Laqgħa tal-Papa Ljun XIV mal-Parlament Spanjol

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FI SPAGNA
(6-12 TA’ ĠUNJU, 2026)

LAQGĦA MAL-MEMBRI TAL-PARLAMENT SPANJOL
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Kungress tad-Deputati (Madrid)
It-Tnejn, 8 ta’ Ġunju, 2026

President tal-Gvern,
President tal-Kungress tad-Deputati,
President tas-Senat,
President tat-Tribunal Kostituzzjonali,
President tat-Tribunal Suprem u tal-Kunsill Ġenerali tal-Poter Ġudizzjarju,
Membri tal-Kungress tad-Deputati u tas-Senat,
Sinjuri,

Irrodd ħajr lis-Sinjura President għall-kliem ġentili tagħha, kif ukoll għall-istedina li rċeviet is-Sede Appostolika fl-okkażjoni tal-vjaġġ tiegħi f’dal-pajjiż, u għall-kortesija li biha lqajtuni f’dal-palazz storiku tal-Kungress tad-Deputati, sede eminenti tal-ħajja istituzzjonali, ġuridika u demokratika tar-Renju ta’ Spanja.  Ninsab quddiemkom bħala Isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja Kattolika, konxju li l-missjoni afdata f’idejn is-Suċċessur tal-Appostlu Pietru, bħala bidu u sies tal-għaqda bejn l-Isqfijiet u l-fidili (cfr Lumen gentium, 23), lis-Santa Sede, b’mod partikolari, ddaħħalha fi djalogu mal-popli u mal-Istati.

Il-preżenza tiegħi fostkom hi ġest ta’ qrubija lejn Spanja, fil-qafas tal-koperazzjoni reċiproka, u kelma offruta bħala servizz lill-persuna umana.  Il-Knisja “timxi mal-umanità”, taqsam magħha t-tamiet u l-ġrieħi, tisma’ l-mistoqsijiet ta’ kull epoka u tilqa’ l-isfida “ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-eżistenza tal-bnedmin tal-lum”.  Għaldaqstant, meta tindirizza l-ħajja pubblika, dan tagħmlu b’rispett lejn il-missjoni propja tal-istituzzjonijiet u r-responsabbiltà leġittima ta’ min irċieva l-mandat li jgħaddi l-liġijiet.  Tagħraf “l-awtonomija tar-realtajiet terreni” u “d-distinzjoni bejn il-komunità ekkleżjali u l-komunità politika”, u, propju ibda minn dan l-għarfien, toffri riflessjoni li tinbet mix-xewqa li sservi l-ġid komuni u tfakkar dak li lill-konvivenza jagħmilha verament umana” (cfr Magnifica humanitas, 18-19).

F’dan l-Emiċiklu tingħata forma ġuridika lill-konvivenza soċjali.  Hawnhekk jinstemgħu d-differenzi, jingħataw struttura u, meta jkun possibbli, jinbidlu f’deċiżjoni maqbula.  Minħabba f’hekk, lil hinn mid-diversità tal-pożizzjonijiet leġittimi differenti, kull attività leġiżlattiva tispiċċa konfrontata b’mistoqsija deċisiva: liema kunċett ta’ persuna umana jispira l-liġijiet u liema tip ta’ soċjetà qed jibnu dawn il-liġijiet?

Quddiem dis-sitwazzjoni, Spanja għandha memorja partikolarment għanja.  L-identità ġjografika u politika tagħha intisġet ma’ storja li fiha l-fidi u r-raġuni, l-arti u d-dritt, it-tradizzjoni u l-ħsieb għarfu jiltaqgħu b’mod għammiel.  Fil-katidrali tagħha u fl-universitajiet, fil-letteratura immortali, fl-istituzzjonijiet ġuridiċi u fl-istess spirtu tal-poplu tagħha, għadu ħaj wirt li ta forma lil stil partikolari ta’ kif tingħex il-libertà, titħaddem il-ġustizzja u tkun regolata l-ħajja ta’ kuljum.

Mill-paġni immortali ta’ Don Chisciotte, fejn Cervantes iddikjara “li l-libertà (…) hi wieħed mill-aktar doni prezzjużi li s-sema ta lill-bniedem” (Don Chisciotte della Mancia, II, 58) sal-profondità spiritwali ta’ Santa Tereża ta’ Avila, u mill-kbira tradizzjoni ġuridika spanjola sal-ansjetà metafiżika ta’ Unamuno, li fakkar li l-bniedem “ma jirrasenjax ruħu li jmut għal kollox” (Del sentimento tragico della vita, I), Spanja għarfet tħares lejn il-bniedem bħala ħaġa li hi aktar minn sempliċi tessera fil-mużajk tal-ordinament soċjali, ekonomiku u politiku: għarfitu bħala kreatura miftuħa għall-verità, mogħnija bil-libertà u mmexxija min għatx ta’ eternità li ebda realtà temporali ma jirnexxilha ttaffi; f’kelma waħda, bħala persuna li d-dinjità tagħha tiġi qabel kull utilità u li kull azzjoni leġiżattiva qiegħda għas-servizz tagħha.

Għalhekk, meta llum nitkellmu dwar il-persuna umana, il-memorja teħodna lejn Salamanca u lejn il-ħsieb li mmatura hemmhekk.  Il-preżenza simbolika f’dis-sala tar-Renjanti Isabella u Ferdinando tfakkarna fil-mument meta Spanja sabet ruħha quddiem responsabbltajiet storiċi ta’ firxa universali; ftit snin wara, Salamanca kellha tassumi, b’ċarezza singolari, ir-riflessjoni morali u ġuridika meħtieġa f’dik is-sitwazzjoni.  F’dik is-sede universitarja, ħamesmitt sena ilu, meta kienu qed jinfetħu dinjiet ġodda u possibbiltajiet immensi fir-realzzjonijiet bejn il-popli, xi mgħallmin fehmu li dak li l-forza jew l-interessi kienu jqisuh kovenjenti, ir-raġuni qatt ma setgħet ittih forma leġittima.  Allura, fid-dixxerniment storiku introduċew id-domanda dwar il-valur irriduċibbli ta’ kull bniedem u dwar il-limiti morali tal-poter.  Irridu nammettu li s-soċjetà u l-Knisja nfisha mhux dejjem għexu skont l-intuwizzjonijiet li kellhom eku fl-istess tradizzjoni Nisranija tagħhom.

Madankollu, dik l-intuwizzjoni fetħet xefaq intellettwali u morali li mar ferm aktar ‘l hinn mill-kuntest storiku propju.  L-intuwizzjoni tat-totus orbis, ta’ komunità umana akbar minn kull poter partikolari, ippermettiet li tkun affermata l-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi u morali bejn il-popli.  Minn Spanja, ir-riflessjoni tal-Iskola ta’ Salamanca –  partikolarment ta’ fra Francisco de Vitoria, – flimkien ma’ dumnikani u ġiżwiti oħra – ikkontribwiet għall-formazzjoni ta’ kuxjenza legali u morali kapaċi tiftakar li l-awtorità dejjem għandha marbuta magħha r-responsabbiltà u li kull bniedem għandu jiġi rikonoxxut bħala suġġett bi drittijiet u dmirijiet.  Dik ix-xenqa għadha tidwi llum ukoll: jalla d-dinjità, il-ġustizzja u l-ġid komuni jkunu l-kejl tar-relazzjonijiet soċjali fuq livell nazzjonali u internazzjonali.

Dan hu wieħed mill-akbar wirt ta’ Spanja: li għaqqdet l-azzjoni storika maċ-ċarezza tar-raġuni morali.  Dal-kontribut, imwieled fuq ix-xtut tat-Tormes, sebaq l-awli u l-biblijoteki u sar parti minn kuxjenza aktar wiesa’, kondiviża mill-komunità internazzjonali li għadha ssaqsi lilha nfisha kif tista’ tibni l-paċi fuq l-għarfien tal-persuna u mhux bl-impożizzjoni tal-forza.  Dak il-wirt għadu jgħix ukoll f’dawn il-Cortes, kull darba li l-leġiżlatur isaqsi lilu nnifsu kif jista’ jagħmel biex dak li hu possibbli jkun ġust, biex dak li hu legali jkun verament uman u kif ir-rieda tal-maġġoranza tindokra l-ġid li hu ta’ kulħadd u tirrispetta dak li ebda maġġoranza ma tista’ timponi b’mod leġittimu.

Dil-mistoqsija ta’ Salamanca għadha takkumpajna l-impenn ta’ min jopera fil-qasam pubbliku.  Illum, qed jinfetħu quddiemna dinjiet ġodda li m’għadekx issibhom fuq il-mapep: jinfrixu fit-teknika, fl-ekonomija, fil-biomediċina u fl-univers diġitali, fejn is-setgħa umana laħqet irkejjen dejjem aktar delikati tal-ħajja personali u soċjali.

Il-progress joffri possibbiltajiet meraviljużi, u llum dan narawh b’mod partikolari fl-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji l-ġodda.  Kif fakkart fl-Enċiklika riċenti tiegħi, it-teknoloġija fiha nfisha mhix newtra għax tilbes il-wiċċ ta’ min joħloqha, jiffinanzjaha, jirregolaha u jużaha (cfr Magnifica humanitas, 9); tabilħaqq, quddiem it-trasformazzjonijiet ta’ żmienna, id-dixxerniment tagħna għandu jiffoka fuq il-post li tokkupa l-persuna umana fid-deċiżjonijiet tagħna u fuq kif illum għandhom ikunu proposti b’mod ġdid is-solidarjetà, il-politika soċjali u l-ġid komuni.

Dan id-dixxerniment jibda minn affermazzjoni fundamentali: kull soċjetà verament ġusta hi mwaqqfa fuq l-għarfien tad-dinjità invjolabbli tal-persuna umana.  Din id-dinjità tiġi qabel kull konċessjoni tal-Istat u qatt mhi subordinata għal kunsensi soċjali li jinbidlu jew għall-burdati tal-maġġoranzi tal-mument (cfr Benedittu XVI, Diskors lill-Parlament Federali Tedesk, 22 ta’ Settembru, 2011).  Din id-dinjità tinsab f’kull bniedem minħabba l-fatt li jeżisti, u għalhekk għandha torjenta kull ordinament ġuridiku pożittiv.  Il-fidi nisranija dan tipproklamah ibda mir-Rivelazzjoni; ir-raġuni umana tista’ tingħaraf bħala esiġenza mnaqqxa fil-verità tal-bniedem (cfr ibid.).  Meta dil-konvinzjoni tibqa’ ħajja, id-dritt isir ħarsien għal kulħadd u garanzija kontra kull impożizzjoni ta’ interessi u programmi partikolari.

Fuq din il-bażi, illum irid ngħid kelma serena u deċiża lil dawk li għandhom ir-responsabbiltà gravi li legalment iġibu l-ordni fil-konvivenza soċjali.  Dil-konvivenza tista’ titqies mhedda “mill-kultura tal-iskart”, kif osserva kemm-il darba l-Papa Franġisku (cfr Diskors lill-Assemblea Plenarja tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, 27 ta’ Settembru, 2021).  F’das-sens, jekk il-ħajja ma tibqax titqies bħala valur fundamentali, liema futur jista’ jkollhom is-soċjetajiet tagħna?  Tista’ tgħid li hi ġusta komunità li tħalli fid-dell lit-tarbija mhux imwielda, lill-anzjan, lill-marid, lil min qed isofri fis-skiet jew min jiddependi għal kollox mill-attenzjoni tal-oħrajn?  Id-difiża tal-ħajja umana mhix kwistjoni ta’ interessi partikolari u lanqas konfessjonali: hi għan taċ-ċiviltà.  Kull ħajja umana għandha tingħata għarfien u tkun imħarsa mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha, f’kull ċirkostanza tal-eżistenza tagħha.  Meta din iċ-ċertezza tiċċajpar, l-ewwel vittmi jkunu l-aktar vulnerabbli u l-liġi titlef it-tifsira l-aktar  profonda tagħha: li sservi u tħares lil kull persuna.  Għaldaqstant, il-kobor morali ta’ nazzjon, aktar minn kollox, jidher mill-ħila li għandu li jakkumpanja, jipproteġi u jħobb il-ħajjiet l-aktar immarkati bi fraġilità.

F’ċertu sens, il-ġid komuni hu “l-għamla soċjali tad-dinjità umana” (cfr Magnifica humanitas, 59).  Dan mhuwiex sempliċiment is-somma ta’ interessi partikolari, iżda “ġabra ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li jippermettu kemm lill-gruppi kif ukoll lill-individwi li jiksbu l-perfezzjoni tagħhom b’mod aktar sħiħ u aktar malajr” (Gaudium et spes, 26).  Meta l-ġid komuni ma jibqax aktar xefaq maqbul, l-azzjoni pubblika tidħol f’riskju li tinqasam f’interessi parzjali, u titlef il-ħila li tħares dak li hu ta’ kulħadd.

F’dal-kuntest għandha importanza partikolari l-familja, l-ewwel realtà umana u sies naturali tal-komunità.  Fl-ambitu tal-familja jintisġu l-ġenerazzjonijiet u tkun trażmessa l-memorja ħajja li tagħti kontinwità interjuri lis-soċjetà.  Fejn il-familja hi mwieżna, tissaħħaħ ukoll l-istabbiltà spiritwali u soċjali tan-nazzjonijiet.  Il-familja tibqa’ dejjem l-ewwel skola ta’ umanità fejn wieħed jitgħallem, qabel kwalunkwe post ieħor, il-grammatika elementari tal-konvivenza: l-ilqugħ tal-ħajja, il-kura tal-ieħor, il-maħfra, is-servizz u l-appartenenza.

L-istituzzjonijiet edukattivi wkoll għandhom rwol deċisiv f’dan il-qasam.  Fihom, il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jistgħu jitgħallmu jfittxu u jħobbu l-verità, jinterrogaw lilhom infushom dwar is-sens u d-dinjità ta’ kull persuna.  Għalhekk, bosta ġenituri, bix-xewqa li uliedhom jitgħallmu jirrelataw mal-oħrajn, jaħsbu bi spirtu kritiku u jiksbu valuri solidi, għandhom tamiet kbar fihom, bħala alleati prezzjużi fl-edukazzjoni.  Dil-kollaborazzjoni għandha dejjem tirrispetta “d-dritt primarju u inaljenabbli” tal-ġenituri li “jagħżlu t-tip ta’ istruzzjoni u formazzjoni li jagħtu lil uliedhom, koerentement mal-konvinzjonijiet morali, kulturali u reliġjużi tagħhom” (cfr Magnifica humanitas, 143; Patt internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, art. 18.4).

L-affermazzjoni tad-dinjità umana ma tistax tibqa’ astratta meta tant persuni huma mġagħlin iħallu kollox biex ifittxu l-paċi, is-sigurtà u futur.  Id-dramm migratorju wkoll jisfida l-kuxjenza tan-nazzjonijiet u l-pedament etiku tal-ordni internazzjonali.  Bosta rġiel, nisa u tfal, minħabba ċirkostani li spiss huma drammatiċi, isibu li bilfors ikollom jitilqu mill-komunitajiet tagħhom u jħallu warajhom persuni għeżież, stejjer u rabtiet.  Din ir-realtà tmur ‘l hinn minn kull evalwazzjoni purament demografika jew ekonomika: hi kwistjoni eminentement morali u legali.  Kull fejn persuna hi diskriminata minħabba l-oriġini nazzjonali, etniċi, reliġjużi jew lingwistiċi, inkella minħabba l-kundizzjoni ekonomika u soċjali tagħha, hemm vjolazzjoni gravi tal-prinċipju universali li l-bnedmin kollha huma ndaqs fid-dinjità.

Is-sitwazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati tesiġi tweġiba li tqiegħed lill-persuni fiċ-ċentru, taffronta l-kawżi għala jkunu sfurzati jitilqu u tmur ‘l hin minn sempliċi maniġjar tan-numri.  Minn dan toħroġ esiġenza doppja ta’ ġustizzja soċjali: l-offerta ta’ toroq siguri u legali, akkoljenza rispettuża u possibbiltajiet reali ta’ integrazzjoni; u fl-istess waqt, id-dritt li bniedem jibqa’ jgħammar f’art twelidu, ħidma biex ħadd ma jkollu jabbanduna daru minħabba nuqqas ta’ paċi, sigurtà u kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi, minħabba diżugwaljanzi ekonomiċi u l-effetti tal-kriżi klimatika (cfr Magnifica humanitas, 81).

Dawn l-aħħar snin ir-rotot dejjem akar perikolużi ħarġu għad-dawl il-prezz mill-akbar ta’ din ir-realtà, spiss moħbija jew injorata.  Bosta persuni  għadhom vittmi tat-traffikanti u l-kuntrabandisti li japprofittaw ruħhom mid-disperazzjoni ta’ dawn in-nies. Hemm bżonn tissaħħaħ il-prevenzjoni, is-salvataġġ u l-assitenza tal-vittmi, speċjalment fIl-qafas ta’ kooperazzjoni reġjonali u multilaterali.

Ebda nazzjon ma jista’ jaffronta sfida daqstant kbira waħdu.  Indispensabbli tweġiba koordinata, solidali u effikaċi li tagħti protezzjoni, akkoljenza u opportunitajiet reali ta’ integrazzjoni lil min jemigra.  Meta t-tweġiba istituzzjonali tkun qrib, ekwa u koordinata, il-fruntieri ma jibqgħux imkejjen ta’ abbandun u jistgħu jsiru spazji għall-ħarsien responsabbli tad-dinjità umana.

Onorevoli,

Id-dinja għaddejja minn kriżi spiritwali u kulturali profonda li qed timmanifesta ruħha f’bosta għamliet ta’ vjolenza, polarizzazzjoni u diffidenza reċiproka.  F’dal-kuntest, il-paċi tidher qisha xi aspirazzjoni politika, u aktar minn hekk, qisha verament esiġenza morali.  Teħtieġ diskors pubbliku li jirrispetta lil min  jaħsibha mod ieħor, istituzzjonijiet għas-servizz tal-laqgħa, memorja storika li tfittex il-verità u r-rikonċiljazzjoni u ħajja soċjali bil-ħila li turi ħbiberija ċivili u rispett reċiproku minkejja d-diverġenzi.

Fuq livell internazzjonali, il-paċi teħtieġ kuraġġ diplomatiku, responsabbiltà etika u viżjoni tal-futur imsejjes fuq ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull poplu u fuq l-obbligu tal-Istati li jsolvu l-kontroversji permezz ta’ toroq paċifiċi li joffri d-dritt internazzjonali.  Fl-aħħar mill-aħħar, kull gwerra hija telfa qarsa tal-ħila tan-negozjar u wkoll tal-kuxjenza komuni tal-umanità li tagħti għarfien lir-rabta tal-ġustizzja bejn in-nazzjonijiet.  L-armi jistgħu jimponu silenzju temporanju, iżda qatt ma jistgħu jibnu paċi awtentika u dejjiema.

Għal dir-raġuni hu ta’ tħassib li f’ċerti nħawi tad-dinja, u fl-Ewropa wkoll, qed naraw ir-riarm bħala tweġiba kważi inevitabbli quddiem il-fraġilità tax-xenaju internazzjonali.  Iżda l-veru sikurezza tinbet mill-ġustizzja, mid-djalogu bil-paċenzja, mir-rispett internazzjonali u minn politika bil-ħila li tqiegħed il-ħajja tal-popli qabel l-interessi li jiksbu profitt mill-gwerra.  l-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda u tal-intelliġenza artifiċjali fil-qasam militari jeħtieġ etika viġili u rigoruża, sabiex id-deċiżjonijiet dwar il-ħajja u l-mewt qatt ma jitħallew f’idejn mekkaniżmi awtomatiċi jew jitneħħew mir-responsabbiltà morali tal-persuna umana (cfr Diskors fl-Università “La Sapienza”, 14 ta’ Mejju, 2026).

Il-komunità internazzjonali hi msejħa biex tiskopri mill-ġdid il-valur indispensabbli tad-djalogu bħala triq paċenzjuża lejn ftehim ġust u dejjiemi, imsejjes fuq ir-rispett lejn it-trattati, fuq it-trasparenza tal-azzjoni diplomatika u fuq ir-rieda sinċiera li l-paċi tingħata preċedenza fuq il-forza.  Minn dan jitnisslu l-fiduċja u t-tama.

Kif ifakkar il-motto tal-Unjoni Ewropea, In variante concordia, l-għaqda vera ma tfissirx uniformità, imma ġġib l-għaqda fid-diversità u bejn il-kulturi, lis-sensibbiltajiet u t-tradizzjonijiet tirrendihom okkażjoni ta’ arrikkiment reċiproku.

Bl-istess mod, fi ħdan is-soċjetajiet infushom hemm urġenza biex titmexxa ‘l quddiem kultura ta’ reċiproċità.  Il-pluraliżmu politiku m’għandux jiddeġenera fi skreditu permanenti tal-avversarju.  F’konvivenza matura, anki l-kunflitt jista’ jkun pass lejn il-paċi, meta s-smigħ iservi biex jimmitiga d-differenzi u jkun orjentat lejn l-għarfien tal-bżonnijiet, tal-aspirazzjonijiet u l-ħiliet ta’ kulħadd.

Iżda l-paċi mhix biss realtà politika jew istutuzzjonali.  Tiġi wkoll mill-kuxjenza, hemm, fejn ir-rankur, l-indifferenza u l-mibegħda jagħmlu wisa’ għar-rikonċijazzjoni.  Dan isir u jitħares wkoll fil-linġwaġġ. Il-kliem jista’ jiftaħ it-toroq jew jagħlaqhom; jista’ jdawwal ir-realtà jew jgħawwiġha sa ma l-laqgħa jirrendiha impossibbli.  Min għandu responsabbiltà pubblika, għalhekk, għandu obbligu speċjali biex iqis kliemu ħalli “jiddiżarma l-lingwaġġ” (Messaġġ għar-Randan tal-2026, 13 ta’ Frar, 2026).  Il-fermezza ma teħtieġx disprezz; in-nuqqas ta’ ftehim m’għandux iġib miegħu umiljazzjoni.

Minn dar-rispett lejn l-ieħor jiġi wkoll id-dmir li jitħares l-ispazju li fih jimmaturaw il-konvinzjonijiet tiegħu, il-kuxjenza tiegħu u r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla.  L-attenzjoni f’dan l-ambitu interjuri jippermetti li tinftiehem aħjar  kwistjoni deċisiva għal kull soċjetà verament demokratika: il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, dritt fundamentali li jindokra l-isfera l-aktar intima tal-persuna.  Il-libertà li fuqha hu mwaqqaf l-Istat kontemporanju, jekk hi awtentika, tagħraf id-dimensjoni reliġjuża tal-bniedem, tirrispettaha u tipproteġiha ġuridikament; tevita li xi ħadd ikollu jieqaf jagħti l-kontribut lis-soċjetà li fiha jgħix minħabba l-fidi li jħaddan.

Mingħajr ma nħalltu l-pjan ġuridiku ma’ dak morali, tajjeb niftakru li jeħtieġ li l-libertà tifhem sewwa lilha nfisha. Li tkun liberu ma jfissirx biss li tgħix mingħajr restrizzjonijiet jew li jkollok ħafna għażliet; ifisser li tkun kapaċi tagħraf it-tajjeb u żżomm miegħu b’mod responsabbli.  Għalhekk, kull soċjetà effettivament libera titlob ukoll delimitazzjoni ġusta tal-poter pubbliku sabiex il-libertà tal-persuni, tal-komunitajiet u tal-assoċjazzjonijiet ma tisfax limitata bla bżonn (cfr Dignitatis humanae, 1).  F’dil-perspettiva, l-awtonomija leġittima tal-ordni temporali qatt m’għandha tkun interpretata bħala ostilità lejn il-fenomenu reliġjuż.  Il-fidi ma tippretendix li timponi ruħha b’xi privileġġi jew bil-forza; madankollu ma tistax tiġi relegata għas-silenzju qisha xi ħaġa irrilevanti għall-ħajja pubblika.

F’dal-kuntest, is-siġill sagramentali tal-Qrar għandu importanza soċjali għall-Knisja Kattolika.  Dan jifforma parti minn kuntest aktar ġenerali tal-libertà reliġjuża, li jiggarantixxi lill-komunità ta’ min jemmen spajzu personali tal-ħajja, ta’ organizzazzjoni u dixxiplina interna (cfr Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni  fl-Ewropa – Att Finali ta’ Helsinki, 1 ta’ Awwissu, 1975, Prinċipju VII).  Il-protezzjoni legali tiegħu, kif isir bl-istess mod f’xi professjonijiet, tfisser il-preservazzjoni ta’ spazju sagru ta’ libertà interna, fejn min jemmen jista’ jiftaħ qalbu ma’ Alla mingħajr biża’ ta’ pressjoni esterna, kif jirrikonoxxu wkoll l-istandards internazzjonali (Qorti Penali Internazzjonali, Regoli ta’ proċedura u prova, Regola 73.3).

Sinjuri:

Ippermettuli nieqaf ftit fuq xi xbiehat li jżejnu din il-Kamra.  F’din l-Awla tas-Sessjonjijiet, id-dawl naturali jidħol minn skylight li jinkuruna s-sala.  Id-dawl li jiġi mill-għoli jista’ jfakkar li l-politika wkoll għandha bżonn tagħraf li hemm xi ħaġa li tiġi qabilha u tittraxxendiha.

Il-pitturi wkoll, fin-naħa ta’ fuq tal-ħajt prinċipali, jevokaw l-akkoljenza tal-Evanġelju u tad-Dekalogu, għax ifakkruna f’xi ħaġa essenzjali.  Bla ma nħalltu l-ordni pubbliku ma’ dak reliġjuż, dawn is-sinjali jistednuna nagħrfu li l-libertà moderna, tul medda twila ta’ żmien, kienet magħġuna wkoll minn edukazzjoni tal-kuxjenza, immarkata profonadment minn tradizzjoni nisranija.  F’din l-iskola interjuri, il-popli tgħallmu li d-dritt għandu jkun ta’ servizz għall-ġid, li l-ġustizzja tirregola l-limiti tal-forza, li l-poter jeħtieġ leġittimità, li l-foqra jappartjenu bis-sħiħ lill-komunità, li l-barrani għandu jiġi milqugħ skont id-dinjità tiegħu u li l-ħajja umana qatt ma tista’ tiġi trattata bħala merkanzija.

Ebda liġi ma tilħaq il-kobor veru tagħha għas-sempliċi fatt li kienet approvata formalment; tilħaq l-għan meta, minbarra li tkun valida fil-forma, tkun tista’ tippreżenta ruħha quddiem id-dinjità tal-persuna u tgħaddi minn dan l-eżami bla ma jkollha għalfejn tistħi.

Għalhekk, nistedinkom terfgħu ħarsitkom: mhux biex titbiegħdu mir-realtà, iżda biex tiftakru li kull deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi tolqot lill-persuna direttament, speċjalment lil min għandu anqas saħħa biex isamma’ leħnu.  Għax viżjoni akbar tikkonsisti preċiżament f’li wieħed iħares aktar fil-fond lejn x’hemm involut f’kull deċiżjoni pubblika. Għalhekk, flimkien mar-risposti tekniċi u r-riformi leġiżlattivi, meħtieġ ukoll tiġdid morali.

Spanja tista’ toffri ħafna f’dit-triq.  Għandha lingwa li tgħaqqad il-kontinenti; tradizzjoni kulturali, ġuridika u spiritwali li għarfet iġġib djalogu bejn il-fidi u r-raġuni, id-dritt u l-kuxjenza, l-unità u l-pluralità.  Din l-esperjenza storika tfakkarna wkoll fil-valur tal-armonija u tal-isforz paċenzjuż biex tinbena konvivenza paċifika u ġusta.

Jalla dan in-Nazzjon nobbli qatt ma jitlef il-memorja ta’ għeruqu u lanqas il-kuraġġ li jħares lejn il-ġejjieni.  Jalla Spanja tkompli tkun art ta’ laqgħa, kultura, solidarjetà u tama.  U jalla l-ħajja pubblika tagħha tagħraf dejjem tgħaqqad il-fermezza tal-konvinzjonijiet man-nobbiltà tad-djalogu u l-kobor tas-servizz.

Jalla Alla jagħti l-paċi lin-Nazzjonijiet kollha tad-dinja, l-armonija lill-familji u s-serenità lill-kuxjenzi.  U fuq ir-Renju ta’ Spanja, immarkat mit-timbru appostoliku ta’ San Ġakbu u tal-preżenza materna tal-Verġni tal-Pilar, jinżlu jiem ta’ prosperità, ġustizzja u paċi dejjiema.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading