Is-16-il Ħadd matul is-Sena A. Minn Dun Mikiel A. Galea

BĦALISSA QAMĦ U SIKRANA QEGĦDIN JIKBRU FLIMKIEN!

Lil Joe (isem fittizzju minħabba kunfidanzjalita’) ilni nafu ħafna, għax l-edukazzjoni sekondarja tiegħu ħadha mis-seminarju minuri tal-Qalb ta’ Ġesu’, fejn għal sittax-il sena jiena kont preżenti bħala direttur spiritwali u għalliem ta’ diversi suġġetti. Joe kien minn dejjem tifel fuq tiegħu u nkwiżittiv ħafna, jiġifieri joħroġlok b’domandi li forsi lanqas jaħbtu ma’ moħħ nies kbar bħali u bħalek. Mela m’ilux wisq iltqajt miegħu u ħariġli b’domanda li għal mument ma fhimthiex. Staqsieni u qalli: “Dun Mikiel, huwa Alla ma baqagħlux ġurati x’jibgħat biex jikkastiga d-dnubiet soċjali tad-dinja u ta’ pajjiżna?!” Kien qed jirreferi għal wieħed mill-kastigi li Alla bagħat fuq l-Eġizzjani li kienu qegħdin jgħakksu lill-Ebrej. Qalli pereżempju: “Dan kif Alla ma jikkastigax id-dinja meta ta’ kull sena, miljuni ta’ ommijiet tqal qegħdin jirrikorru għall-abort, delitt l-aktar gravi? It-tarbija li tkun qegħda tissawwar fil-ġuf ta’ ommha hija nnoċenti u ħadd ma jista’ jiddefendiha! Dan kif Alla ma jikkastigax lill-membri parlamentari ta’ diversi pajjiżi li lleġislaw l-ewtanasja jew kif isejħulha bl-ingliż il-“mercy killing”? Dan kif Alla ma jikkastigax lil dawk il-mexxejja li qegħdin irewħu l-ġamar tal-gwerer u ħafna nies u tfal qegħdin imutu innoċentement? U jiena bqajt nisimgħu…

Imbagħad dar fuq Malta tagħna. Kompla jistaqsini: “Dan kif Alla ma jikkastigax lil ċerti ħaddiema li jieħdu paga ta’ ġurnata u mad-9.00 ta’ fil-għodu jitilqu lejn id-dar, jew addirittura jmorru jagħmlu xogħol band’oħra?

Kompla jistaqsini: “Dan kif Alla ma jikkastigax lil dawk il-professjonisti (u hawnhekk ninkludi lil dawk kollha li ħadu edukazzjoni terżjara) li jixorbu demm il-foqra bil-ħlasijiet kbar li jġiegħluhom iħallsu u mank riċevuta ma jagħtuhom! Dan kif Alla ma jikkastigax lil dawk li qegħdin ibiegħu d-droga, speċjalment liż-żgħażagħ u jqabbduhom it-triq  lejn mewt bikrija? Nixtieq ngħidilkom li Joe kien sinċier u bilanċjat ħafna f’dawn id-domandi għax qalli: “Verament ma tistax titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda u l-ħażin dejjem jgħajjat iktar mit-tajjeb. “U lil dan Joe komplejt nisimgħu…sadanittant kont qed nara u nberren f’moħħi biex nara kif u b’liema mod se nwieġbu għax lil Joe, bniedem intelliġenti ħafna, kellu dritt risposta tajba u konvinċenti! Ma kienx ta’ sebgħu f’ħalqu!

Forsi tistaqsuni u tgħiduli: “Imma possibli li dan Joe għamillek dawn id-domandi kollha f’taħdida waħda li kellek miegħu? Ngħidilkom: “Le! Jien ippruvajt inpoġġi fuq fomm Joe ħafna mistoqsijiet eżistenzjali li qegħdin jistaqsu ħafna żgħażagħ u ħafna nies intelliġenti dwar Alla. Alla huwa ħanin, xi Ħadd li jagħder u li jaħfer. Fil-fatt, fis-Salm responsorjali, għal darba, tnejn, tlieta u erbgħa, irrepitejna u tlabna flimkien: “Mulej, inti twajjeb u taħfer!” Daż-żgur li Alla tagħna hu twajjeb u jaħfer. F’waħda mill-ittri tiegħu, San Massimu Konfessur jgħid li Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja sabiex ifejjaqna mill-mard spiritwali tagħna…Dan meta Ġesu’ nnifsu rrakkuntalna   l-parabboli tan-nagħġa l-mitlufa, tal-biċċa flus mitlufa, tas-samaritan it-tajjeb, tal-missier kollu tjieba li ħaddan fi ħdanu l-iben li reġa’ lura mill-avventura xejn sabiħa li għamel f’pajjiż imbiegħed u hemm berbaq ġidu kollu man-nisa tat-triq u b’tant tixbihat oħra. Ikompli jgħid San Massimu Konfessur dak li qal Ġesu’ stess: “Jiena mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema…Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, imma l-morda.”

U hawn niġu għall-vanġelu li għadni kemm qrajtilkom. F’dal-vanġelu, Ġesu’ jirrakkuntalna żewġ parabboli: il-parabbola tal-qamħ u tas-sikrana u l-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda. It-tieni waħda se nħalluha għall-ġenb u nitkellmu biss fuq l-ewwel parabbola: il-parabbola tal-qamħ u tas-sikrana li s-Sid jixtieq li jkomplu jikbru flimkien sa żmien il-ħsad. Jien m’iniex xi wieħed li nħobb is-safar, pero’ min mar l-Olanda kapaċi jgħidlek li fl-Olanda, malli jidħol l-istaġun tar-rebbiegħa, wesgħat kbar ta’ raba’ jinksew bil-ward. Iktar tard, ejjew ngħidu mal-bidu ta’ Ġunju, f’dawn il-wesgħat jibda jidher iż-żbul tal-qamħ qed jisfar. Sfortunatament, maż-żbul isfar tal-qamħ, jibdew jidhru wkoll fjuri ta’ lewn blu. Dawn ikunu l-fjuri tas-sikrana li qed isemmi Ġesu’ fil-parabbola tal-lum. Iż-żerriegħa tas-sikrana tixbaħ ħafna liż-żerriegħa tal-qamħ, pero’ jekk tintaħan mal-qamħ u tintgħaġen f’ħobż, dal-ħobż jista’ jkun velenuż.

X’għandna nagħmlu meta nindunaw li madwarna, fil-Knisja stess u fina nfusna hemm din it-taħlita ta’ qamħ u sikrana? Tliet affarijiet: l-ewwelnett għandu jkollna, jew jekk m’għandniex, nippruvaw li jkollna ħafna paċenzja. Meta l-qaddejja qalu lil sid il-għalqa u staqsewh jekk għandhomx imorru jaqilgħu s-sikrana, hu weġibhom: “Le, għax jekk tmorru taqilgħu s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu l-qamħ ukoll.” Proverbju Ċiniż jgħid hekk: “Mument wieħed ta’ paċenzja għandu mnejn jista’ jsalva sitwazzjoni diżastruża, imma mument wieħed ta’ nuqqas ta’ paċenzja jista’ jgħarraqlek ħajtek kollha!” It-tieninett għandna nitolbu sabiex il-qawwa ħażina u mudlama li tinsab madwarna, fil-Knisja stess u fina nfusna ma tirbaħx fuq it-tajjeb kollu li jeżisti. Ejjew ma nkunux negattivi. Jeżisti ħafna tajjeb u għandna nkunu ferħanin u kuntenti b’dan it-tajjeb. Jekk insibu din il-ħaġa xi ftit diffiċli, ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jgħinna f’din id-djgħufija tagħna. It-tieletnett, ejjew nittamaw li għad tiġi dik il-ġurnata meta t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin. Din it-tama hija mibnija fuq iċ-ċertezza li skont il-Ktieb tal-Għerf, “Mhemmx alla ieħor ħlief Alla tagħna li jieħu ħsieb kollox…Huwa Sid il-qawwa, u jagħmel il-ħaqq bil-ħniena…” (ara 12, 13,15)

Imma l-paċenzja tagħna meta nindunaw bil-ħażen, li kif għedtilkom jinsab madwarna, fil-Knisja u fina nfusna…anki t-tama tagħna fil-Mulej, m’għandhomx jirrenduna passivi u indifferenti quddiem dan il-ħażen. Ċerti nies jippreferu jibqgħu passivi u ma jieħdu ebda deċiżjoni, la favur u lanqas kontra dan il-ħażen. Dan l-atteġġjament huwa xi ħaġa traġika. Bernard Shaw jgħid li l-akbar dnub kontra min hu passiv u indifferenti quddiem il-ħażen mhux dak li tobgħod lil min jagħmel il-ħażen, imma dak li tingħalaq ġo qoxortok u taħrab minnu bħallikieku ma jeżistix. Huwa dmir tagħna lkoll li l-ħażen naffrontawh b’kull mezz u b’kull mod!

Nispiċċa. Żmien il-ħsad għad jasal: is-sikrana tinġabar qatta qatta u tinxteħet fin-nar. Dan l-aħħar, Papa Ljun XIV, meta kien Spanja, partikularment fil-gżejjer Canary, qalilhom hekk lit-traffikanti tal-bnedmin: “Indmu, għax tridu tiffaċċjaw il-Ġustizzja Divina…” Inkompli ngħid jien: “Għal kull wieħed u waħda minna għad jispiċċa ż-żmien tal-ħniena t’Alla u jibda ż-żmien tal-ġustizzja t’Alla.”


TALBA

Mulej Ġesu’,

int li tiżra’ bil-kotra l-Kelma tiegħek,

la tieqaf qatt timxi fit-toroq tagħna u żżur kull art

biex tħalli ż-żerriegħa tal-fidi taqa’ fuqha.

Aħrab ix-xewk tal-ansjeta’

Li jassedja r-ruħ,

U jneħħi l-arja tal-fiduċja. Ammen (Don Pasquale Giordano)

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading