Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd
Daħħal ix-xabla
Ġesu’ lil San Pietru qallu: “daħħal dik ix-xabla f’postha, għax MIN JAGĦTI BIX-XABLA, BIX-XABLA JMUT”.
Malli l-Maltin raw li l-lifgħa qabdet ma’ id San Pawl, il-Maltin mal-ewwel qatawha li HU QATTIEL, imma meta raw li ma ġralu xejn, dawru l-ħsieb qishom pinnur waqt il-maltempata Harry, u qatuha li KIEN ALLA.
Milli jidher hu f’demmna li malli nisimgħu aħbar, mal-ewwel, bla ma nkunu nafu l-fatti naqtgħu s-sentenza, daqslikieku nkun ilna xi xahrejn nisimgħu x-xhieda l-qorti u nisimgħu dwar x’ġara u ma ġarax.
Ġurnata se nkunu aħna stess fuq dik il-pedana
Ohhhhhhhhhhhhhhh x’biża l-aħwa, ma nirrejjaliżżawx li jista’ jasal il-jum li fuq dik il-pedana tal-akkużat ikun hemm aħna, u bl-istess xabla li aħna nkunu biċċierna lil ħaddiehor, sejrin ibiċċru lilna ?
Dan l-aħħar kien hemm aħbarijiet fil-midja li meta qrajt ftit mill-mijiet ta’ kummenti li l-imħalfin Maltin, esperti fil-Liġi Maltija kitbu, bdejt inġib għajnejja wara widnejja.
Speċjalment jekk il-persuna tkun barranija, impossibli li ssib imqar wieħed jew waħda li jikteb biex jiddefendi lil barrani.
Il-barranin li jinsabu fostna
Għal bosta Maltin, il-barranin huma nies tat-tieni klassi, u li misshom jinżlu għarkuptejhom quddiemna, u jirringrazzjawna talli tajniehom għajxien aħjar milli kellhom f’pajjiżhom.
Le x’jien ngħid, dawn il-barranin għal bosta Maltin, mhux nies tat-tieni klassi, għax għal ħafna kelb jew qattus ħaqqhom aktar dinjita’ u ta’ min jitħassarhom minn bniedem li jew ħalla pajjiżu (bħalma għamlu eluf ta’ Maltin fis-snin ta’ wara l-Gwerra) biex jipprova jsib xorti f’pajjiżna, jew inkella saħansitra jkun ġie fostered hawn għexieren ta’ snin u xellef difru mal-liġi u nqabad.
Il-ħniena qabel kollox
M’HEMMX ĦNIENA MA NIES BĦAL DAWN JEKK JINQABDU LI KISRU L-LIĠI.
Oh kemm int kbir oh Alla, li DIRGĦAJK HUMA MIFTUĦA GĦAL DAWK LI S-SOĊJETA’ SSALLAB U TOQTOL BLA ĦNIENA.
U ma għandix dubju li min, ANKI PERMEZZ TA’ KUMMENTI FUL IL-MIDJA SOĊJALI, jkun qatagħilhom għal mewt lil dawn il-fqajrin, li lil dawk li matul ħajjithom ikunu mdorrija jużaw ix-xabla fil-konfront taċ-ċkejkin, jew tal-barranin, dawn se jispiċċaw jiċċartu huma stess bl-istess xabla li biha huma jkunu ċarrtu lil ħaddieħor.
EJJEW INĦENNU GĦAL XULXIN, u l-aktar għal barranin li jinsabu fostna, għat-trabi ċkejknin li jkun fil-ġuf ta’ ommijiethom, għall-anzjani li ma għandhomx min iħobbhom.
Ma ninsewx li se jasal jum, u anki aħna SE NKUNU FUQ IL-PEDANA TAL-ĦATJA, u l-IMĦALLEF SE JKUN ALLA LI JAQRA S-SENTENZA LI NKUNU KTIBNA AĦNA STESS F’ĦAJJITNA B’GĦEMILNA.
U s-sentenza se tkun jew TGAWDIJA GĦAL DEJJEM, jew DANNAZJONI GĦAL DEJJEM.
AGĦŻEL INT ISSA X’TIXTIEQ………..
