VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FL-IPPODROMU TA’ MONTERRICO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Perù – Is-Sibt, 2 ta’ Frar 1985
Għeżież żgħażagħ,
1. F’din il-laqgħa li tant xtaqt u li għaliha intom tħejjejtu bil-ferħ b’inizjattivi numerużi, kellimna Ġesù. Smajna waħda mis-siltiet tal-Vanġelu li l-iktar qanqlu d-dinja tul il-korsa tas-sekli: it-tmin beatitudni tad-diskors tal-Muntanja.
Il-Papa Pawlu VI irrifera għal din is-silta bi kliem espressiv, billi ppreżentaha bħala “wieħed mit-testi l-iktar sorprendenti u rivoluzzjonarji pożittivament: min kien jazzarda tul il-korsa tal-istorja jipproklama “feliċi” l-foqra tal-ispirtu, l-imnikta, il-mansweti, l-imġewħa, dawk bilgħatx għall-ġustizzja, dawk li jħennu. Il-puri al-qalb, il-bennejja tal-paċi, l-ippersegwitati, dawk li jkunu nsultati? Dak il-kliem miżrugħ f’soċjetà bbażata s-saħħa, fuq il-poter, fuq l-għana, fuq il-vjolenza, fuq il-krudeltà, setgħu jkunu nterpretati bħala program ta’ viltà u ta’ inkaaċità indenja tal-bniedem, minflok kienu ix-xandira ta’ “ċiviltà ta’ mħabba ġdida,” (Paolo VI, Homilia, 29 gennaio 1978: Insegnamenti di Paolo VI, XVI [1978] 82ss.).
2. Għeżież ħbieb, il-program evanġeliku tal-beatitudni huwa ferm importanti għall-ħajja tan-nisrani u għall-mixja ta’ kull bniedem. Għaż-żgħażagħ maskili u femminili huwa sempliċement program affaxxinanti. Nistgħu sewwa ngħidu li dak li fehem u jipproponi li jipprattika t-tmin beatitudni proposti minn Ġesù fehem u jistà jagħmel realtà il-Vanġelu kollu. Infatti, biex nidħlu f’sintonija pjenament u b’mod konkret mal-beatitudni, hemm bżonn nilqgħu fi profondità u fl-aspetti kollha tagħha l-essenza tal-messaġġ ta’ Kristu, hemm bżonn naċċettaw bla ebda riserva l-Vanġelu kollu.
Bla dubju l-ideal li l-Mulej jipproponi fil-beatitudni huwa elevat u esiġenti. Propju minħabba dan, iżda, jirriżulta program ta’ ħajja magħmul eżatt għaż-żgħażagh, mil-waqt li l-karatteristika fundamentali taż-żgħożija hija l-ġenerożità, il-ftuħ għal dak li huwa sublimi u diffiċli, l-impenn konkret u deċiż fi ħwejjeġ li tajjeb li jsiru, umanament u soprannaturalment. Iż-żgħożija hija dejjem f’atteġġjament ta’ riċerka, timmarċja lejn il-qċaċet nobbli, tfittex li ssib tweġibiet għall-interrogattivi li kontinwament timpani l-eżistenza umana u l-ħajja spiritwali. U allura, hemm forsi ideal iktar għoli minn dak li jipproponilna Ġesù Kristu?
Għal dan jien, pellegrin tal-evanġelizzazzjoni, inħoss id-dmir li mxandar illejla quddiemkom, żgħażagħ tal-Perù, li Kristu biss isib it-tweġiba għax-xewqat l-iktar profondi ta’ qlubkom. Għall-milja tal-aspirazzjonijiet kollha tagħkom; fil-Vanġelu tal-beatitudni biss issibu s-sens tal-ħajja u d-dawl sħiħ fuq id-dinjità u l-misteru tal-bniedem (cf. Gaudium et spes, 22).
3. Ġesù ta’ Nażżaret beda l-missjoni messjanika tiegħu billi ppridka l-konverżjoni fl-isem tas-saltna ta’ Alla. Il-beatitudni huma propju l-program konkret ta’ din il-konverżjoni. Bil-miġja ta’ Kristu, Bin Alla, is-saltna ssir preżenti f’nofsna: “Hija ġewwa fina”, u fl-istess ħin din is-saltna tikkostitwixxi l-eskatoloġija, jiġifieri d-destinazzjoni definittiva tal-eżistenza umana. u allura, kull waħda mit-tmin beatitudni tirrigwarda direttament u pjenament il-bniedem fl-eżistenza terrena u temporali tiegħu. Is-sitwazzjonijiet kollha li jiffurmaw it-totalità tad-destin uman u tal-imġieba tal-bniedem. Dawn jikkaratterizzaw u jorjentaw b’mod partikolari l-imġieba tad-dixxipli ta’ Kristu, tax-xhieda tiegħu. Għal dan it-tmin beatitudni jikkostitwixxu il-kodiċi l–iktar konċiża tal-morali evanġelika, tal-istil ta’ ħajja tan-nisrani.
Il-kliem li Ġesù ippronunzja elfejn sena ilu fid-diskors tal-muntanja, huwa dejjem ta’ attwalità vitali. Waqt li dawwal l-istorja wasal sa għandna. Il-Knisja dejjem irripetietu u dan tagħmlu wkoll issa, billi tindirizzah b’mod speċjali liż-żgħażaagħ ta’ qalb ġeneruża u miftuħa għall-ġid. Isimgħu.
4. Ġesù jipproklama: ħenjin dawk li jibku, jiġifieri l-imnikkta, dawk li jġarrbu it-tbatija fiżika jew inkwiet morali; għaliex ikunu mfarrġa (Mt 5,5).
Is-sofferenza hija sa ċertu punt id-destin tal-bniedem, li jitwieled billi jbati, jgħaddi ħajtu fost is-sofferenzi u jasal għat-tmiem tiegħu, għall-eternità permezz tal-mewt, li hija purifikazzjoni kbira li minna lkoll kemm aħna rridu ngħaddu. Minn hawn l-importanza li niskopru s-sens Kristjan tas-sofferenza umana. Din hija t-tema tal-ittra apostolika tiegħi Salvifici doloris li, kważi sena ilu, indirizzajt lill-poplu ta’ Alla kollu. Fiha fittixt li niskopri x’inhija d-dinja tas-sofferenza umana bl-elf aspett tagħha u l-konsegwenzi terribli tagħha: u fiha, għad-dawl tal-Vanġelu, fittixt li nagħti tweġiba għall-mistoqsija dwar is-sens tas-sofferenza. Bil-ħarsa fissa “fuq is-slaleb kollha tal-bniedem tallum” (Ġwanni Pawlu II, Salvifici doloris, 31), għidt li “fis-sofferenza tinħeba ċerta qawwa li tqarrab internament il-bniedem lejn Kristu” (Ivi, 26). Din hija l-konsolazzjoni ta’ dawk li jibku.
Iż-żgħażagħ billi jippreżentaw in-nervożità tagħhom qatt ma għandhom jibżgħu mis-sofferenza li tidher fid-dawl tal-beatitudni. Għandhom dejjem ikunu qrib ta’ dawk li jsofru u għandhom ikunu jafu jiskopru fit-tbatijiet tagħhom u f’dawk ta’ ħuthom il-valur feddej tad-dulur, il-qawwa evanġelizzatriċi ta’ kull sofferenza.
5. Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom. Ġesù jassikura li dawk li jipprattikaw din il-beatitudni se jaraw lil Alla (cf. Mt 5, 8). Il-bnedmin ta’ ruħ nadifa u trasparenti diġa f’din il-ħajja, jaraw f’Alla, jaraw fid-dawl tal-Vanġelu l-problemi kollha li jesiġu safa partikolari: hekk l-imħabba u ż-żwieġ. Dwar dawn it-temi l-Knisja tkellmet dejjem u b’mod speċjali fi żminijietna b’ħafna ċarezza u insistenza, billi tefgħet id-dawl tad-duttrina tagħha b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ.
L-importanti hu li teduka liż-żgħażagħ maskili u femminili għall-“imħabba sabiħa” bl-iskop li tbegħdhom mill-attakki kollha li jfittxu li jeqirdu t-teżor taż-żgħożija tagħhom: mid-droga, mill-vjolenza, mid-dnub, u torjentahom lejn il-mixja li twassalhom għand Alla: fiż-żwieġ nisrani, mixja rejali għat-twettiq uman u l-qdusija tal-biċċa l-kbira tal-irġiel u n-nisa; u wkoll, meta Kristu jsejjaħ, għad-donazzjoni radikali li tesiġi l-vokazzjoni saċerdotali jew reliġjuża. Il-Kmisja illum tinħtieġ ħafna appostli biex jevanġelizzaw id-dinja fil-millennju l-ġdid li qiegħed joqrob u li jistenna li jsib dawn l-evanġelizzaturi fostkom, żgħażagħ irġiel u nisa tal- Perù.
6. Ħenjin dawk li jħennu (Mt 5, 7). Il-ħniena tikkostitwixxi ċ-ċentru stess tar-rivelazzjoni u tal-allejanza. Il-ħniena kif għallimha u pprattikaha Ġesù, “għani fil-ħniena” hija l-aspett l-iktar awtentiku tal-imħabba, huwa l-milja tal-ġustizzja. Minn parti oħra l-imħabba ħanina mhijiex sempliċi kompassjoni fil-konfront ta’ dak li qed ibati, imma solidarjetà effettiva u affettiva ma’ dawk kollha li qegħdin ibatu.
Iż-żagħżugħ ta’ qalb nobb;I, ġeneruż u twajjeb għandu jiddistingwi ruħu għas-sensibilità tiegħu fil-konfromt tas-sofferenzi ta’ ħaddieħor, fil-komfront ta’ kull tip ta’ disgrazzja, fil-konfront ta’ kwalunkwè deni li jolqot lill-bniedem. Il-ħniena mhix passività, imma azzjoni deċiża favur il-proxxmu li titnissel mill-fidi.
Kemm ġemgħat ta’ żgħażagħ narawhom illum iddedikati b’ferħ immens għas-servizz a’ ħuthom f’kull post u fiċ-ċirkustanzi l-iktar diffiċli tal-ħajja! Iż-żgħożija hija servizz. U x-xhieda ta’ servizz u ta’ fraternità li tagħti ż-żgħożija tallum hija waħda mill-ħwejjeġ tad-dinja tagħna li l-iktar jagħtu konsolazzjoni u li huma ferm stupendi. Il-Mulej jagħti lil dawk li jħennu l-istess ħniena, il-ferħ, il-paċi.
7. Dawk li jġibu l-paċi, l-operaturi tal-paċi: hawn hi kategorija eċċezzjonali ta’ bnedmin li Ġesù jipproklama ħenjin. Dan it-tifħir min-naħa tas-Sinjur tagħna fil-konfront ta’ min ifittex il-paċi fil-qasam familjari, soċjali, tax-xogħol u politiku, fil-livell nazzjonali u internazzjonali, għandu attwalità sorprendenti.
Intom ġustament isimgħu – imisskom tisimgħu dejjem – l-aspirazzjoni għal soċjetà iktar ġusta u solidali; iżda la ssegwux lil dawk li jgħidu li l-inġustizzji soċjali jistgħu jgħibu biss permezz tal-mibegħda tal-klassi jew tal-użu tal-vjolenza jew mezzi oħra antikristjani. Il-konverżjoni tal-qalb biss tistà tassikura bidla ta’ strutturi biex titwassal dinja ġdida, dinja aħjar. “Il-fiduċja fil-mezzi vjolenti, bit-tama li nistabilixxu ġustizzja aħjar, tfisser li nkunu vittma ta’ illużjoni mortali. U l-vjolenza tiġġenera vjolenza u tiddegrada l-bniedem. Hija offiża għad-dinjità tal-bniedem fil-persuna tal-vittmi u tavvilixxi din l-istess dinjità f’dawk li jipprattikawha” (Sacra Congregazione per la Dottrina della Fede, Instructio de quibusdam aspectibus “Theologiae Liberationis”, XI, 7). “Bir-rikorrenza biss għall-ħiliet etiċi tal-persuna u għall-bżonn tal-konverżjoni nterna perpetwa biex jinkisbu t-tibdiliet soċjali li jkunu verament għas-servizz tal-bniedem” (Puebla, IV, 3, 3).
Tibnu l-paċi tallum u l-paċi ta’ għada, il-paċi tas-sena elfejn: dan huwa d-dmir tagħkom, jekk tridu tkunu msejħa “wlied Alla”. La tinsew qatt li, kif għidt fil-messaġġ tiegħi tal-ewwel tas-sena, “il-paċi u ż-żgħażagħ jimxu flimkien”.
8. Ħenjin dawk ta’ qalbhom ħelwa (Mt 5, 4). Hekk jesprimi ruħu l-Imgħallem tajjeb, li waqt li jippriedka s-saltna ta’ Alla jgħid ukoll lid-dixxipli tiegħu: “Tgħallmu minni li jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 29).
Huwa ħelu dak li jgħix f’Alla. Din mhix ġjufija, imma kuraġġ spiritwali awtentiku li jaf jiffaċċja d-dinja ostili b’rabja, mhux bi vjolenza, imma b’beninjità u amabiltà; billi irbaħ il-ħażin bit-tajjeb, billi jfittex dak li jgħaqqad u mhux dak li jifred, il-pożittiv u mhux in-negattiv, biex “hekk jippossiedi l-art” u jibni fiha ċ-“ċiviltà tal-imħabba. Dan hu d-dmir entużjażmanti għalikom.
9. Ħenjin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja (Mt 5, 6). B’dan il-kliem Ġesù jistedinna għall-qdusija, għall-ġustizzja u għall-perfezzjoni li jitnisslu mis-smigħ tal-kelma ta’ Alla magħmula stil ta’ ħajja, kondotta soċjali, eżistenza ta’ kuljum. Din hija l-ġustizzja li l-Knisja trid tippromwovi b’mod rffettiv fost il-bnedmin permezz tad-duttrina soċjali tagħha, li intom iż-żgħażagħ, għandkom tistudjaw b’interess u tapplikaw b’impenn, In-nisrani awtentiku għandu jitgħabba b’mod responsabli bl-esiġenzi soċjali li jitnisslu mill-fidi tiegħu. Il-viżjoni tad-dinja u tal-ħajja li jtina il-Vanġelu u li tispjegalna d-duttrina soċjali kattolika, timbotta għall-azzjoni kostruttiva ferm iktar minn kwalunkwè idejoloġija, tkun kemm tkun tistà tidher attraenti. U allura, żgħażagħ qalbiena! Il-Knisja tiggwidakom għal għonq ir-rotot li jwasslu għal “smewwiet ġodda u art ġdida li fihom tgħammar il-ġustizzja” (2 Pt 3, 13). La tittraskurawx li tisimgħu leħnu, Aċċettaw pjenament it-tagħlim tiegħu.
10. Ħenjin il-foqra tal-ispirtu (Mt 5, 3). Din hija propju l-ewwel waħda fost it-tmin beatitudni li xandar Ġesù fid-diskors tal-muntanja.
“Il-foqra tal-ispirtu huma dawk li huma miftuħa għal Alla u għall-“għeġubijiet ta’ Alla” (At 2,11). Foqra, għaliex huma dejjem disposti li jaċċettaw dan id-don mill-għoli, li jiġi mingħand Alla nnifsu. Foqra fl-ispirtu huma dawk li jaġixxu kuxjenti li rċivew kollox minn idejn Alla bħala don gratwit u li jafu japprezzaw kull wieħed mill-ġid li rċivew. B’mod kostanti grati, jirripetu bla tarf: “Kollox huwa grazzja”, “Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna”. Il- qlub miftuħa għal Alla huma, għalhekk iktar miftuħin għall-bnedmin. Huma disposti li jgħinu b’mod diżinteressat. Disposti li jaqsmu dak li għandhom. Disposti li jilqgħu f’darhom armla jew iltim abbandunati. Dejjem isibu post disponibli fost l-akkarija li fiha jgħixu. U jsibu dejjem ukoll ftit ikel, biċċa ħobż fuq il-mejda fqira tagħhom. Foqra iżda ġenerużi, iżda manjanimi” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio in loco vulgo “Favela Vidigal” in urbe “Rio de Janeiro” habita, 2, 2 luglio 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III/2 [1980] 25).
Hekk ukoll il-foqra tal-ispirtu huma dawk li, għalkemm nieqsa mill-ġid terren, jafu jgħixu b’dinjità umana l-valuri ta’ faqar spiritwali għani b’Alla; u dawk li, jippossiedu l-ġid materjali, jgħixu d-distakk intern u l-komunjoni tal-ġid ma’ dawk li jġarrbu l-iskarsezzi. Tal-foqea fl-ispirtu hija is-saltna tas-smewwiet. Hemm hija r-rikompensa li Ġesù jwegħdhom Ma jistax iwegħdom ikta minn hekk.
Din il-beatitudni li, sa ċertu sens, tiġbor fiha l-oħrajn kollha, imissna napplikawha għall-foqra tassew billi nżommu f’moħħna t-tipi kollha ta’ faqar li jeżistu fid-dinja tagħna u billi nħarsu wkoll lejn tant bnedmin għonja li huma tremendement foqra (cf. Ġwanni Pawlu II, Nuntius radiophonicuin Nativitate Domini missus, 25 dicembre 1984: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VII/2 [1984] 1664ss.).
Waqt li hekk tħares lejn dawk kollha li jbatu minħabba bżonnijiet materjali jew spiritwali, il-Knisja fformulat l-opzjoni prefirenzjali tagħha, mhux esklussiva, linqas eskludenti, għall-foqra. F’din l-opzjoni li l-episkopat Latinamerikan għamel diġa f’Medellín u fi Puebla u li jiena xandart mill-ġdid fl-aħħar messaġġ tiegħi tal-Milied, intom, żgħażagħ tal-Perù, għandkom tkunu, u naf li intom magħqudin ħafna mal-Knisja u mar-rgħajja tagħha.
11. Flimkien mal-ewwel, irrid nikkwota l-aħħar beatitudni, li tirreferi għal dawk li jġarrbu l-persekuzzjoni minħabba l-ġustizzja, dawk li huma ppersegwitati minħabba x-xhieda tagħhom ta’ fidi: dawn huma il-foqra tal-ispirtu awtentiċi u minħabba f’hekk Ġesù jgħid ukoll li tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet (cf. Mt 5, 10).
Jiena nistedinkom għal solidarjetà ma’ dawn il-foqra, li huma bosta fid-dinja tagħna tallum: vittmi ta’ dan il-faqar li jolqot il-valuri spiritwali u soċjali tal-persuna. Iż-żgħażagħ li tant japprezzaw id-don tal-libertà, jistgħu jifhmu sewwa ħafna xi tfisser tbati minħabba nuqqas ta’ libertà, b’mod speċjali minħabba nuqqas ta’ libertà reliġjuża. Ejjew ma ninsew qatt lil dawn ħutna li bihom Ġesù jitgħaxxaq fit-tmin beatitudni tiegħu. Dawn huma l-favoriti ta’ Ġesù u għalhekk għandhom ikunu wkoll il-favoriti tal-ħbieb ta’ Ġesù, il-favoriti tal-Knisja.
12. Għeżież żgħażagħ: jekk tridu tkunu tassew feliċi, fittxu l-identifikazzjoni ma’ Kristu. “Huwa hu l-veru protagonist tat-tmin beatitudni: mhuwiex huwa biss li għallimhom u ħabbarhom, imma huwa b’mod speċjali dak li wettaqhom bil-mod l-iktar perfett tul ħajtu kollha” (Ġwanni Pawlu II, Homilia in paroecia “S. Marci Evangelistae” habita, 3, 29 gennaio 1984: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VII/1 [1984] 193).
Huwa minnu li l-beatitudni mhumiex kmandamenti. Imma bla dubju li dawn kuma inklużi fil-kmandament tal-imħabba, li huwa l-“ewwel” u “l-ikbar”. Il-beatitudni huma bħar-ritratt ta’ Kristu, rijassunt ta’ ħajtu u “għalhekk jippreżentaw ruħhom bħala “program ta’ ħajja” għad-dixxipli, il-konfessuri u s-segwaċi tiegħu. Il-ħajja terrena kollha tan-nisrani, fidil lejn Kristu, tistà tinġabar f’dan il-program, fil-prospettiva tas-saltna ta’ Alla” (cf. Ivi).
Żgħażagħ intom kapaċi tetużjażmaw ruħkom għal dan il-program, Imma sabiex twettquh tinħtieġu li tierrkorru għat-talb, tirrikorru b’umiltà, fiduċja u sinċerità għas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni u tieħdu sehem b’żelu fl-Ewkaristija. Għandkom ukoll bżonn li tħarsu lejn il-Verġni Santissma, li t-tradizzjoni tal-Knisja sejħet dejjem beata. Jalla Marij tkun Ommkom. Fittxu li tiskopru, permezz tal-meditazzjoni spissa, il-fedeltà li biha għexet l-ispirtu tal-beatitudni. Jalla Santa Marija tiggwidakom dejjem tul il-mixja tal-verità, tas-sewwa, tal-imħabba u tal-ġenerożità.
Dan mhux il-waqt għall-indeċiżjonijiet, għan-nuqqasijiet jew defiċjenzi ta’ impenn. Din hija s-siegħa tal-qalbiena, ta’ dawk li għandhom it-tama, ta’ dawk li jaspiraw li jgħixu b’milja il-Van;elu u ta’ dawk li jridu jwettqu fid-dinja attwali u fl-istorja li qiegħda toqrob.
Fuq l-eżempju taż-żagħżugħa Santa Rosa da Lima impenjaw l-enerġiji tagħkom fil-bini ta’Perù ferm iktar ġust. Ibnu Perù mingħajr vjolenza, li hija dejjem antikristjana.. Ibnu Perù fejn isaltnu l-onestà,, il-verità, il-paċi.Ibnu Perù iktar uman, fejn il-misteru ta’ kull bniedem jgħix fid-dawl tal-misteru ta’ Alla. Partikolarment f’din is-Sena taż-żgħażagħ, ibnu Perù fejn jidwu mill-ġdid, kuraġġ u tama mwettqa, il-kliem tal-appostlu: “Insellem lilkom, żgħażagħ għax intom qawwija u fikom tgħammar il-kelma ta’ Alla u inom għelibtu l-Ħażin” (1 Ġw 2, 14). Ir-rebħa tagħkom ma tkunx dik tal-armi, imma dik tal-ispirtu tal-beatitudni, magħmula ħajja propja u mxandra lid-dinja.
Sabiex ikun hekk, noffrilkom l-inkuraġġiment tiegħi, it-talb tiegħi, il-barka tiegħi.
Konsagrazzjoni taż-żgħożija Peruvjana lis-Santissma Verġni Marija
Omm Ġesù u Ommna, illum iż-żgħażagħ Peruvjani miġbura madwar il-Vigarju ta’ Kristu, biex ixandru l-fidi tagħhom, l-affidament inkondizzjonat tagħhom lil Ġesù Kristu, id-disponabiltà tagħhom biex jibnu dinja iktar ġusta, iktar fraterna u iktar nisranija, iridu jikkonsagraw ruħhom lilek.
Konxji tad-dgħufija tagħna, nersqu bil-fiduċja tal-iben li jfittex lil ommu. Inqegħdu f’idejk l-aspirazzjonijiet tagħna, l-inkwiet tagħna, it-tamiet tagħna. Irridu nibnu dinja aħjar, fejn isaltnu l-imħabba, il-ġustizzja, il-paċi. noffrulek il-forzi kollha żgħażagħ tagħna bl-iskop li nsegwu t-tagħlim ta’ Kristu, bl-intenzjoni mhux li nkunu moqdija imma li naqdu, naqdu lil ħutna, u maġġorment naqduhom meta jkunu fil-bżonn l-iktar, Naqdu lill-Knisja, sagrament universali ta’ salvazzjoni, naqdu l-Perù, art twelidna, sabiex Ibnek ikun maħbub u milqugħ fost iż-żgħażagħ.
Noffrulek is-snin ta’ żgħożitna sabiex, imberkin minn imħabbtek materna, nkunu kapaċi li nwettqu dmirna ‘il hemm mill-profitt tagħna.
Interċedi favurna sabiex f’dan il-perijodu tal-eżistenza tagħna nippenetraw u nassimilaw il-messaġġ li Kristu ġab fid-dinja, mingħajr ma nirriduċuh linqas nibdluh, imma billi naċċettawh fil-milja u s-severità kollha tiegħu. Agħtina n-nobiltà li nagħrfu l-iżbalji u d-dgħufijiet tagħna u l-qawwa li nikkonvertu b’mod kostanti lejn Kristu Salvatur.
Agħtina l-grazzja li ħajjitna ma tkunx vojta, imma li jirnexxilna nkunu, fil-kondizzjonijiet ta’ ħajja li Alla jrid għal kull wieħed u waħda minna, xhieda ħajja, inċentiv sabiex il-bnedmin ifittxu u jiltaqgħu mal-azzjoni trasformatriċi ta’ Alla.
Marija, Omm il-Knisja u Ommna, ilqà l-offerta tagħna u ikkumpanjana fil-mixi tagħna mad-dinja. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb