Il-Papa Ljun XIV fl-Katidral ta’ Santa Marija ta’ tal-Almudena f’Madrid

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU 2026)
TALBA U OMAĠĠ LILL-VERĠNI TAL-ALMUDENA
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Katidral ta’ Santa Marija tal-Almudena (Madrid)
It-Tnejn 8 ta’ Ġunju 2026

Nirringrazzja lill-Eminenza Tiegħu, l-Arċisqof ta’ Madrid, tal-kelmtejn tiegħu. Insellem bi mħabba lilkom kollha, ħuti li, bil-ferħ u l-ħeġġa kollha, qed tingħaqdu llum hawn fl-omaġġ lis-Sinjura Tagħna tal-Almudena, Omm u Protettriċi ta’ din l-Arċidjoċesi, li matulu se nqiegħed f’riġlejha l-warda tad-deheb, simbolu tal-imħabba filjali tal-Papa lejn il-Verġni Marija.

Huma ħafna l-ġenerazzjonijiet ta’ wlied Madrid li, matul is-sekli, qiemu din ix-xbieha tal-Imqaddsa Marija, li qed terfa’ f’dirgħajha lil Binha divin u tgħaddihulna. It-tradizzjoni tirrakkonta li, fi żminijiet diffiċli għall-komunità Nisranija, biex jipproteġu l-istatwa tal-Verġni, ħbewha f’xaqq bejn il-ħitan taċ-ċittadella, fejn baqgħet moħbija għal ħafna żmien, sakemm, wara li mirakolożament iġġarrfet parti mill-ħitan, reġgħet instabet intatta.

Din id-devozzjoni Marjana millenarja, għażiża tant għalikom ilkoll, hija sinjal tal-għeruq Insara li jikkaratterizzawkom u jagħtukom il-ħajja, imma anki tat-tama kbira li tkompli tmexxikom fit-triq tagħkom. Kien grazzi għal ħajt imġarraf li seħħet il-laqgħa ġdida tal-Omm mal-poplu tagħha. Dan il-fatt hu providenzjali, għax jindika l-mixja li Ġesù, permezz tal-Omm Imqaddsa tiegħu, jistedinna nagħmlu. Għall-bidu, il-waqgħa ta’ ħajt ikkawżat għagħa sħiħ, kaos, diżordni, imma fetħet ukoll spazji, ġabet possibbiltajiet ġodda u xprunat għar-restawr. Fis-soċjetajiet ta’ żmienna għadhom jeżistu ħafna ħitan li ma jipproteġux, imma jifirdu, ibiegħdu u jiżolaw. Xi drabi, għax naħsbu li biex inġarrfuhom ikollha naffrontaw dak li ma jogħġobniex, nippreferu l-kumdità li kemm insaħħuhom ftit u, iżjed spiss, li ninjorawhom.

Madankollu, is-Sinjura Tagħna tal-Almudena, bil-preżenza tagħha u l-protezzjoni żgura tagħha, tgħidilna ħaġa oħra: biex nibnu xi ħaġa ġdida, sabiħa u li ttul, hemm bżonn inkunu lesti nġarrfu l-ħitan, għax biex nibdew mill-ġdid il-mixja hemm bżonn ta’ spazji li jippermettulna nilmħu x-xefaq. Billi aħna konvinti li l-Mulej miexi mal-Poplu qaddis tiegħu, jagħti widen għall-biżgħat tiegħu u jilqa’ b’għożża l-isforzi kollha tiegħu għat-tajjeb, inħeġġiġkom biex ma tonqsux mix-xhieda tagħkom ta’ fidi, biex tikkontemplaw il-pjan tal-imħabba tal-Missier. Inħeġġiġkom ma tonqsux mill-karità, biex tingħaqdu bħala familja waħda ta’ aħwa, u biex ma titilfux it-tama, biex twieżnu lil xulxin fl-azzjoni tagħkom fid-dinja. Nitlob li bl-eżempju u l-interċessjoni ta’ Santa Marija la Real de la Almudena, il-Verġni tal-Magnificat li tissokta xxandar il-kobor tal-Mulej u tfaħħar lil Alla s-Salvatur tagħha, hu stess iħares u jseddaq l-imħabba tagħkom għal Ġesù u għall-Knisja, biex tistgħu tkunu bennejja ta’ rabtiet li jirrestawraw il-lingwaġġ universali tal-komunjoni, tal-imħabba fraterna u tal-fehma waħda.

Jien u nagħmel tiegħi xi wħud mill-kelmiet tal-innu ddedikat lilha, nafdakom f’idejn l-għajnuna qawwija tal-imħabba tagħha ta’ omm:

Santa Marija tal-Almudena,

Verġni u Omm tal-Feddej,

Sultana tas-Sema, Omm tal-Imħabba,

taħt il-mant tiegħek, Verġni umli,

ifittxu l-kenn uliedek.

Omm kollok imħabba, Tempju ta’ Alla,

ħarisna, Sinjura, u għinna nkunu

bennejja tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Amen.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading