L-20 Ħadd matul is-Sena A. Minn Dun Mikiel A. Galea

MARA, IL-FIDI TIEGĦEK HIJA KBIRA!

Kienet għadha kif spiċċat it-tieni gwerra dinjija. Ħa nirrakuntalkom fatt li ġara f’Cologne, il-Ġermanja. Mela xi suldati Amerikani kienu qegħdin inaddfu dar li kienet tfarrket bil-bombi tal-Allejati. Meta waslu għall-kantina sabu tħarbixa maħżuża mal-ħajt, probabilment kien għamilha xi Lhudi maħrub li kien inħeba f’din il-kantina biex ma jinqabadx min-Nażi. It-tħarbixa kienet tgħid hekk: “Jiena nemmen fix-xemx anki jekk ma tkunx tiddi. Jiena nemmen fl-imħabba anki meta ma nindunax biha. Jiena nemmen f’Alla anki meta donnu huwa silenzjuż u ma tismax ħossu.” Nenfasizza l-fidi ta’ dan il-Lhudi. Pero’ issa ħa niġi għall-vanġelu li għadna kemm smajna. Dal-vanġelu jittratta dwar il-fidi tal-mara Kangħanija, li Ġesu’ jfejqilha lil bintha li kellha fiha xitan u kif tgħid hi “kienet magħdura ħafna.”

Mela jissemmew żewġt ibliet: il-belt ta’ Tir u l-belt ta’ Sidon. Dawn iż-żewġt ibliet kienu jmissu mal-Lvant tal-Palestina. X’aktarx li Ġesu’ kien għaddej mad-dixxipli tiegħu qrib dawn iż-żewġt ibliet pagani. San Mattew ikompli jgħidilna li ħarġet mara Kangħanija minn dawk l-inħawi. Huwa juża l-kelma “Kangħanija” biex jenfasizza li dil-mara kienet mara pagana. Żgur kienet semgħet bil-mirakli li kien qed jagħmel Ġesu’: ifejjaq il-morda, iqajjem il-mejtin u jkeċċi x-xjaten. Nistħajjilha tgħid bejnha u bejn ruħha: “Jekk immur ħdejh, avolja pagana, jista’ jekk irid, ifejjaqli lil binti!” U hekk għamlet. Jgħidilna San Mattew: “…qabdet tgħajjat u tgħid: Mulej, Bin David, ħenn għalija…” Il-fissiera tal-Iskrittura jgħidulna li meta ndirizzat lil Ġesu’ bħala “Bin David” hija qegħda tindirizzah b’titlu messjaniku għax hekk insibu fit-Tieni Ktieb ta’ Samwel…Alla jgħid lil David: “U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek u nsaħħaħ is-saltna tiegħu.” (7,12)

Ħa nkomplu nispjegaw…Jgħidilna San Mattew: “Iżda hu ma weġibhiex kelma.” Xi nies jistgħu jaħsbu li b’das-skiet, Ġesu’ ried jittestja l-fidi tagħha imma dan mhux il-każ għax kollox jindika li dil-mara kienet mara ta’ fidi kbira. U hawnhekk għandna l-ewwel tagħlima għalina. Ħafna mit-talb tagħna ma jkunx talb ta’ tifħir, ta’ ringrazzjament jew ta’ tpattija għad-dnubiet tagħna u tal-oħrajn, imma talb ta’ petizzjoni. Induru lejn Alla u nkellmuh dwar il-ħafna bżonnijiet tagħna: bżonnijiet spiritwali u bżonnijiet materjali u biex tkompli tagħqad, aħna iktar nitkarbulu meta jkollna bżonnijiet li jmissu l-ġisem milli meta jkollna bżonnijiet li jmissu l-ispirtu tagħna. Ma jfissirx li dan huwa talb ħażin imma jfisser li anki quddiem Alla nidhru li aħna xi ftit egoisti.

Inkomplu nispjegaw…Id-dixxipli resqu lejh u bdew jgħidulu: “Eħles minnha għax ġejja tgħajjat warajna.” Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel.” Il-Messija kien imwiegħed lil Iżrael u mbagħad minn Iżrael kellha titħabbar il-bxara t-tajba lin-nazzjonijiet oħra mxerrdin mad-dinja kollha. B’tixbiha nistgħu nsemmu ż-żerriegħa tal-mustarda. Infatti, f’waħda mill-parabboli tiegħu, Ġesu’ jxebbaħ is-Saltna t’Alla maż-żerriegħa tal-mustarda. Din iż-żerriegħa hija tabilħaqq l-iżgħar fost iż-żrieragħ kollha imma meta tikber, issir siġra kbira u għal bil-lejl, jiġu jsibu l-kenn tagħhom kwantita’ kbira t’għasafar tal-bejt fil-friegħi tagħha.

Fil-vanġelu li qrajna, il-Kangħanija ma qatgħetx qalbha…Jgħidilna San Mattew: “Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!” Jiġifieri anki jekk id-dixxipli riedu jeħilsu minnha, hi kompliet tippersevera fit-talb tagħha. U hawnhekk għandna t-tieni tagħlima. Il-perseveranza fit-talb. Ibqa’ itlob, ibqa’ itlob, ibqa’ itlob anki jekk bħal donnu Alla mhux jisimgħek. Eżattament kif ħarbex dak il-Lhudi maħrub fuq il-ħajt tal-kantina li fija kien mistoħbi. Ftakru x’ħarbex: “jiena nemmen f’Alla anki meta donnu huwa silenzjuż u ma tismax ħossu.”

Għall-krib insistenti tagħha, Ġesu’ jgħidilha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi!” Apparentament lil dil-mara Kangħanija, Ġesu’ qisu qed jgħaddiha biż-żmien għax qed iqabbilha ma’ ġerwa. Imma hi tuża dan, li jidher forsi bħala nsult, f’att ta’ fidi mill-aqwa. Qaltlu: “Hekk hu, Mulej, iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda tas-sidien tagħhom.” U hawnhekk għandna t-tielet tagħlima. Jekk il-fidi tagħna hija b’saħħitha, anki minn ġewwa, aħna nkunu nies ferħanin, imma fil-mument li fih il-fidi tagħna tibda sejra lura, anki minn ġewwa, aħna nkunu nies imdejqin. X’għandna nagħmlu biex insaħħu l-fidi tagħna? Xi ħadd qal: “Il-fidi tagħna nistgħu nxebbħuha ma’ wieħed mill-muskoli li għandna mal-ġisem tagħna kollu”. Iktar ma’ nħaddmu dan il-muskolu iktar jissaħħaħ. Allura studja l-vanġeli u tkellem fuqhom ma’ oħrajn. Agħmel mezz li toqrob iżjed lejn l-Ewkaristija. Sib ħin biex titlob kuljum. Imma iktar minn hekk, agħmel xi ħaġa għal dawk li huma fil-bżonn. Ma nafx qattx smajtu b’Albert Schwietzer. Dan kien tabib Ġermaniż li ħalla pajjiżu u mar jeżerċita s-sengħa tiegħu ta’ tabib fl-artijiet tal-missjoni. Fil-ktieb tiegħu: “Reverence for Life” huwa jgħid xi ħaġa hekk: “Trid verament temmen f’Ġesu’? Agħmel xi ħaġa għalih…jekk minħabba fih inti tagħmel xi ħaġa għall-oħrajn żgur, u mhux forsi, inti tirċievi ħafna mill-barkiet tiegħu!”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading