Mill-Konċilju Ekumeniku Vatikan II għas-Sinodu tal-Isqfijiet

Mill-Konċilju Vatikan II sal-fażi ta’ Implimentazzjoni tas-Sinodu dwar is-Sinodalità

Il-prattika tas-sinodi fil-Knisja mhijiex xi żvilupp riċenti. Sa mill-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, l-Isqfijiet kienu jinġabru flimkien biex jiddixxernu kwistjonijiet ta’ duttrina, dixxiplina u ħajja pastorali, fuq il-mudell tal-laqgħa tal-Appostli f’Ġerusalemm kif irrakkontata fl-Atti tal-Appostli (Atti 15).

Matul is-sekli, il-Knisja ċċelebrat bosta sinodi lokali, provinċjali u konċilji ekumeniċi li sawru l-ħajja tagħha. Dan l-artiklu, madankollu, jiffoka fuq kapitlu aktar reċenti f’din l-istorja twila, it-tiġdid tas-Sinodu tal-Isqfijiet wara l-Konċilju Vatikan II u l-iżvilupp tiegħu sal-fażi attwali tal-implimentazzjoni tas-Sinodu dwar is-Sinodalità.

Għalkemm il-prattika tas-sinodi għandha għeruqha fl-ewwel sekli tal-Knisja, is-Sinodu tal-Isqfijiet kif nafuh illum huwa wieħed mill-aktar frott importanti tal-Konċilju Vatikan II. Huwa ġie mwaqqaf biex isaħħaħ il-komunjoni bejn il-Papa u l-Isqfijiet tad-dinja kollha, u biex il-Knisja tkun tista’ tiddixxerni flimkien quddiem l-isfidi pastorali ta’ kull żmien.

Illum, sittin sena wara t-twaqqif tiegħu, is-Sinodu daħal f’fażi ġdida, dik tal-implimentazzjoni tas-Sinodu dwar is-Sinodalità, li għandha twassal għall-Assembleji Ekkleżjali tal-2027–2028.

Bidu tas-Sinodu wara l-Konċilju Vatikan II

Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (1962–1965) enfasizza li l-Knisja hija Poplu ta’ Alla li jimxi flimkien, fejn il-Papa u l-Isqfijiet jaqsmu flimkien ir-responsabbiltà pastorali għall-Knisja universali. Biex din il-kolleġjalità ma tibqax biss prinċipju teoloġiku iżda ssir prattika ekkleżjali, il-Papa Pawlu VI waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet permezz tal-motu proprio Apostolica Sollicitudo fil-15 ta’ Settembru 1965.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, is-Sinodu sar istituzzjoni permanenti li tlaqqa’ regolarment Isqfijiet minn kull kontinent biex jagħtu pariri lill-Papa dwar temi importanti għall-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.

Tul il-pontifikati tal-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI, is-Sinodi trattaw suġġetti bħall-Evanġelizzazzjoni, il-Kelma ta’ Alla, il-Familja, l-Ewkaristija, il-Ħajja kkonsagrata u l-Knejjes lokali. Għalkemm is-Sinodu kellu natura konsultattiva, il-kontribut tiegħu kien ta’ importanza kbira għall-Maġisteru tal-Knisja.

Pass importanti ieħor seħħ fl-2018 meta l-Papa Franġisku kien ippromulga l-Kostituzzjoni Appostolika Episcopalis Communio, li saħħet ir-rwol tas-Sinodu u enfasizzat li l-proċess sinodali jibda fil-Knejjes lokali, ikompli fuq livell nazzjonali u kontinentali, u jilħaq il-qofol tiegħu fl-Assemblea f’Ruma.

Is-Sinodu dwar is-Sinodalità

Fl-2021, il-Papa Franġisku nieda l-proċess sinodali bl-isem “Għal Knisja Sinodali: Komunjoni, Parteċipazzjoni u Missjoni.” Dan kien differenti mis-Sinodi preċedenti, għaliex ġedded il-konsultazzjoni estensiva tal-Poplu kollu ta’ Alla, kemm lajċi, reliġjużi, djakni, saċerdoti u isqfijiet.

Il-proċess għadda minn tliet stadji ewlenin

  • fażi djoċesana (2021–2022),
  • fażi kontinentali (2022–2023),
  • żewġ sessjonijiet tal-Assemblea tas-Sinodu fil-Vatikan bejn Ottubru 2023 u Ottubru 2024.

Id-Dokument Finali approvat fl-2024 ma kienx meqjus bħala l-konklużjoni tal-proċess, iżda bħala l-bidu ta’ mixja ġdida li fiha kull Knisja lokali hija msejħa twettaq dak li d-dixxerniment sinodali indikat lilha.

Il-fażi attwali: mill-konsultazzjoni għall-implimentazzjoni

Il-Knisja universali issa daħlet uffiċjalment fil-fażi tal-implimentazzjoni tas-Sinodu dwar is-Sinodalità. Din il-fażi ma tfissirx li ser jerġa’ jsir il-proċess ta’ konsultazzjoni, iżda li l-Knejjes lokali jivvalutaw kif il-prinċipji tas-sinodalità qed isiru realtà konkreta fil-ħajja pastorali tagħhom.

F’Mejju 2026, is-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu ppubblika dokument ġdid bit-titlu “Towards the Assemblies 2027–2028: Stages, Criteria and Tools for Preparation”, li jistabbilixxi erba’ stadji ta’ preparazzjoni:

  • Tfakkira fl-ewwel nofs tal-2027,
  • Interpretazzjoni fit-tieni nofs tal-2027,
  • Orjentazzjoni fl-ewwel xhur tal-2028,
  • Ċelebrazzjoni li twassal għall-Assemblea Ekkleżjali f’Ottubru 2028.

L-għan huwa li kull Knisja lokali tagħraf il-frott, id-diffikultajiet u l-passi konkreti li l-Ispirtu s-Santu qed juriha sabiex tikber bħala Knisja aktar missjunarja u sinodali.

L-Assembleji Ekkleżjali tal-2027–2028

Karatteristika ġdida ta’ din il-fażi hija l-organizzazzjoni ta’ Assembleji Ekkleżjali fuq diversi livelli. Dawn se jiġbru flimkien mhux biss Isqfijiet iżda wkoll saċerdoti, djakni, persuni kkonsagrati u lajċi, sabiex flimkien jagħmlu dixxerniment dwar il-mixja tal-Knisja.

L-Assemblea Ekkleżjali tal-2028 fil-Vatikan mhux se tkun Sinodu ġdid tal-Isqfijiet, iżda mument ta’ verifika u ta’ qsim tal-frott tal-implimentazzjoni li tkun saret fil-Knejjes madwar id-dinja.

Il-laqgħa tal-Papa Ljun XIV mal-parteċipanti

F’dan il-kuntest, is-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu qed ilaqqa’ f’Ruma rappreżentanti minn konferenzi episkopali u gruppi sinodali sabiex jiddiskutu l-passi li jwasslu għall-Assembleji tal-2027–2028.

Nhar il-Ħamis 25 ta’ Ġunju 2026, il-Papa Ljun XIV se jiltaqa’ mal-parteċipanti fis-sede tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu. Il-Papa mistenni jidħol fi djalogu magħhom u jinkoraġġihom biex ikomplu jakkumpanjaw lill-Knejjes lokali fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Din il-laqgħa turi b’mod ċar l-impenn tiegħu biex ikompli l-mixja sinodali mibdija mill-predeċessur tiegħu, fil-fedeltà għall-ispirtu tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

Għalhekk, wara sitt deċennji ta’ żvilupp, is-Sinodu tal-Isqfijiet qed jidħol f’fażi ġdida tal-istorja tiegħu. Jekk il-Konċilju Vatikan II ta l-viżjoni tal-kolleġjalità, u s-Sinodu dwar is-Sinodalità fetaħ triq ġdida ta’ parteċipazzjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla, issa l-isfida hija li dawn il-prinċipji jsiru realtà fil-ħajja ta’ kull djoċesi u kull komunità Nisranija. L-Assembleji Ekkleżjali tal-2027–2028 huma msejħa jkunu mhux biss mumenti ta’ evalwazzjoni, iżda sinjal li l-Knisja qed tkompli timxi flimkien, tisma’ lill-Ispirtu s-Santu u twettaq il-missjoni tagħha fid-dinja tal-lum.

22 ta’ Ġunju 2026

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading