Il-Ħadd, 14 ta’ Ġunju 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
L-isem li nagħtu lit-tarbija
Jekk għadkom m’għażiltux l-isem tat-tarbija tagħkom, illum hawn lista ta’ 12-il isem fil-Vanġelu (Mt 9:36–10:8)… tistgħu tagħżlu wieħed minnhom! Mhix ħaġa ħażina. Kemm hi xi ħaġa sabiħa meta aħna nassoċjaw l-isem ma’ persuna sabiħa u tajba, persuna vera! Din tista’ tkun tal-ispettaklu jew tal-isport. Imma, kemm tkun xi ħaġa tassew sabiħa meta l-isem li nagħtu lit-tarbija tagħna jkun isem li jinsab fil-Kotba Mqaddsa, fil-Kelma ta’ Alla.
Bħalissa jien kont qiegħed nagħmel il-Griżma tal-Isqof lil ħafna tfal, u għall-grazzja ta’ Alla baqgħalna ħafna ismijiet illi huma mill-Bibbja. Hemm ħafna ismijiet sbieħ kemm fit-Testment il-Ġdid u kemm fit-Testment il-Qadim. Meta jiġu t-tfal quddiemi u nistaqsihom x’jisimhom, u l-parrini jgħiduli x’jismu jew x’jisimha, jekk ikun isem li ġej mill-Iskrittura, jien nibgħat lil dak it-tifel jew tifla jfittxu fil-Bibbja xi jfisser isimhom, l-istorja tal-persunaġġ li jġib isimhom, ta’ dak ir-raġel jew dik il-mara illi jġibu ismu jew isimha.
Kemm hi xi ħaġa sabiħa meta aħna nagħżlu ismijiet illi huma saħansitra mniżżlin fil-Kelma ta’ Alla! M’iniex ninfluwenzakom, imma qed verament inkellimkom b’kunfidenza u bi mħabba, bħalma missier ikellem lil uliedu li jħobb.
Li tkun ġenitur huwa att ta’ kuraġġ
Jiena nixtieq ngħidilkom grazzi kbira, għax illum li tkun ġenitur huwa att ta’ kuraġġ. Aħna nafu li b’xorti ħażina Malta hija wieħed minn dawk il-pajjiżi fejn ir-rata tat-twelid qiegħda kulma jmur tonqos. Ma nafx niġux aħna jew l-Italja l-ewwel; imma qegħdin hemmhekk, nilagħbu flimkien. Allura, jiena nixtieq nirringrazzjakom mhux biss f’isem il-Knisja – intom qegħdin hawnhekk biex titolbu quddiem il-Missier –, imma nixtieq nirringrazzjakom ukoll f’isem il-poplu Malti u Għawdxi. Għax jekk nibqgħu sejrin b’dan ir-ritmu, b’din ir-rata, fi ftit għaxriet ta’ snin il-poplu Malti ser jirriduċi ruħu għal ftit eluf. Jikkalkulaw li bejn wieħed u ieħor fil-50 jew 60 sena li ġejjin, il-poplu Malti u Għawdxi, jekk nibqgħu sejrin b’din ir-rata, ma jkunx aktar minn ħamest elef, sitt elef ruħ. Allura nixtieq ngħidilkom grazzi ta’ dan l-att ta’ kuraġġ li qegħdin tagħmlu. Qiegħed nara wħud minnkom, anzi ħafna minnkom, bit-tfal diġà.
Forsi llum, fil-mentalità li qed ngħixu fiha, huwa impenn u jbeżżagħna l-fatt li jkollna t-tfal. Huwa impenn ekonomiku, impenn b’dedikazzjoni kbira min-naħa taż-żewġ ġenituri biex ilaħħqu mal-isfidi tal-ħajja. Dan huwa veru. Imma jien ngħid, meta missirijietna kienu f’sitwazzjoni li kienet ħafna u ħafna aktar imprekattiva u diffiċli minn tagħna, kienu kapaċi jtellgħu u jrabbu mhux wieħed jew tnejn jew tlieta, imma ħafna aktar, allura aħna llum m’għandniex il-kuraġġ, is-saħħa, il-qawwa, il-kapaċità, il-possibbiltajiet madwarna li almenu nagħtu l-ħajja lil persuni oħra fil-familja? Kemm hi xi ħaġa sabiħa!
Ġesù jagħżel lilkom biex tkomplu l-att sabiħ tal-ħolqien
Tinsewx illi llum, aktar minn qatt qabel – u din hija esperjenza li forsi wħud minnkom għaddejtu minnha – dak li jiġi fil-ġuf tagħkom huwa verament rigal, don. Ma jiddependix biss minna, imma huwa don li jiġi minn xi mkien ieħor. Mhux kemm tfaqqa’ subgħajk, jew kemm tagħmel deċiżjoni u jiġi kollox kif tixtieq jew trid int. Huwa rigal, u allura għandkom verament għalfejn tirringrazzjaw lil Alla, li tħossukom magħżulin bħal dawn it-Tnax imsemmija fil-Vanġelu. Ġesù jagħżel tnax, u kif smajna wkoll fl-Ewwel Qari (Eż 19:2-6a), Alla jagħżel il-poplu ta’ Iżrael. Ġesù qiegħed jagħżel lilkom biex tkunu tistgħu tkomplu dan l-att sabiħ tal-ħolqien, tal-Missier.
Nispiċċa b’din biex ngħidilkom kemm hi xi ħaġa sabiħa dik li qed tgħixu, bid-diffikultajiet kollha li fiha. Tgħiduli: ‘Inti m’intix magħna!’. Għandkom raġun. Nifhem id-diffikultà li tistgħu tgħaddu minnha, l-iskumdità tas-sħana u ta’ kollox. Nifhimha b’xi mod, anki jekk mill-bogħod. Imma ħa ngħidilkom din: intom, fl-esperjenza li qegħdin tagħmlu intom u tistennew it-twelid tat-tarbija tagħkom, qegħdin verament tixbhu lil Alla. Alla, meta ħalaq lill-bniedem qal: ‘Irrid nagħmel lill-bniedem fuq ix-xbieha tiegħi, ritratt tiegħi’ (ara Ġen 1:26). U hekk għamilna. U tana żewġ kwalitajiet l-aktar importanti tiegħu: li nħobbu, għax Alla jħobb u ma jafx jagħmel xi ħaġa oħra ħlief iħobb; u li noħolqu. Mhix ċajta: għamilna nixbhu lilu! Alla ħabb u ħalaq, u intom, il-koppja, tħobbu u toħolqu… u toħolqu intom u tħobbu, u tħobbu intom u toħolqu. Kemm hi xi ħaġa kbira u sabiħa!
Ejjew inroddu ħajr lil Alla, nirringrazzjawh ta’ dan id-don li qiegħed jagħtikom. Għożżuh dan id-don. Tinsewx li ħadd ma jista’ jħobb il-ħlejqa li għandkom fil-ġuf tagħkom aktar minnkom. Ħadd ma jista’ jieħu ħsieb aħjar il-ħlejqa li għandkom fil-ġuf tagħkom aktar minnkom. Ħadd ma jaf x’inhu l-aħjar għat-tarbija li għandkom fil-ġuf tagħkom aktar minnkom. Tinsewhomx dawn, u kunu kburin bihom. Din hija s-sejħa li l-Mulej qiegħed jagħmlilkom. Nawguralkom mill-qalb.