Ġwanni Pawlu II fil-beatifikazzjoni ta’ Ana de los Angeles. Arequipa, Perù

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
BEATIFIKAZZJONI TA’ ANA DE LOS ANGELES
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Arequipa (Perù) – Is-Sibt, 2 ta’ Frar 1985

Lumen ad revelationem gentium!”.
Dawl biex idawwal il-ġnus!” (Lq 2, 32).

1. Illum il-Knisja fl-art kollha tiċċelebra l-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-tempju ta’ Ġerusalem, erbgħin jum wara t-twelid tiegħu f’Betlem. Hemm, fit-tempju ta’ Ġerusalem, kien ippronunzjat il-kliem profetiku li l-Knisja tirrepeti kuljum fil-liturġija tagħha u llum ixxandru b’sollennità speċjali.

Ix-xwejja Xmun jieħu it-tarbija minn dirgħajn l-Omm u, imdawwal mill-Ispirtu Santu, jippronunzja l-kliem profetiku: “Issa, o Sid, tistà tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem skont kelmtek;  għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni, li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lc 2, 29-32).

2. Illum nirripetu dan il-kliem hawn f’Arequipa, fl-art Peruvjana. Flimkien nipprofessaw bih il-fidi f’Ġesù Kristu, dik il-fidi li dawlet lill-poplu ta’ din l-art fi kważi ħames sekli. F’dan l-isem u f’dan id-dawl ningħaqdu llum u b’mod reċiproku insellmu lil xulxin. U jien għandi l-pjaċir li nista nieħu sehem magħkom, bħala Isqof ta’ Ruma, f’din il-festa kbira tal-Knisja f’artkom.

Festa li għandha żewġ mottivi: il-beatifikazzjoni ta’ Sor Ana de los Angeles Monteagudo, u l-inkoronazzjoni pontifiċja tax-xbiha tal-Verġni di Chapi, Omm u Sultana ta’ Arequipa, li tippresiedi fiċ-ċelebrazzjoni tagħna. F’din il-festa tal-Knisja fil-Perù, fil-preżenza tar-rgħajja kollha, irrid insellem lill-poplu kollu fidil Peruvjan li ġejt inżur ukoll jekk ma nistax, kif irrid, nasal għand kull persuna jew post tal-Pajjiż. Imma ndur lejn kulħadd intenzjonalment kull darba li f’dawn il-jiem niltaqà ma’ xi grupp jew settur tal-poplu ta’ Alla. Sabiex Kristu, dawl tal-ġnus, jillumina l-membri ta’ din il-Knisja ta’ Alla ta’ Arequtpa li llum tilqagħni, bir-ragħaj tagħha u l-awżiljarji tiegħu. Kif ukoll il-Knejjes ta’ Punto, Tacna, Ayaviri, Chuquibamba, u Juli bir-rgħajja tagħhom.

Jalla d-dawl ta’ kristu jiggwida l-Knisjsa ta’ Lima bil-kardinal arċisqof tagġha u l-awżiljarji, ir-rgħajja u l-fidili ta’ Callao, Huacho, Ica u Yauyos. Jalla Kristu, dawl tad-dinja jillumina l-mixja tar-rgħajja u tal-fidili ta’ Ayacucho, Huancavelica u Caraveli. Jalla Kristu jkun dejjem id-dawl tal-Knejjes ta’ Cuzco, Abancay, Chuquibambilla, Sicuani u tal-isqfijiet tagħhom. Jalla d-dawl ta’ Kristu jiddi fil-poplu fidil Huancayo, Huánuco, Tarma u fil-missirijiet ral-fidi tagħhom. Jalla Kristu jikkumpanja bid-dawl tiegħu il-poplu qaddis ta’ Alla f’Piura, Chachapoyas, Chiclayo, Chota, Chulucanas u l-prelati tagħhom. Jalla d-dawl ta’ Kristu jiddi fuq ir-rgħajja u fuq il-komunitajiet ekkleżjali ta’ Trujillo, Cajamarca, Huaraz, Chimbote, Huarí, Huamachuco u Moyobamba. Jalla Kristu jindika bid-dawl tiegħu il-mixja tal-fidi lill-ordinarji u lill-membri tal-Knejjes ta’ Iquitos, Jaén, Pucallpa, Puerto Maldonado, Requena, San José de Amazonas, San Ramón, u Yurimaguas, lill-ordinarju u lill-membri tal-vigarjat kristjan tal-Perù. U fl-aħħar, jalla Kristu jkun id-dawl għal dawk kollha li huma hawn preżenti, għal dawk li ġew mill-qrib u mill-bogħod, u b’mod partikolari għall kbira familja domenikana, li tara f’oħtha, il-Beata Ana de los Angeles, glorja ġdida għal uliedha ta’ San Domenico, u rifless fidil tad-dawl ta’ Ġesù Kristu.

3. Ġesù ta’ Nażżaret li fuqu, erbgħin jum wara twelidu, ix-xwejjaħ Xmun ippronunzja l-kliem profetiku, jinsab quddiemna bħal dawl. Ejjew nisimgħu dak li jgħidilna l-Vanġelu tal-liturġija tallum: “Kollox ingħata lili minn Missieri; ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu” (Mt 11, 27). Kristu huwa d-dawl tal-bnedmin għaliex jirrivelhom lil Alla. Huwa biss jagħraf lil Alla: jagħraf lill- Missier u hu magħruf minnu. Hu, unikament hu, iġib id-dawl tar-rivelazzjoni divina lill-qlub umani. Grazzi lilu għarafna lill-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu, l-Alla uniku fit-Trinità li hija “l-bidu u t-tmiem” ta’ dak kollu li jeżisti. Fih hemm is-salvazzjoni eterna tagħna.

4. Infatti dan Alla – kif jipproklama Ġwanni fit-tieni qari tallum (1 Ġw 4, 10) – huwa  dak li “ħabbna u bagħat li Ibnu bħala vittma ta” tpattija għall-dnubietna” Hekk hu. “B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla għalina: Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih” (1 Ġw 4, 9).

L-Iben huwa d-dawl tad-dinja għaliex jagħtina l-ħajja ta’ Alla. Din il-ħajja divina hija għalina don, jiġifieri il-grazzja. U l-grazzja tiġi mill-imħabba u tgħaddas fina l-imħabba. B’dan il-mod aħna l-bnedmin, imwielda minn bnedmin, mill-ġenituri tagħna,  meta jmissna nitwieldu minn Alla.

“Kull min iħobb huwa mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla” (1 Ġw 4, 7).

Kristu huwa d-dawl tal-bnedmin għaliex grazzi lilu aħna mwielda minn Alla, u mill-waqt li aħna konna mwielda minn Alla fi Kristu, aħna wkoll “għarafna lil Alla: għarafna l-Missier, kif ukoll l-Iben jagħraf lill-Missier .

Iżda, “min ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għaliex Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4, 7).

5. Hawn hu il-messaġġ splendidu tal-festa tallum. Il-messaġġ tad-dawl u tal-ħajja, il-messaġġ tal-verità u  tal-imħabba. Fil-kontenut ta’ dan il-messaġġ nagħrfu wkoll lil din il-bint magħżula ta’ artkom li llum nistà niddikjara Beata tal-Knisja: Ana de los Angeles Monteagudo.

Is-sinjur arċisqof ta’Arequipa, billi uffiċjalment talab il-beatifikazzjoni ta’ Swor Ana, traċċja s-sintesi tal-bijografija tagħha u indika l-linji tal-ħajja qaddisa tagħha, il-merti u l-grazzji ċelesti li wasslu għall-elevazzjoni tagħha għall-altari, bħala eżempju u għall-qima tal-Knisja kollha, b’mod speċjali  tal-Knisja tal- Perù. Fi Swor Ana nammiraw fuq kollox in-nisranija eżemplari, is-soru kontemplattiva dumnikana tal-monasteru ċelebri ta’ Santa Katalina, monument ta’ arti u ta’ pietà li biha l-Arquinos huma bir-raġun imkabbra. Hija wettqet f’ħajjitha l-program dumnikan tad-dawl, tal-verità, tal-imħabba u tal-ħajja, ikkunċentrat fil-famuża sentenza: “Ikkuntempla u ttrażmetti dak li huwa ikkuntemplat” Swor Ana de los Angeles wettqet dan il-program b’intensità, attività awstera u radikali fil-ħajja monastika, skont l-istil tal-ordni ta’ San Duminku, fil-kontemplazzjoni tal-misteru ta’ Kristu, tal-verità u tal-għarfien ta’ Alla.

Imma ħajjitha kellha rradjazzjoni apostolika singolari. Kienet għalliema spiritwali u fidila, esekutriċi tan-normi tal-Knisja li kienu jitolbu b’urġenza ir-riforma tal-monasteri. Kienet taf tilqà lil dawk kollha li kienu jirrikorru għandha, billi tgħallimhom il-mogħdijiet tal-maħfra u tal-ħajja tal-grazzja. Il-preżenza moħbija tagħha kienet innotata ‘il hemm mill-ħitan tal-kunvent tagħha, bil-fama tal-qdusija tagħha. Għenet bil-parir u t-talb tagħha lill-isqfijiet u lis-saċerdoti; kienet tikkumpanja l-vjaġġaturi, lill-pellegrini li kienu jaslu għandha, bit-talb tagħha.

Ħajjitha twila ikkunsmat ruħha kważi kollha ġewwa l-ħitan tal-monasteru ta’ Santa Katelina; l-ewwel bħala edukatriċi, iktar tard bħala reliġjuża u superjura. Fl-aħħar snin tagħha ikkunsmat ruħha f’identifikazzjoni doloruża mal-misteru ta’ Kristu Msallab. Swor Ana de los Angeles tikkonferma b’ħajjitha l-fertilità apostolika tal-ħajja kontemplattiva fil-ġisem mistiku ta’ Kristu li huwa l-Knisja, Ħajja kontemplattiva li tgħaddas għeruqha kmieni ħafna hawn ukoll, sa mill-bidu stess tal-evanġelizzazzjoni, u tkompli biex tkun għana misterjuża tal-Knisja fil-Perù u tal-Knisja kollha ta’ Kristu.

6. Bla dubju swor Ana għaddiet ħajjitha ssegwi din il-massima ta’ San Ġwann Evanġelista: “Jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxini” (1 Ġw 4, 11). Fl-iskola tal-Imgħallem Divin huwa mmudella qalbu sa ma  sa ma tgħallem il-manswetudni u l-umiltà ta’ Kristu, skont il-kliem tal-Vanġelu: “Ħdu fuqkom il-madmad tiegħi u tagħallmu minni li jien ta’ qalb ħelwa u umli. Infatti l-madmad tiegħi huwa ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11, 29-30).

Waqt li imitat il-karità u s-sens ekkleżjali tal-patruna tagħha, Santa Katerina da Siena, Ana kellha qalb mansweta u unikment miftuħa għall-bżonnijiet ta’ kulħadd, b’mod sġeċjali tal-iktar foqra. Kulħadd sab fiha imħabba tassew. Il-foqra u l-umli sabu laqgħa vera; l-għonja fehim li ma kienx iħalli l-esiġenza tal-konverżjoni; ir-rgħajja sabu talb u parir; il-morda, solliev, l-imdejqa konsolazzjoni; il-vjaġġaturi, ospitalità; l-ippersegwitati, maħfra; il-moribondi, it-talb imħeġġeġ.

Fil-karità oranti u effettiva ta’ Swor Ana kienu preżenti b’mod speċjali il-mejtin, l-erwieħ tal-Purgatosju li hja kienet issejjaħ “ħbiebha”. B’dan il-mod, waqt li illuminat il-Pietà ansestrali għall-mejtin bid-dutrina tal-Knisja, waqt li segwiet l-eżempju ta’ San Nikola ta’ Tolentinu li tiegħu kienet devota, firxet il-karità tagħha għall-mejtin bit-talb u bis-sufraġju.

Għalhekk, billi kienet tiftakar dawn id-dettalji tal-ħajja tal-Beata l-ġdida, il-penitenza u l-elemożina tagħha, it-talb tagħha kontinwu u mħeġġeġ għal kulħadd, ftakarna l-kliem tal-ktieb ta’ Tobija “Aħjar it-talb bil-qalb, u l-karità bis-sewwa, mill-għana bid-dnewwa. Aħjar tagħti l-karità  milli taħżen id-deheb. Il-karità teħilsek mill-mewt u tnaddfek minn kull dnub. Dawk li jagħmlu d-dnub u l-inġustizzja huma l-għedewwa tagħhom infushom. Dawk li jagħmlu l-karità jintlew bil-ħajja” (Tb 12, 8-9). Bħalha, li mietet f’età avanzata, mimlija virtujiet u merti.

7. Illum il-Knisja ta’ Arequipa u tal-Perù kollu tixtieq tadura lil Alla b’mod speċjali għall-benefiċji li hu ikkonċeda lill-poplu ta’ Alla permezz tas-servizz ta’ soru reliġjuża umli: swor Ana de los Angeles.  Billi taħdem hekk il-Knisja tagħmel dak li qal Tobija fl-istedina mxandra fil-liturġija tallum: “Xandru mal-bnedmin kollha kull ma għamel il-Mulej u agħtuh ġieħ u titnikkrux biex tfaħħruh. Tajjeb li wieħed iżomm moħbi is-sigriet tas- sultan, iżda unur li wieħed ifaħħar u jxandar l-opri ta’ Alla” (Tb 12, 6-7).

B’dan il-mod dak il-misteru tal-grazzja ta’ Alla, moħbi fi ħdan il-Knisja ta’ artkom jimmanifesta u jirrivela ruħu:: hija Swor Ana de los Angeles, Beata tal-Knisja! Il-qdusija tal-bniedem hija opra ta’ Alla. Qatt ma jkun biżżejjed li wieħed juri gratitudni għal din l-opra. Meta nqimu l-opri tiegħu, l-opri ta’ Alla. inqimu u naduraw b’mod speċjali lilu stess, Alla santissmu. U fost l-opri kollha ta’ Alla l-ikbar waħda hija l-qdusija ta’ krejatura, il-qdusija tal-bniedem.

8. Imma hekk hu li fil-festa tallum fil-preżenza tal-Knisja kollha hemm dik li hija l-eqdes: Omm Kristu, Marija. Ejjew nikkuntemplawha, erbgħin jum wara t-twelid ta’ Binha, meta tieħu fit-tempju ta’ Ġerusalem ikkumpanjata minn Ġużeppi. Ix-xwejjaħ Xmun jadura fit-Tarbija d-dawl ta’ Alla: “Dawl biex idawwal il-ġnus” (Lq 2, 32). U lil Marija jindirizzalha dan il-kliem: “Ara dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael, se jkun sinjal li jmeruh, biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ħafna. U inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek (Lq 2, 34-35).

Waqt li nżommu preżenti l-kliem ta’ Xmun, nixtiequ nqegħdu llum fuq ras ix-xbiha ta’ Omm Alla ta’ Chapi l-kuruna pontifiċja. Dan il-ġest li nagħmlu fuq l-art iwieġeb għall-eżaltazzjoni li l-Verġni rċeviet fis-sema: l-eżaltazzjoni tal-fqar u tal-umli, ipproklamati għaliha fil- Magnificat (cf. Lq 1, 52). B’tali ġest il-Papa irid juri r-rabta li diġa teżisti u li se tikkonsolida ulterjorment bejn il-belt ta’ Arequipa, il-Knisja tal-Perù u l-Verġni Santissma. Ladarba din il-“belt bajda”, eminentement Marjana, li twieldet taħt il-protezzjoni ta’ Sidtna f’Jum l-Assunzjoni tal-1540, ipprofessat dejjem devozzjoni kbira lejn Omm Alla.

Dan jixhduh t-tliet santwari marjani splendidi u famużi tal-belt: dak ta’ Cayma, dak ta’ Characato, u b’mod speċjali dak ta’ Chapi. L-inkuronazzjoni hija wkoll tifkira tal-imħabba li kellha lejn il-Verġni Santissma l-Beata Ana de los Angeles.

9. Quddiem ix-xbiha ta’ Sidtna inqiegħed l-intenzjonijiet tal-Knisja kollha, b’mod speċjali tal-Knisja tal-Perù u ta’ Arequipa: “O Omm ta’ Kristu, imqaddsa Omm Alla, meqjuma b’tant imħabba intima mill-poplu ta’ Alla fl-art kollha Peruvjana. Omm u Reġina tal-qaddisin kollha li din l-art tat: Toribio de Mongrovejo, Rosa da Lima, Martín de Porres, Juán Macías, Ana de los Angeles, ipproklamata beata fil-ġurnata tallum.

La tieqafx iġġorr lil Ġesù  f’idejk; wasslu lill-qlub ta’ dawk kollha li, f’din l-art, amorożament tant jafdaw fik. Wasslu dejjem, bħalma wassaltu fit-tempju ta’ Ġerusalem; jalla l-għajnejn tal-fidi tagħna jinfetħu bħalma nfettħu għajnejn Xmun. Flimkien miegħu nistqarru: “Dawl biex idawwal il-ġnus”! Jalla fih l-għajnejn tal-fidi tagħna jaraw dejjem is-salvazzjoni li tiġi mingħand Alla . . . Proprju mingħand Alla! Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading