Minn D. Edward Vella
Fil-ħajja tagħna żgur li hemm diversi affarijiet li norbtu qalbna magħhom: ġeneralment ikunu affarijiet ta’ valur sentimentali li fil-fond ta’ qalbna nħossu li jorbtuna ma xi persuna jew esperjenza għażiża għalina; eżempju xi libsa tal-Magħmudija, jew ċurkett, jew xi ħaġa li jkun tana xi ħadd li verament iħobbna. Anke l-poplu t’Alla, kellu xi affarijiet u postijiet li magħhom kien ifforma bħal rabta emozzjonali, u għalih kienu jfissru ħafna. Bħala l-poplu t’Alla li għalih r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla kienet l-essenza tal-identità tiegħu, l-aktar importanti kienu t-tempju u l-arka. It-tempju kien dik il-binja ġo Ġerusalemm li kien bena s-Sultan Salamun, fuq l-istruzzjoni ta’ missieru David, u li għall-poplu kienet tfisser l-post fejn jgħammar Alla. Huma kienu jħossu l-bżonn li jmorru jqimu ’l Alla f’dan il-post kull meta jistgħu, jew tal-anqas darba fis-sena. L-arka kienet speċi ta’ kaxxa magħmula mill-injam u miksija bid-deheb, u li fiha kien hemm l-aktar ħwejjeġ għeżież ghalihom, jiġifieri t-twavel tal-liġi li Alla kien ta lil Mosè, il-bastun ta’ Aron li bih Mosè kien jagħmel il-mirakli, u reċipjent bi ftit manna. Is-sultan David, kif smajna fl-ewwel qari tal-lum, qabel ma nbena t-tempju, kien ħejja tinda speċjali biex fiha jżomm l-Arka, u meta din kienet lesta għamel festa kbira meta tmexxiet l-Arka minn fejn kienet għal ġo din it-tinda.
Forsi xi ħadd jgħid dan kollu x’għandu x’jaqsam mal-festa sabiħa li qed nagħmlu llum? Il-Missirijiet tal-Knisja, jiġifieri dawk il-qaddisin il-kbar tal-ewwel sekli tal-Knisja li bit-tagħlim u r-riflessjoni tagħhom fuq il-Kelma t’Alla poġġew il-pedament ta’ dak li nemmnu fih aħna, qabblu bosta drabi l-Arka tal-Patt il-Qadim ma’ Ommna Marija li huma sejħulha l-Arka tal-Patt il-Ġdid. Hekk kif l-Arka kienet l-aktar post sagru għaliex ġo fiha l-poplu t’Alla kien jgħożż l-aktar affarijiet sagra li kellu, hekk Marija hija l-Arka ħajja tal-Patt il-Ġdid għax ġo fiha tnissel l-Iben t’Alla, u għalhekk Marija hija wisq aqwa mill-Arka tat-Testment il-Qadim.
Huwa dan li ntebħet bih il-mara li smajna dwarha fis-silta tal-Evanġelju tal-lum: ‘waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies kien hemm waħda mara li refgħet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”.’ Forsi tissorprendina r-rispost ta’ Ġesù: “Imma, tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!”. Ġesù hawnhekk qiegħed juri nuqqas ta’ apprezzament lejn ommu, jew forsi agħar nuqqas ta’ rispett? Mhux hekk jgħidulna xi qaddisin Missirijiet tal-Knisja: huma jispjegaw dan billi jgħidu li Ġesù hawn qiegħed jgħid li ommu, qabel ma hija hienja għax tagħtu lid-dinja, hija wisq aktar hienja għax laqgħat il-Kelma t’Alla u ħarsitha, infatti hija setgħet tnisslu fil-ġuf propju għaliex laqgħet il-Kelma li bagħat jgħidilha Alla permezz tal-anġlu Ġabriel. Hawn ta’ min nirriflettu fuq l-importanza tal-messaġġ li Ġesù jrid iwasslilna, jiġfieri li aħna wkoll imsejħa biex inkunu hienja bħal ommu Marija jekk kemm-il darba nisimgħu l-Kelma, infittxu li nifhmuha kif tispjegahielna l-Knisja, u fuq kollox ngħixuha fil-ħajja tagħna.
Illum qiegħdin niċċelebraw Solennità għażiża wisq: Marija, l-Omm t’Alla u tana, fi tmiem ħajjitha fuq din l-art, kienet meħudha biex tgawdi ’l Alla u lill-għażiż Binha għal dejjem fis-sema mhux bir-ruħ biss, iżda bir-ruħ u l-ġisem. San Pawl fit-tieni qari tal-lum jgħidlna li hemm fejn hi Marija llum aħna wkoll imsejħa biex inkunu, jiġifieri li aħna wkoll ġurnata waħda jekk bħala nisimgħu l-Kelma t’Alla u nħarsuha ser ingawdu ’l Alla bir-ruħ u l-ġisem. Marija bil-qawwa ta’ Binha mqajjem mill-mewt, issa tinsab tgawdi l-milja tal-grazzja tal-Għid, u hija wkoll tixtieq lilna wliedha magħha fil-glorja tas-sema.
Mulej Ġesù, illejla aħna bdejna niċċelebraw is-solennità tal-Omm għażiża tiegħek u tagħna mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem: minn qalbna nitolbuk tħallina qatt naqilgħu għajnejna u qalbna minn dan l-ideal waħdieni li ghalih aħna ġejna maħluqa, jiġifieri li bħala u magħha niġu ngawduk għal dejjem. Ammen.