siekta ta’ min jagħmel kumpanija lill-Mulej meta jidher minsi, u fi ħbiberija umli u diskreta li titmantna ta’ kuljum; imma rrid infakkar ukoll fil-versi poetiċi ta’ San Ġwann tas-Salib: “Nafha tajjeb dik l-għajn li tgelgel u taqbeż, imqar jekk fond huwa l-lejl” (Għanja tar-ruħ li tifraħ li tagħraf lil Alla permezz tal-fidi). Fil-ħabs konventwali ta’ Toledo, fejn kien miżmum priġunier f’kundizzjonijiet l-aktar ibsin, proprju għall-kenn tal-Corpus Domini tal-1578, mil-lejl ta’ dak il-ħabs huwa għaraf il-preżenza moħbija tal-Mulej, li minnu joħroġ dawl li ma jafx b’għabex u ħajja li ma tintemmx. Ġesù Ewkaristiku hu “dik l-għajn eterna moħbija”: għajn li tgelgel u taqta’ l-għatx imma mingħajr ma tgħammex, mingħajr ma timponi ruħha b’qawwa esterjuri, mingħajr ma tippreżenta ruħha b’mod spettakolari.

Ejjew nerġgħu lura għandu bi mħabba sinċiera. Niftħu qalbna għal-laqgħa miegħu, inħallu li hu jaqa’ l-għatx tan-nixfa ta’ qalbna, biex imbagħad noħorġu fit-toroq tal-ħajja u tal-istorja u nwasslu qalb in-nies dan il-kurrent ta’ ilma frisk, kurrent ta’ mħabba, ta’ paċi, ta’ ġustizzja u ta’ ferħ. Nixorbu mill-ġdid minn din l-għajn Ewkaristika, li ma tagħlaqniex f’devozzjoni privata imma tibgħatna nsaqqu bl-ilma tagħha lil ħutna, il-familji, il-foqra, lil dawk li qed ibatu, lil dawk li tilfu t-tama. Il-grazzja Ewkaristika tibdilna, imma tagħmilna wkoll protagonisti tat-trasformazzjoni tal-istorja u sinjal ta’ tama għal dawk li magħhom niltaqgħu.

Il-Mulej Ġesù, preżenti fl-Ewkaristija, jagħmel minnkom ħobż maqsum, mogħti u offrut biex tista’ tgelgel ħajja sħiħa għalikom, għall-familji tagħkom u għal pajjiżkom.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading