Omelija tal-20 Ħadd matul is-Sena A

Minn D. Edward Vella

Meta xi ħadd jirnexxi fil-ħajja jew fil-karriera faċli jiġrilu li jibda jħossu aktar importanti minn ħaddieħor. Hekk kien ġralu l-poplu ta’ Alla; Alla kien għażlu minn popli oħra biex permezz tiegħu huwa jidħol f’relazzjoni mal-bniedem, u fuq kollox biex eventwalment minnu jitwieled l-Iben tiegħu biex isalva lid-dinja. Dan il-poplu, fil-maġġoranza tiegħu,  ma fehemx din l-għażla ta’ Alla; Alla ma kienx għażlu għax huwa kien poplu aktar speċjali jew aktar qaddis mill-oħrajn, iżda biex permezz tiegħu l-grazzja/mħabba tiegħU tasal għand il-bnedmin kollha.

Fl-ewwel qari tal-lum naraw il-profeta Iżaija jipprova jwessa l-qalb tal-poplu ta’ Alla biex ma jeskludix lill-barrani. ‘Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh, u biex iħobbu isem il-Mulej, u jkunu qaddejja tiegħu,… lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħhom f’dar it-talb tiegħi.’ Din ma kienetx mentalità komuni ħafna qalb il-poplu ta’ Alla; ħafna kienu jaħsbu li Alla jħobb lilhom u jobgħod lil popli oħra b’mod partikulari lill-għedewwa tagħhom. Alla qiegħed jinqeda bil-profeta biex iħejji bil-mod il-mod il-poplu tiegħu għall-Messija u għall-Evanġelju mxandar minnu għall-bnedmin kollha.

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jitlaq mil-Lhudija u jmur lejn Tir u Sidon, art tal-pagani. Hawn tiġi mara Kangħanija, jiġifieri pagana, u bdiet titolbu jfejjaq lil bintha. L-imġieba u l-kliem ta’ Ġesù jissorprenduna; l-ewwel jinjoraha u mbagħad jgħidilha, ‘Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi’. Ta’ min jgħid hawn li San Mattew jindirizza l-Evanġelju tiegħu lill-komunità ta’ nsara Lhud. F’dan ir-rakkont, huwa jrid jaqbad il-mentalità negattiva tal-Lhud dwar il-barranin u jgħin lil dawk li kienu jisimgħuh jiftħu qalbhom għal dawk l-insara li ma kienux Lhud. Infatti l-attitudni ta’ Ġesù rridu nifhmuha f’dan il-kuntest; huwa ġab ruħu ma din il-mara pagana kif kien iġib ruħu kull Lhudi ieħor, b’mod speċjali dawk li kienu f’xi pożizzjoni reliġjuża importanti, iżda l-iskop ma kienx biex ibaxxi jew iweġġa lil din il-mara, u żgur li din ma kienetx il-mentalità tiegħu, iżda l-iskop huwa li, bħal tifel żgħir jaqbad din il-metalità Lhudija negattiva minn idejha u bil-mod il-mod imexxiha għall-apertura li Alla għandu lejn il-bnedmin kollha.

Meta Alla jagħżel lil xi ħadd dan jagħmlu biex il-magħżul iservi lilU u l-poplu tiegħu; l-appostli u l-Madonna u l-qaddisin il-kbar tal-bidu kollha kienu minn fost il-poplu Lhudi. Alla ma juża lil ħadd f’sens negattiv u mbagħad jarmih. Għalhekk is-salvazzjoni li huwa ried iwassal lill-bnedmin kollha, l-ewwel u qabel kulħadd kienet indirizzata lill-poplu Lhudi u mbagħad permezz tiegħu lill-popli kollha. ‘Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael’, Ġesù jiddedika l-ħidma tiegħu l-ewwel u qabel kollox għal-Lhud iżda minn naħa l-oħra hu stess juri l-intenzjoni tiegħu li l-appostli jwasslu l-evanġelju sa truf l-art; wara l-qawmien tiegħu huwa stess jibgħathom mad-dinja kollha.

Ġesù illum juri lill-appostli, u lilna, li fil-waqt li l-mentalità tagħna ħafna drabi tkun waħda li tħobb teskludi, u dan anke fejn jidħol Alla, donnu aħna ħafna drabi nieħu gost nagħlqu lin-nies barra mill-bieb tas-salvazzjoni, Alla, bil-maqlub tagħna, jrid jiftaħ il-bibien tal-ħniena tiegħu beraħ. Dan jidher b’mod tant tajjeb fit-tieni qari tal-lum, fejn San Pawl, immexxi mill-Ispirtu s-Santu jiftaħ il-bibien tal-grazzja t’Alla beraħ għall-pagani. ‘issa ngħid lilkom, il-pagani. Sakemm jiena appostlu tal-pagani nibqa’ nagħmel ġieħ lill-ministeru tiegħi’. Tajjeb nistaqsu lilna nfusna: aħna kif inġibu ruħna mal-‘barranin’, kemm nistmawhom ta’ bnedmin bħalna, wlied Alla, maħbuba minnu? Alla jrid is-salvazzjoni ta’ kulħadd, tagħhom ukoll.

Mulej Ġesù wessalna qalbna biex naċċettaw u nħobbu lil kulħadd, anke lil dawk li huma differenti minna, għaliex hekk biss inkunu ulied denji tal-Missier li jħobb lil uliedu kollha u jitgħaxxaq jarahom magħqudin fl-imħabba u  r-rispett ta’ xulxin. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading