Omelija għas-17-il Ħadd matul is-Sena A.

Minn D. Edward Vella

Il-moħħ tal-bniedem huwa l-aktar organu meraviljuż li jeżisti; huwa dak il-computer li jmexxi lill-bniedem. Kulma nagħmlu jibda mill-moħħ u allura nifhmu kemm kien għaqli Salamun fl-ewwel qari tal-lum li talab minn għand Alla l-għerf: ‘Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem,… u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin’.

Salamun kien għadu żgħażugħ meta sar sultan fuq Iżrael kollu, u quddiem dan l-impenn kbir  ħass il-bżonn li jitlob ’l Alla biex jagħtih moħħ għaref. Huwa l-bniedem għaref, jew aħjar għaqli, li jħoss il-bżonn ta’ Alla u għalhekk jitlob u jumilja ruħu għax jagħraf il-limiti tiegħu. Il-bniedem supperv, li jaħseb li ma għandux bżonn ta’ Alla, huwa l-aktar bniedem iblaħ għaliex ma jagħrafx il-limiti u d-dgħufijiet tiegħu, għalhekk huwa destinat li llum jew għada, bħal bastiment li ma jafx fejn sejjer jitfarrak mal-blat. L-għerf veru ma huwiex dak id-don li wieħed jitwieled bih u li nirreferu għalih bħala intelliġenza, lanqas huwa dak li wieħed jakkwista mill-kotba jew studju; l-għerf veru huwa l-arti li wieħed jagħraf jagħti direzzjoni tajba lil ħajtu, huwa l-arti li wieħed jżomm it-tmun ta’ ħajtu f’idejh, bnazzi jew maltemp.

Fejn ser nsibuh dak l-għerf li xxennaq għalih Salamun? ‘Mulej, dan hu sehmi, li nħares il-kelma tiegħek. Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl, ifiehem lil min ma jafx.’ Is-Salm tal-lum jurina ċar fejn hi l-għajn tal-għerf veru; hija l-Kelma t’Alla, u li wieħed ifittex bir-reqqa biex jifhimha sew. Kif jista’ wieħed jagħti direzzjoni tajba lil ħajtu jekk ma jkunx jaf fejn sejjer fil-ħajja? Għalhekk il-Kelma ta’ Alla hija l-mappa jew il-boxxla li turina t-Triq il-waħda vera li tagħti għall-ħajja u din it-Triq isem wieħed għandha, Ġesù.

Dan huwa dak it-teżor moħbi f’għalqa jew dik il-ġawhra prezzjuża li Ġesù jsemmilna fil-vanġelu tal-lum. ‘Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa,… wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha’. Il-ġawhra jew it-teżor huwa Ġesù stess, l-għalqa hija l-qalb tagħna; Huwa jinsab ġo fina bir-rigal tal-Magħmudija, iżda ħafna drabi aħna aljenati b’ħafna affarijiet tad-dinja u għalhekk nitilfu kull interess li nsibu t-teżor il-veru jew l-ġawhra li ma jifridna minnha ħadd, l-anqas il-mewt. Min tabilħaqq jiltaqa mal-Mulej ikun lest li jwarrab kollox biex jakkwista lilu, jew aħjar il-bqija kollox isir sekondarju għar-relazzjoni tiegħu mal-Mulej li ssir l-aktar waħda importanti f’ħajtu. Allura jekk ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej għada ma hijiex l-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna dan ifisser li għadna ma ltqajniex miegħu bil-verità.

San Pawl, fit-tieni qari jgħidilna li għal dawk li jiltaqgħu miegħu bil-verità, kull esperjenza tal-ħajja tisfalhom ta’ ġid: ‘Ħuti, aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh,… f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.’ Il-bniedem li l-Mulej jsir it-teżor tiegħu, iħoss verament dak il-ferħ li ħass dak li sab it-teżor moħbi fl-għalqa, għax jaf li għad li fil-ħajja ser ikun hemm esperjenzi sbiħ u inqas sbiħ, iżda fl-aħħar mill-aħħar kull esperjenza tal-ħajja ser tiswa biex tgħaqqdu dejjem aktar mat-Teżor li rabat qalbu miegħu.

Mulej Ġesù int huwa t-teżor moħbi f’għalqa, Int huwa dik il-ġawhra li kull bniedem qed ifittex meta jixtieq il-veru ferħ. Illum nixtiequ ngħidulek grazzi għaliex qabel nibdew infittxuk aħna, Int tkun diġa fittixtna u sibtna; kullma jeħtieġ nagħmlu huwa li niftħulek qalbna biex Int Mulej tfawwarha bl-imħabba infinita tiegħek, dik l-imħabba li hi biss tista’ timla l-qalb tagħna. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading