Le għal-lajċi li jagħmlu l-omelija

Fil-jiem li għaddew, id-Dikasteru għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti ħabbar li f’ittra datata 17 ta’ Ġunju 2026 u li kienet indirizzata lill-President tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża, l-Isqof Heiner Wilmer, id-Dikasteru għamilha ċara li mhux possibbli li jingħata l-permess mitlub f’Marzu li għadda sabiex persuni lajċi jkunu jistgħu jagħmlu huma l-omelija fil-quddies.

L-Isqfijiet Ġermaniżi kienu talbu, li f’ċirkostanzi eċċezzjonali, lajċi nsara jkunu jistgħu jippriedkaw huma l-omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Imma filwaqt li d-Dikasteru esprima apprezzament tiegħu għat-tħassib pastorali li ispira din it-talba mill-Isqfijiet Ġermaniżi, fl-istess ħin fakkar li l-omelija hija riservta biss għas-saċerdoti jew għad-djakni. Kiteb ukoll li din mhijiex sempliċement norma dixxiplinarja iżda toħroġ min-natura stess tal-liturġija.

Fit-tweġiba tiegħu, id-Dikasteru tenna li l-omelija tifforma parti integrali mil-Liturġija tal-Kelma, hija intrinsikament marbuta mat-tħabbira tal-Evanġelju u tikkostitwixxi eżerċizzju tal-munus docendi l-obbligu tas-saċerdot li jgħallem u li huwa sehem mis-saċerdozju profetiku ta’ Kristu. Dan jiġi fdat lill-ministri ordnati permezz tas-Sagrament tal-Ordni Sagri.

Fl-ittra tad-Dikasteru għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramentij naqraw ukoll li t-tħabbira tal-Kelma fiċ-ċelebrazzjoni liturġika hija inseparabbli mill-missjoni riċevuta sagramentalment u mill-għaqda li torbot flimkien il-Kelma u s-Sagrament fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.

L-ittra enfasizzat ukoll l-importanza li tiġi promossa l-formazzjoni kontinwa tal-ministri ordnati sabiex l-omelija tkun tista’ twassal bis-sħiħ l-effettività pastorali u spiritwali tagħha.

Fl-aħħar nett, id-Dikasteru fakkar ukoll li d-dixxiplina attwali tal-Knisja diġà tipprevedi bosta forom ta’ proklamazzjoni tal-Kelma u ta’ predikazzjoni li jistgħu jiġu fdati lil membri lajċi tal-fidili barra mill-omelija u barra miċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, skont il-liġi kanonika u n-natura proprja ta’ dawn il-forom differenti ta’ proklamazzjoni tal-Vanġelu.

25 ta’ Ġunju 2025

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading