Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea. (27)
Lejn il-Konċilju
Hekk kif beda l-preparament għall-Konċilju ta’ Efesu, bdew sa minn qabel numru ta’ manuvri bl-iskop li s-soluzzjoni li toħroġ tkun waħda ċara. L-aktar li wera ħila kien Ċirillu li bil-kitba tiegħu kien wera lill-Papa Ċelestinu I l-iżbalji fid-Duttrina ta’ Nestorju, speċjalment fejn jidħol it-terminu ta’ Omm Alla. Fl-istess waqt huwa kiteb ittra bi tnax-il proposta u indirizzaha lil Nestorju, sabiex jekk dan jaċċettahom ikun qiegħed juri biċ-ċar li hu ortodoss, jiġifieri korrett f’dak li hi duttrina. Billi dawn it-tnax-il proposta ma kinux jaqblu ma’ dak li kien qiegħed jgħallem Nestorju, kif kien mistenni huwa ċaħadhom u b’hekk sab ruħu f’kantuniera.
Fl-istess żmien l-Imperatur iddeċieda li jlaqqa’ l-Konċilju fit-8 ta’ Ġunju 431 fil-belt ta’ Efesu. Għal darb’oħra Ċirillu ħadem sabiex kollox jiġi favurih. Dan għaliex l-Isqof Memnon ta’ Efesu xtaq illi jumilja lill-Isqof ta’ Kostantinopoli Nestorju u b’hekk ipatti ta’ xi inġurji li Kostantinopoli kienet għamlet lil Efesu fi żmien meta San Ġwann Griżostmu kien Isqof ta’ din il-Belt (jiġifieri ta’ Kostantinopoli). Fl-istess waqt il-poplu ta’ Efesu, bħal bosta mill-insara, kienu rrabjati għall-fatt li Nestorju kien qiegħed jiċħad li Marija hija Omm Alla.
Konċilju f’Efesu
Fit-8 ta’ Ġunju, festa ta’ Pentekoste, tas-sena 431 issejjaħ l-Konċilju ta’ Efesu. L-Imperatur għażel lill-Isqof Ġwanni ta’ Antijokja, li kien magħruf li jekk mhux fuq l-istess linja dottrinali ta’ Nestorju żgur li kien iħoss ċertu antipatija lejn Ċirillu, sabiex jippresjedi filwaqt li għażel lil Konti Kandidjan bħala rappreżentant personali tiegħu. Ċirillu wasal ftit qabel il-festa u miegħu ħa madwar ħamsin Isqof Eġizzjan.
Għal madwar ġimgħatejn dawn id-delegati flimkien ma’ oħrajn stennew il-wasla tal-kontinġent ta’ Ġwanni ta’ Antijokja. Matul dan iż-żmien fit-toroq ta’ din il-belt bdew iqumu konfronti u ġlied bl-idejn bejn min kien iżomm ma’ naħa u min ma’ oħra (hawn ta’ min insemmu l-Abbati Xnuda, tal-Monasteru l-Abjad ta’ Natrun fl-Eġittu, allejat kbir ta’ Ċirillu. Xnuda kien ukoll ġellied prim u ma kienx jaħsibha darbtejn biex iwaddab xi ktieb jew xi ħaġa iebsa lejn min ma kienx jaqbel miegħu, kif xi kittieba jgħidu li għamel waqt argument ma’ Nestorju!)
Fit-22 ta’ Ġunju 431, għalkemm Ġwanni ta’ Antijokja kien għadu ma wasalx, fuq insistenza ta’ Ċirillu u minkejja l-protesti tar-rappreżentant tal-Imperatur, ingħata bidu għall-Konċilju fil-preżenza ta’ 159 isqof. Mal-ewwel sessjoni Nestorju ġie msejjaħ għal tliet darbiet sabiex jidher; meta ma deherx ġie kkundannat, wara l-ittra tal-Papa u Ċirillu inqraw flimkien ma’ kitbiet mill-Padri li juri li Marija hija t-Theotokos, wara saret dikjarazzjoni li permezz tagħha Nestorju ġie ddikjarat imneħħi minn Kap tas-Sede ta’ Kostantinopoli u l-iżbalji tiegħu kundannati. Dan ir-riżultat wassal għal xeni ta’ ferħ u briju fit-toroq hekk kif il-poplu ta’ Efesu ħareġ jiċċelebra r-“rebħa” tat-Theotokos.
Iżda jumejn wara wasal Ġwanni ta’ Antijokja u sħabu. Imma ffurmaw Konċilju għalihom u fih ikkundannaw lil Ċirillu u skomunikawh. Issa s-sitwazzjoni kienet konfuża hekk kif kull naħa kienet qiegħda tikkundanna lill-oħra. Iżda hawnhekk daħlu l-legati tal-Papa ta’ dak iż-żmien, San Ċelestinu II, li tefgħu il-piż tagħhom wara Ċirillu u kontra Nestorju. Sadanittant l-Imperatur Teodosju II ordna l-arrest għal xi żmien sew ta’ Ċirillu kif ukoll ta’ Nestorju. Dan tal-aħħar spiċċa iżolat minn kulħadd.
Fi ftit kliem Ċirillu kien rebaħ iżda l-ferità bejn Lixandra u Antijokja kienet għada miftuħa. Ċirillu baqa’ jmexxi l-Knisja Lixandrina sas-sena li fiha miet jiġifieri 444 w.K. Kif rajna huwa kien bniedem kontroversjali, vjolenti u bosta drabi nieqes mill-karità li żgur kien ikun aħjar li kieku f’ħajtu wera aktar ħniena lejn l-oħrajn. Iżda l-imħabba ġenwina li huwa kellu lejn il-veritajiet tal-fidi u b’mod speċjali lejn Marija bħala l-Omm ta’ Alla huma ta’ min ifaħħarhom.
