B’ħarsa ġdida. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-16 il-Ħadd tas-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””. Mt 13, 24-30.

  1. Riflessjoni/talba:

i. Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu.

Ġesù stieden lin-nies
biex iħarsu lejn il-ħajja
minn perspettiva oħra:

li tinnota t-tajjeb
il-presenza t’Alla
miżrugħa fil-ġrajjiet –
personali … tad-dinja –

li taħdem biex joħrop il-frott
li diġà nżera’ –
f’ħajtek u fid-dinja.

Irrifletti:
• X’jgħinek tiftakar fit-tajjeb miżrugħ?

ii. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

Wara l-lejl, b’għajnejna mżellġa,
insibuna pass il-bogħod

milli npoġġu d-dubju fuq iż-żerriegħa
(“imma żgur kienet tajba??”)
milli nitilfu l-fiduċja f’min żeragħha
(“imma Alla għaliex għamlilna hekk??”)
milli niżolaw ruħna fi sfiduċja totali
(ma tista’ tafda lil ħadd!!).

Għax waqt li aljenati
jidħlu fina ħsibijiet oħra
li jċajpru t-tajjeb
li jisfiguraw lil dak li waħdu Hu tajjeb.

Irrifletti
• Meta l-aktar faċli li tkun aljenat u tiżbilanċja ruħek?

iii. Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.

Jekk trid tibni ħajja sabiħa
titfixkilx meta tara l-imperfezzjoni tiegħek
meta tinduna bit-taħlita ta’ motivazzjonijiet li hemm fik –
dawk li jagħmlulek unur u dawk li le.

Pjuttost imxi kif jimxi Alla miegħek:
uża s-sabar quddiem l-inkonsistenza tiegħek
ħares u ikkultiva iż-żerriegħa t-tajba
titfixkilx meta tara li l-ħażen għadu ma ntrebaħx.

Irrifletti

• Kif tħares lejn id-dgħufijiet tiegħek?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading