Adorazzjoni għas-16-il Ħadd matul is-Sena A

Mulej Qaddis, inġbarna hawn illejla bħala komunità biex insellmulek u noqgħodu ftit ħin miegħek. Ngħollu qalbna u moħħna lejk f’tifħir u adorazzjoni. Aħna ngħożżuk f’qalbna u nintelqu f’idejk ħa tmexxi Int.

Kull imħabba u radd il-ħajr nagħtuk, O Sinjur; fejn il-midinbin kollha jsibu l-maħfra fil-ħniena u l-ħlewwa ta’ Qalbek; għax Int Mulej, Int oċean bla tarf ta’ ħniena. Imla lil qlubna, o Ġesù, bl-ispirtu ta’ umiltà konkreta, u agħtina sens qawwi ta’ dak li hu tajjeb, u dak li hu ħażin. Agħtina l-grazzja li naslu nħobbuk tant li bħal San Domenico Savio ngħidu: “nippreferi mmut milli nagħmel id-dnub”.    

Silenzju       30 sekonda

Għeżież, illum, waqt dan il-ħin ta’ adorazzjoni, ejjew insiru konxji tat-tajjeb u l-ħażin li hemm ġewwa fina u madwarna. Anke jekk il-preżenza tal-ħażen hija evidenti, t-tajjeb huwa preżenti wkoll fid-dinja tagħna. Ġesù jindika dan permezz tal-parabbola tas-sikrana fost il-qamħ. Is-sikrana u l-qamħ jikbru flimkien fl-istess għalqa.

Ejjew issa nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, u nitolbuh jagħtina l-qawwa bid-doni tal-għerf u l-fehma sabiex il-Kelma tiegħu li se nirriflettu fuqha tkun tista’ tinżel fil-fond ta’ qalbna u moħħna. 

Silenzju       2 min         

Innu:___________________________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                   Mt 13, 24-43

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.

Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.

Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

“Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija
sa mit-twaqqif tad-dinja”.

Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikum hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma!”

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Ġesù, int qiegħed tgħidilna, li l-Missier iħallina nikbru lkoll flimkien, kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena. Għaliex? Għax bħal sid l-għalqa, Alla l-Missier għandu paċenzja kbira, aktar milli għandna aħna bnedmin, u kapaċi jissaporti kemm lit-tajjeb u kemm lill-ħażin. Dan kollu huwa sinjal tal-ħniena infinita tiegħu lejna l-bnedmin. Għax wara kollox, ilkoll kemm aħna qed ingawdu mill-paċenzja u l-ħniena bla tarf ta’ Alla, għax Ħadd minna ma hu perfett! Għaldaqstant, aħna l-Insara, m’għandniex naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor. Bil-parabbola tieghek, o Ġesù, urejtna li l-Missier jagħti lil kull bniedem, lil kull midneb, iċ-ċans li jimmatura u jikkonverti.  (30 sek pawsa)

O Sinjur, int titlob minna biex ma niggudikawx lil ta’ madwarna, biex nirrispettaw lill-bniedem midneb, għax minkejja l-ħażen tiegħu, huwa wkoll maħluq xbieha ta’ Alla. Barra minn hekk, f’kull bniedem hemm fih xi ħaġa tajba, u kull bniedem għandu l-possibbiltà li jibdel triqtu. Mulej, int tibqa’ dejjem tistedinna biex nikkonvertu. Tibqa’ tagħtina ċans sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna. Nitolbuk, biex tkun magħna u tgħinna naraw it-tajjeb li hemm fl-oħrajn, aktar milli s-sikrana li hemm f’ħajjithom. Inti għallimtna li l-veru frott ta’ dak li nkunu ppruvajna nagħmlu matul ħajjitna fis-Saltna tiegħek, se jidher meta nsibu ruħna quddiemek fit-tluq tagħna minn din l-art u fi tmiem id-dinja.

Silenzju       2 min

Ejjew nieqfu ftit u nintelqu f’idejn il-Mulej, u naraw xi qiegħed jgħidilna permezz tal-Kelma tiegħu. Nieqfu ftit u nirriflettu aktar kif qegħdin ngħixu, x’deċiżjonijiet qed nieħdu fir-relazzjoni tagħna miegħu, miegħi innifsi, u mal-oħrajn.

X’laqatni l-aktar f’din il-parabbola ta’ Ġesù u għaliex? (10 sekondi pawsa).

Dil-parabbola, kif nista’ napplikaha għall-ħajja tiegħi? (10 sekondi pawsa).

Jien inħossni membru tas-Saltna ta’ Alla, jew inħalli l-ħazen jirkibni? (10 sekondi pawsa).  

Jien qed ninduna bil-ħazen li hemm fija jew madwari? Qed nersaq lejn s-Sagrament tal-Qrar biex nirrikonċilja ruħi Miegħu? (10 sekondi pawsa).

Konxji li bl-iċken żerriegħa ta’ kelma li ngħidu jew nisimgħu, nafu nibnu friegħi kemm tat-tajjeb u kemm tal-ħazin?

Silenzju       2 min

Innu: __________________________

Talbiet tal-Komunitá

Ejjew issa nitlob lil Mulej Alla biex jisma t-talb tagħna u wara kull talba nirrispondu:

Mulej, dawwar id-dija ta’ wiċċek fuqna

Nitolbu għal dawk kollha li għażlu li jgħixu ħajja ta’ ħażen u vjolenza u b’hekk kisru l-paċi u l-armonija fid-dinja. Agħtihom il-grazzja tal-konverżjoni.

Mulej, dawwar id-dija ta’ wiċċek fuqna

Nitolbu għal dawk li qed ibatu minn kull tip ta’ tbatija kemm fiżika u anke mentali.

Mulej, dawwar id-dija ta’ wiċċek fuqna

Nitolbu għal dawk li huma affetwati minn tiġrib, terruri u diżastri naturali. Kif ukoll dawk li huma ppersegwitati jew imkeċċija minn djarhom, u dawk li huma mċaħda milli jgħixu ħajja dinjituża. Għamel li jisbu nies li jiftħu l-bibien tagħhom għalihom.

Mulej, dawwar id-dija ta’ wiċċek fuqna

Nitolbuk O Alla, biex iddawwalna biex nkunu nistgħu nagħrfu dak li hu ta’ ġid għalina u għal-ruħna

Mulej, dawwar id-dija ta’ wiċċek  fuqna

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading