SOLENNITA’ TA’ MARIJA MTELLGĦA S-SEMA
IL-MARA LI MMARKATILNA FUQ L-ART IT-TRIQ TAGĦNA LEJN IS-SEMA PAJJIŻNA!
Kien l-14 t’Awwissu 1941: b’serenita’ kbira u b’ħafna kalma, Massimiljanu Kolbe offra idu l-leminija biex il-bojja Tedesk jinjettalu fiha l-velenu li kellu jtemmlu ħajtu fi ftit sekondi. Massimiljanu staqsa lis-suldat Ġermaniż: “X’ġurnata hija llum?” Xott xott, dak wieġbu: “Illum għandna 14 mix-xahar t’Awwissu.” B’vuċi dgħajfa, għax hu u disgħa priġunieri oħra kienu kkundannati biex imutu bil-ġuħ u bil-għatx, wieġbu u qallu: “X’aħbar sabiħa qiegħed tagħtini! Illum lejlet il-festa tal-Assunta…Għada nkun qed niċċelebra magħha fis-sema!”
Kien il-Ħadd 10 t’Ottubru 1982, Papa Ġwanni Pawlu II, illum qaddis, ikkanonizza lill-Patri Massimiljanu Kolbe fi pjazza San Pietru quddiem eluf kbar ta’ nsara. Jien kont hemm. Fost l-oħrajn, il-Papa qal hekk: “Massimiljanu Kolbe huwa l-patrun ta’ dan is-seklu mħarbat ħafna u diffiċli wkoll.” Verament, Patri Massimiljanu Kolbe qed jgħidilna li l-valuri tal-ħajja tal-bniedem tal-lum qegħdin jintilfu u jitmermru bil-mod il-mod. Kolbe qed jgħidilna dak li nsibu fil-vanġelu: “Min jitlef il-ħajja tiegħu fuq l-art isibha fil-ħajja li għad tiġi.” Iżjed minn hekk: “X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?…Tgeddzux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmerer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin li jinfdu u li jisirqu.”
Jgħid il-Kardinal Angelo Comastri: “Il-mentalita’ tad-dinja tal-lum hija kuntrarja għal dawn il-valuri tal-vanġelu. X’ qegħdin ifittxu l-bnedmin tal-lum? Spiss qegħdin ifittxu s-suċċess, il-profitt, id-divertiment, il-frugħa…imma sadanittant nindunaw li d-dinja mhix ferħana, anzi qegħdin jiżdiedu s-sinjali tal-kultura tal-mewt. Awwissu huwa x-xahar li jfakkarna fl-isplużjoni atomika li seħħet fil-bliet ta’ Hiroshima u Nagasaki. Din l-isplużjoni nistgħu nqisuha bħala l-bidu ta’ ċivilta’ li għandha ħafna mezzi imma fl-istess ħin li tilfet is-sens veru tal-ħajja.”
Ħa niġu għall-vanġelu li għadna kemm qrajna. Min jaf kemm il-darba smajnieh. Kif diġa għedtilkom is-suġġett li għażilt biex nitkellem fuqu f’din is-solennita’ ta’ Marija Mtellgħa fis-sema huwa dan: Marija hija l-Mara li mmarkatilna fuq l-art it-triq tagħna lejn is-sema pajjiżna. Ħa nsemmi tliet punti.
L-ewwel punt. Marija hija l-mara li tinsa lilha nfisha biex tingħata kollha kemm hi lill-oħrajn. Permezz tal-Ispirtu s-Santu u għall-“iva” tagħha hija għadha kif nisslet l-Iben t’Alla ġol-ġuf safi tagħha. X’għamlet Marija? Jgħidilna San Luqa: “F’dawk il-ġranet, Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija…marret tiltaqa’ ma’ Eliżabetta li kif qalilha l-Anġlu, għalkemm sterili u mdaħħla fiż-żmien, hija wkoll nisslet fil-ġuf. Diġa’ kienet fis-sitt xahar tat-tqala tagħha. Bdejt l-omelija tal-lum b’ Massimiljanu Marija Kolbe. Dan ukoll ta lilu nnifsu biex imut flok priġunier ieħor li kellu l-familja u ma jitlifx!
It-tieni punt. Fid-dar ta’ Eliżabetta, Marija tkanta il-Magnificat jew l-innu tal-paċi u tal-fiduċja. Anki llum, fost tant ġlied u gwerer, Marija hija preżenti fil-Knisja biex turina t-triq tal-paċi u biex tistedinna nkunu nies li nħobbu s-sliem u li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nippromwovu l-paċi. U mhux hekk għamel San Massimiljanu Marija Kolbe fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz?
It-tielet punt. Is-solennita’ li qegħdin niċċelebraw illum, jiġifieri s-solennita’ ta’ Marija Assunta, tgħallimna li d-destinazzjoni aħħarija tagħna hija s-sema. Kittieb Fraċiż, għaref ħafna, jgħidilna li d-dinja tal-lum qegħda tinsa immensament din il-ħaġa! Saqajha huma mwaħħlin ferm mal-art jew ma’ dak kollu li hu tad-dinja. Għandha oppju li jraqqdilha l-kuxjenza tagħha! Dan hu faqar kbir għax kif diġa’ għedna … x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu? Dan hu kliem ta’ Ġesu’ nnifsu.
Nispiċċa b’talba qasira. Verġni Marija mtellgħa s-sema, int li tinsab ħdejn Ibnek fil-leminija tal-Missier, ilqagħna meta niġu għandek mimlija talbiet u bżonnijiet…Aħna grati lejk. Ħarsilna ħajjitna…berikna u saħħaħ ix-xewqat tagħna għat-tajjeb. Ammen