Il-Ħadd, 28 ta’ Ġunju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-13-il Ħadd tas-Sena. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
Jinstema’ jistona dan il-kliem ta’ Ġesù meta jgħid: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni, ma jistħoqqlux li jkun miegħi” (Mt 10:37). Ikompli wkoll isemmi lill-membri oħra tal-familja, u jgħid: jekk tħobbhom iżjed minnu, ma jistħoqqlokx li tkun tiegħu.
Nifhmu dan il-kliem ta’ Ġesù meta niftakru lil min intqal. Hawnhekk Ġesù kien qiegħed jitkellem ma’ dawk li emmnu fih, l-ewwel nies; u, wara li hu qam mill-imwiet u tela’ s-sema, l-ewwel Insara kienu qed jisimgħu dal-kliem tiegħu. Fost dawn, kien hemm min, minħabba li għażel li jimxi wara Ġesù, u jkun dixxiplu tiegħu, sab oppożizzjoni kbira min-nies tal-familja tiegħu stess. U għalhekk Ġesù qed jgħid hawnhekk li għandhom jagħżlu lilu l-ewwel; lilu, u dak kollu li jfisser hu.
Dan ma jfissirx li minħabba fih, isiru b’xi mod ma jaħmlux jew jobogħdu lil tal-familja. Lanqas xejn! Fil-fatt, naraw fil-ħajja tal-ewwel Insara li anke meta sabu oppożizzjoni min-nies tal-familja stess, qatt ma kienu huma li b’xi mod jobogħdu jew ma jaħmlux lill-familja tagħhom stess. Imma kienu nies li lesti anke jgħaddu minn persekuzzjoni, minn tbatija, biex jibqgħu mexjin wara Ġesù.
L-għażla l-aktar importanti
Dan li qed jgħid Ġesù lil dawn in-nies: li għandhom jagħżlu lilu. Jgħidu lilna wkoll. U meta nagħżlu lilu, hu jurina kif għandna nħobbu tassew, kif għandna nuru rispett u mħabba lejn il-familja tagħna. Fil-fatt, aħna nafu li hu kmandament ta’ Alla li int tirrispetta lill-ġenituri – “Weġġah lil missierek u ’l ommok” (Dewt 5:16). Niftakru wkoll kif Ġesù, darba minnhom, ikkritika bl-aħrax lill-Fariżej u lill-kittieba, meta qalilhom: intom, bl-iskuża li qed tagħmlu offerta lit-Tempju, ma tagħtux każ tal-ġenituri tagħkom (ara Mk 7,10-12). Ikkritikahom. Għalhekk dan hu l-mod kif nistgħu nifhmu tassew il-kelma ta’ Ġesù – qed jurina kif għandna nagħżlu lilu l-ewwel, imbagħad hu jurina kif nuru rispett, stima u mħabba lejn l-oħrajn.
Il-Papa Franġisku għandu riflessjoni sabiħa ħafna fuq din is-silta, u kif tgħodd għalina llum. Hu jgħid li rridu noqogħdu attenti li r-rabta mal-familja tagħna ma tiġix l-ewwel u qabel kollox, indipendentement minn dak li hu sewwa. Rabta bħal din tista’ teħodna f’direzzjoni ħażina. Isemmi l-eżempju ta’ min ikun fl-awtorità ċivili, u jagħżel li jaħtar f’karigi nies tal-familja tiegħu, mhux minħabba l-kompetenza imma għax jiġu minnu, flok jimxu ma’ dak li hu sewwa għall-ġid tas-soċjetà u tan-nazzjon. Jiġifieri: minħabba r-rabta mal-familja, jara kif se jaġevola lil dawk li jiġu minnu. Ir-riflessjoni tal-Papa Franġisku hija din: hekk jiġri meta r-rabta mal-familja tiġi l-ewwel, u wieħed ma jimxix skont dak li hu sewwa, u li hu ġust, u li jixraq.
Il-messaġġ ta’ Ġesù jgħodd dejjem għalina: nagħżlu lilu l-ewwel, u hu jurina kif għandna nittrattaw lill-familja tagħna, u lil dawk qrib tagħna: bi mħabba, bil-paċenzja, kultant bil-maħfra. U dan jiġi għax inkunu għarafna lilu, u għax nimxu warajh.
Is-sagrifiċċju
Ġesù jagħmel riflessjonijiet, f’dan l-Evanġelju, li lilna jolqtuna fil-laħam il-ħaj. Jgħid: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja, ma jistħoqqlux li jkun miegħi” (Mt:10:38). Ġesù kien hekk ċar mad-dixxipli tiegħu: li meta timxi warajh mhux kollox se jkun ward u żahar, mhux kollox se jimxi ħarir, mingħajr diffikultajiet u problemi. Hu għalhekk li Ġesù jsemmi s-sagrifiċċju.
Għandna ħafna eżempji ta’ nies li għexu u jgħixu dal-kliem ta’ Ġesù. Ħu, per eżempju, ġenituri li jissagrifikaw ruħhom u jagħmlu minn kollox għal uliedhom; kultant ikunu qed jagħmlu sagrifiċċji kbar, biex jgħixu l-vokazzjoni tagħhom ta’ ġenituri. Ġieli jkunu l-ulied mal-ġenituri tagħhom. Ħu nies li jgħixu ħajjithom bħala għotja ta’ mħabba għall-oħrajn, li kultant titlob sagrifiċċju; tkun lest għal dak is-salib biex tassew tgħix dal-kliem ta’ Ġesù.
Irridu niftakru: meta nġorruh ma’ Ġesù, is-salib ma jbeżżax, għax Ġesù jkun dejjem ħdejna biex iweżinna, fis-siegħa tal-prova l-aktar iebsa, biex jagħtina l-qawwa u l-kuraġġ.
Ospitalità u ġenerożità
Imbagħad, fl-Evanġelju, Ġesù jitkellem ukoll fuq żewġ kwalitajiet importanti fil-mod kif nittrattaw lill-oħrajn. Isemmi l-ospitalità u l-ġenerożità. Ġesù jsemmi kemm-il darba llum lil min “jilqa’”. Kemm hi sabiħa meta aħna jkollna qalbna miftuħa għall-oħrajn, li nilqgħuhom b’qalb kbira. Isemmi wkoll il-ġenerożità, meta jgħid li “min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu tiegħi, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10:42).
Tolqotni dejjem kif Ġesù, meta jsemmi dawn l-affarijiet, isemmi dak li jista’ jsir kuljum, mhux xi ħaġa li trid tistenna s-snin biex tagħmilha. Li tagħti tazza ilma frisk lil xi ħadd – daż-żmien ta’ sħana qawwija napprezzawha ħafna – hi espressjoni ta’ din l-imħabba li jsemmi Ġesù. U bħalma hi din, hemm ħafna okkażjonijiet oħra li fihom nuru kemm aħna tassew dixxipli ta’ Ġesù, b’qalb ġeneruża.
Nitolbu lill-Mulej illum li aħna nkunu dixxipli tiegħu, u nagħżlu lilu l-ewwel. Niftakru dak li Ġesù kien qal meta semma l-ewwel kmandament: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha” (Mk 12:30). Nitolbu lil Ġesù biex ngħixu hekk tassew, u biex ikompli jurina kif ngħixu mal-oħrajn bl-ispirtu ta’ ospitalità u ġenerożità.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju