Konċistorju x’inhuwa?

Fil-jiem li għaddew, fuq dan is-sit tal-Laikos wassalna bil-Malti diskors li l-Papa Ljun XIV għamel fl-għeluq tal-ħidmiet tal-Konċistorju Straodinarju li sar fl-Awla l-ġdida tas-Sinodu bejn is-26 u s-27 ta’ Ġunju 2026. Wara dik il-pubblikazzjoni, irċevejna xi talbiet biex infissru x’inhuwa “konċistorju”

Konċistorju tas-26 u 27 ta’ Ġunju 2026.

Konsistorju huwa laqgħa uffiċjali tal-Papa mal-Kulleġġ tal-Kardinali.

Storikament, il-kelma ġejja mil-Latin consistorium, li tfisser “laqgħa” jew “kunsill”. Matul is-sekli, il-konsistorju kien wieħed mill-aktar mezzi importanti li bih il-Papa kien jikkonsulta lill-kardinali tiegħu.

Illum jeżistu żewġ tipi ta’ konċistorji, dak ordinarju u dak straordinarju.

  • Il-Konsistorju Ordinarju normalment isir biex jinħolqu kardinali ġodda jew biex jiġu trattati kwistjonijiet amministrattivi.
  • Il-Konsistorju Straordinarju jissejjaħ meta l-Papa ikun jixtieq jikkonsulta lill-kardinali kollha dwar temi importanti għall-Knisja universali.

Importanti wieħed jinnota li konsistorju mhuwiex sinodu. Fis-Sinodu jieħdu sehem ukoll isqfijiet, reliġjużi u xi drabi wkoll il-lajċi, imma fil-konsistorju jipparteċipaw biss il-Papa u l-kardinali.

Barra minn hekk, il-konċistorju mhuwiex konklavi. Il-konklavi hija dik il-laqgħa tal-kardinali mingħajr il-preżenza tal-Papa, ghaliex huma jkunu qed jiltaqgħu propju biex jagħżlu Papa ġdid, wara l-mewt jew ir-riżenja tal-aħħar Papa.

Għaliex dan kien Konsistorju Straordinarju?

Il-konsistorju tas-26–27 ta’ Ġunju 2026, kien straordinarju għal diversi raġunijiet.

Qabel xejn, ma tlaqqax biex jinħatru kardinali ġodda, iżda biex il-Papa jisma’ l-pariri tal-Kulleġġ kollu tal-Kardinali dwar il-futur tal-Knisja. It-temi ewlenin li kienu diskussi matulu kienu …

  • is-sitwazzjoni internazzjonali u l-gwerer,
  • il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum,
  • l-implimentazzjoni tas-Sinodu dwar is-Sinodalità,
  • l-Enċiklika ġdida tal-Papa Ljun XIV, Magnifica Humanitas,
  • u kif il-Knisja tista’ tkun aktar kredibbli u aktar missjunarja.

Dan kien ukoll sinjal ċar tal-mod kif il-Papa Ljun XIV jixtieq imexxi l-Knisja.

Fil-fatt, sa mill-ewwel konsistorju tiegħu f’Jannar 2026 l-Papa Ljun XIV qal li jixtieq li dawn il-laqgħat isiru regolarment, anke kull sena, sabiex il-kardinali jkunu verament il-kunsill tiegħu u mhux biss il-persuni li jiltaqgħu fil-Konklavi biex jeleġġu Papa ġdid.

X’kienu l-punti ewlenin tad-diskors tal-Papa Ljun XIV fl-għeluq tal-konċistorju tas-27 ta’ Ġunju 2026?

1. Qabel kollox, il-Komunjoni: Il-Papa qal li dawn il-jumejn kienu esperjenza ta’ komunjoni. Mhux sempliċement laqgħa ta’ xogħol, iżda esperjenza ta’ fraternità bejn il-Papa u l-kardinali. Huwa qal li din il-komunjoni hija essenzjali biex il-Knisja tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha.

2. Il-Knisja teżisti għall-missjoni: Tema li dehret kemm-il darba kienet li l-Knisja ma teżistix għaliha nfsisha. Hija teżisti biex tħabbar l-Evanġelju u biex twassal it-tama lil dinja mifruda mill-gwerer, mill-vjolenza u mill-individwaliżmu.

3. Is-Sinodalità mhijiex moda: Il-Papa ma ppreżentax is-sinodalità bħala xi programm amministrattiv; imma stil ta’ ħajja, mod kif il-Knisja tisma’, dixxerniment f’komunjoni, u mixja flimkien taħt il-gwida tal-Ispirtu s-Santu.

Dan huwa f’kontinwità mal-proċess ġa mibdi mill-Papa Franġisku, iżda b’enfasi qawwija fuq il-kollaborazzjoni bejn il-Papa u l-kardinali.

4. It-Tama hija tweġiba għad-dinja: Il-Papa osserva li ħafna persuni llum qed jgħixu l-biża’, il-gwerra, il-firdiet u l-kriżi fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Għal dawn kollha l-Knisja għandha twieġeb mhux bil-pessimiżmu iżda billi toffri t-tama li ġejja minn Kristu.

5. Il-Paċi: Il-gwerra kienet tema li tqanqlet diversi drabi matul il-konsistorju. Fid-diskors tal-ftuħ, il-Papa Ljun insista li l-gwerra qatt ma tista’ tkun imbierka minn Alla. Imbagħad, fil-konklużjoni huwa reġa’ talab lill-Knisja kollha tkun dejjem sinjal ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni.

Ara d-diskors tal-Papa Ljun XIV fl-għeluq tal-Konċistorju … https://laikosblog.org/2026/06/27/il-papa-ljun-xiv-fgzeluq-il-koncistorju-straordinarju/

1 ta’ Lulju 2026

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading