Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Wara li n-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.
Id-dgħajsa kienet diġa’ f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.
Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”. Mt 14, 22-33.
- Riflessjoni/talba:
i. Wara li n-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob.
X’tagħmel wara mumenti ta’ suċċess,
“wara li n-nies kielu u xebgħu”?
Ġesù l-ewwel jibgħat lid-dixxipli
lil dawk li ftit qabel talbu lilu jibgħat lill-oħrajn:
faċli li jilludu ruħhom, faċli jsiru arroganti.
U wara li bagħat lin-nies ukoll, tela’ waħdu jitlob:
qalbu ma tinħakimx, la mit-tifħir ta’ min kiel,
lanqas mill-kefrija ta’ Erodi:
tistrieħ biss fl-intimità mal-Missier
Irrifletti:
• Fejn jieħdok is-suċċess?
ii. Id-dgħajsa kienet diġa’ f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’.
L-intimità ta’ Ġesù mal-Missier
mhix il-post tal-ħarba
iżda t-tiġdid tal-imħabba
lesta biex tidħol fil-qalba tad-dlam
fejn il-bniedem jitħabat mar-riħ u l-mewġ tal-ħajja
fejn il-bniedem qed jitlef il-fiduċja
u anke t-tajjeb jarah fantażma,
jitwerwer, jeħel!
Irrifletti
• Ma xhiex qed titħabat bħalissa?
iii. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.
Il-qawmien ta’ Kristu
fil-qalba tal-lejl, qabel ma sebaħ,
iqajjem mill-ġdid il-fiduċja li nistgħu nimxu:
“ordnali li niġi ħdejk fuq l-ilma”.
U jekk għal waqt bdejt timla rasek għax miexi fuq l-ilma
jew mill-ġdid bdejt taqta’ qalbek għax donnu żdied ir-riħ,
ftakar: timxix waħdek.
“Salvani, Mulej!”
Irrifletti
• X’għidlek il-kliem “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”?
- Missierna