Omelija tat-13-il-Ħadd Matul is-Sena A

Minn D. Edward Vella

Aħna l-bnedmin, matul il-ħajja tagħna, rridu naffaċċjaw diversi sfidi. Meta ngħidu sfida nkunu nifhmu biha mument ta’ prova, li jekk naffrontawh b’mod matur nimmaturaw bħala bnedmin, iżda jekk inħalluh ikissirna jagħmlilna ħafna ħsara. Fil-ħajja, kull bniedem irid iħabbat wiċċu ma problemi kbar u żgħar. Il-ħajja hija magħmula minn mumenti iebsin u anke mumenti sbiħ. Kull wieħed minna jagħżel iżda lejn liema naħa jrid jiffoka l-attenzjoni tiegħu; ikun tajjeb kieku nevitaw iż-żewġ estremi, jiġifieri li fil-ħajja mhux kollox ikraħ iżda lanqas hu kollox sabiħ. Importanti ħafna li nżommu f’moħħna li x-xitan, waħda mill-agħar tentazzjonijiet li juża kontrina hija li jwaqqana fin-negattività, jiġifieri jipporva jġalna niffukaw fuq in-negattiv biex hekk naqtgħu qalbna u nitilfu l-fiduċja jew anke l-fidi f’Alla. Allura n-nisrani jrid jagħraf u ma jinsiex li l-qtigħ ta’ qalb huwa dejjem tentazzjoni, qatt ma jiġi minn Alla.

Fis-salm tal-lum għandna wieħed mill-aqwa modi kif nirbħu t-tentazzjoni għan-negattività. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni; f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek. Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem:Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ, li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.Il-poplu ta’ Alla jirbaħ it-tentazzjoni tan-negattività billi jfaħħar lill-Mulej. Allura jekk int u jien rridu nirbħu din it-tentazzjoni irridu nidraw nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq dak il-ħafna li jagħmel magħna l-Mulej u nirringrazzjawh għalih. Din hija l-aqwa riċetta biex wieħed jirbaħ il-pessimiżmu u jsir ottimist u aktar ferħan fil-ħajja. Ta’ min isemmi hawn il-ġid kbir li tagħmlilna l-quddiesa, li hija l-aqwa mod li bih wieħed jgħanni it-tjieba tal-Mulej, u li jgħajjat bil-ferħ u jitgħallem jimxi fid-dwal tal-Mulej.

Il-mara li għamlet karità mal-bniedem ta’ Alla għax hu bniedem ta’ Alla fl-ewwel qari tal-lum ma baqgħetx mingħajr il-ħlas. Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba ltqajna ma’ xi ħadd li laqatna minħabba li l-paċi li kellu f’qalbu tkun bħal tiddi fuq wiċċu, u ħafna drabi dawn ikunu nies li biex ngħid hekk insew lilhom infushom u nagħtaw kollhom kemm huma għall-oħrajn, l-aktar dawk li huma fqar jew imwarrba. Jekk forsi ltqajna xi darba ma’ Santa Tereża ta’ Kalkutta żgur li ħassejna din il-ħaġa. Il-ferħ veru huwa frott tal-imħabba vera; il-bniedem eġoist ma jistax ikun ferħan. Dan hu li ried jgħidilna Ġesù fl-Evanġelju tal-lum meta qalilna, ‘Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.

Forsi jħawduna xi ftit dawn il-kelmiet ta’ Ġesù, ‘Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi;…’ Ġesù qed jgħidilna li jekk għall-imħabba ta’ xi ħadd f’din id-dinja, hu min hu, aħna lesti li nagħmlu xi ħaġa li tmur kontra r-rieda ta’ Alla għalina, allura ma jixirqilniex li nissejħu nsara. Alla/Ġesù jew jiġi fl-ewwel post f’ħajti, jew mhux Alla tiegħi, għax alla tiegħi hu dak li jiġi fl-ewwel post f’ħajti, u Alla ’l veru ma jixraqlu l-ebda post ieħor ħlief l-ewwel.

Ġesù ikompli jgħidilna, ‘U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.Dan ifisser li min fil-ħajja jrid jaħrab is-salib mhux talli ma jistax jimxi bil-verità wara Ġesù talli lanqas il-veru ferħ ma jista’ jsib, għaliex is-salib huwa parti mill-ħajja ta’ kull bniedem. Quddiem is-salib żewġ għażliet hemm jew it-triq ta’ Ġesù, jiġifieri li nħaddnu s-salib flimkien miegħU u hekk nesperjenzaw il-qawwa ta’ Alla b’mod speċjali fis-salib tagħna, jew inkella nagħżlu t-triq tad-dinja li l-ewwel taħrab is-salib kemm tista’ fl-aljenazzjonijiet tal-ħajja u mbagħad x’ħin ma tkunx tista’ taħarbu aktar tiddispra. Ejjew illum nagħżlu t-triq ta’ Ġesù għax hi l-unika waħda denja ta’ bniedem intelliġenti, denja ta’ iben/bint ta’ Alla.

Mulej inti taf kemm nixtiequ nkunu ferħanin, u kemm-il darba nfittxu l-ferħ tagħna f’postijiet żbaljati. Għenna Mulej ħalli niltaqgħu miegħek bil-verità, għaliex fik biss u int biss tista’ tagħti lill-qalb tagħna dak li verament tixtieq. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading