IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 28 ta’Ġunju, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-lum ukoll (Mt 10,37-42) nisimgħu xi eżortazzjonijiet ta’ Ġesù dwar kif ngħixu s-sekwela u nkunu xhieda tas-Saltna tiegħu. Dan mhux xi att tal-qoxra, imma xi ħaġa li timpenja s-sħuħija tagħna f’relazzjoni ta’ mħabba miegħu. U biex tagħmel il-frott, l-imħabba titlob tlett affarijiet: id-distakk, it-telfa, l-akkoljenza.
Qabel xejn id-distakk: Ġesù jgħid: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi” (v. 37). Fil-mument li qed jibda jibgħat lill-appostli għall-missjoni, il-Mulej irid jeħlishom minn kull irbit. Iżda għal kulħadd jibqa’ l-fatt li anke l-aktar rabtiet importanti ta’ għożża jsibu l-milja tagħhom permezz tal-imħabba li jagħtina Kristu. Per eżempju, niftakru fil-ħajja miżżewġa: tista’ tingħex fil-milja tagħha biss meta l-persuna “tħalli” d-dar tal-ġenituri (cfr Mt 19,6) biex tgħix l-impenn tal-ħajja konjugali. Niftakru wkoll fit-trobbija tal-ulied: aħna ngħinuhom jilħqu l-għanijiet u l-hena billi ngħallmuhom iqumu fuq saqajhom u jagħrfu jagħmlu l-għażliet tagħhom. Santu Wistin jgħid: “Il-firda minn dak li tħobb hi ta’ wġigħ. Iżda l-bidwi wkoll għal xi żmien jitlef dak li jkun żera’” (Diskors 330,2). Hu biss wara li “jitlef” iż-żerriegħa li jkun ħawwel fl-art li jkun jista’ jaraha twarrad.
F’das-sens l-imħabba hi wkoll telfa. Insibuha diffiċli biex nifhmuha, speċjalment f’dinja fejn it-telfa tidher li hija dgħufija, f’dinja ossessjonata biex taħtaf u taħżen. Iżda l-imħabba ġġib il-frott biss bl-għotja: meta nkunu lesti li nitilfu xi ftit mill-jien tagħna biex nagħmlu wisa’ għall-ieħor, nitilfu xi ftit ħin biex nisimgħu lil xi ħabib, nissagrifikaw xi ftit mill-kumdità biex naqsmu mal-ieħor is-sitwazzjoni ta’ tbatija tiegħu. “Min isib lil ħajtu – jgħid l-Evanġelju – jitlifha” (cfr v. 39), għax ma tkunx miftuħa għall-ferħ tal-imħabba u ssir ħawlija. Għaldaqstant Ġesù jistedinna nħaddnu s-Salib: Hu offra ruħu, tilef lilu nnifsu u propju minħabba f’hekk aħna stajna niksbu l-ħajja tiegħu bl-abbundanza. Bl-istess mod, jekk ngħixu fil-loġika tal-għotja, aħna wkoll niksbu l-ħila li niġġeneraw ħajja ġdida fir-relazzjonijiet tagħna.
Fl-aħħar l-akkoljenza. L-imħabba, infatti, nesprimuha bl-għażliet u l-azzjonijiet konkreti, b’impenn ta’ ġesti żgħar fil-ħajja ta’ kuljum, bħal meta noffru tazza ilma lil min hu bil-għatx (cfr v.42). Meta jibgħat lid-dixxipli tiegħu qablu, Ġesù jitlobhom biex ma jieħdu xejn magħhom, jiġifieri biex li jkunu fil-bżonn – għax b’hekk ikunu jistgħu jiksbu l-merħba ta’ dawk li jiltaqgħu magħhom. Hekk, l-akkoljenza ta’ min jiġi f’isem Ġesù tfisser li nkunu qed niltaqgħu miegħu u mal-Missier tas-Sema li bagħtu. L-imħabba lejn il-Mulej dejjem nistqarruha bil-mod kif nilqgħu lil aħwa,
Għeżież, nitolbu lill-Verġni Marija, li ħabbet lil Binha u għarfet ukoll titilfu: jalla tgħinna nkunu xhieda umli u ferrieħa tal-imħabba ta’ Kristu,.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi mal-aħwa Venezwelani milquta mit-terremoti reċenti, li ħallew għadd kbir ta’ vittmi u feruti, kif ukoll għamlu ħsarat materjali enormi. Filwaqt li nitlob lill-Mulej għall-mistrieħ ta’ dejjem tal-mejtin, inġedded il-qrubija spiritwali tiegħi mal-familji tagħhom, mal-feruti, u ma’ dawk kollha milquta minn din it-traġedja. Bl-istess mod, nesprimi l-gratitudni u l-inkoraġġiment tiegħi lil dawk kollha li qed jaħdmu b’ġenerożità fl-isforzi ta’ tiftix u għajnuna.
U issa nagħti merħba lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini: irroddilkom ħajr għax xorta ġejtu minkejja s-sħana kbira!
Insellem lill-fidili mid-Djoċesi ta’ Kumba, fil-Kamerun u lil dawk minn pajjiżi oħra. Insellem liż-żgħażagħ reliġjużi Kamilljani, lill-gruppi parrokkjali minn Priolo Gargallo, Avola, Regalbuto u Bari; lill-iscouts minn Rovereto u lill-adoloxxenti minn Mestrino, djoċesi ta’ Padova, li rċevew l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb! Arrivederci għal għada, fis-solennità tal-Qaddisin Pietru u Pawlu.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber