Quddiesa tal-Jum
Minn D. Edward Vella
Fil-festa tal-lum naħseb li l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna hija xi statwa tal-Madonna Mtellgħa fis-sema bir-ruħ u l-ġisem u b’għajnejja jħarsu ’l fuq. Forsi l-ewwel ħaġa li tolqotna f’persuna li niltaqgħu magħha hija għajnejha: mhux ta’ b’xejn jgħidu li l-għajnejn huma t-twieqi tal-qalb. Naħseb li ma nkunux nitbegħdu mir-realtà meta ngħidu li meta statwarju jkun jagħmel statwa, l-akbar biċċa xogħol li jrid jagħmel huma l-għajnejn: żgur li jekk l-għajnejn joħorġulu sbieħ, ikun tabilħaqq għamel statwa speċjali. Meta nitkellmu mill-għajnejn ħafna drabi aħna nifhmu ħafna aktar mill-organi li permezz tagħhom aħna naraw, donnhom l-għajnejn jikxfu l-qalb tal-persuna. Interessanti li fl-istatwi tat-tlugħ ta’ Marija fis-sema li minnhom għandna bosta f’pajjiżna, hemm ħaġa komuni: Marija hija dejjem b’għajnejha jħarsu lejn is-sema. Ta’ min nistaqsu lilna nfusna llum: jien għajnejja lejn fejn iħarsu lejn is-sema jew lejn l-art?
Xi jfisser meta ngħidu għajnejn iħarsu lejn l-art? Naħseb li jistgħu jfissru żewġ affarijiet: jew li wieħed ikun marbut mad-dinja u dak li toffri, u allura jinsa ’l Alla u l-ħajja ta’ dejjem, jew li l-bniedem isir pessimist, u jara biss in-negattiv fid-dinja li jgħix fiha. Il-pessimiżmu mhux tentazzjoni anqas minn dik li wieħed jintrabat mad-dinja u dak li fiha; mhux ta’ b’xejn li fil-bidu tat-talba Ewkaristika waqt il-quddiesa is-saċerdot jistedinna biex “Nerfgħu qlubna ’l fuq…”, għaliex minn ħarstu hija biss l-isfel ma jistax jesperjenza ’l Alla u s-sbuħija tal-grazzja tiegħu.
Fl-ewwel qari tal-lum mill-ktieb tal-Apokalissi, f’dehera kbira deheru fis-sema żewġ sinjali: wieħed tal-Mara liebsa x-xemx u bil-qamar taħt riġlejha u kuruna ta’ tnax il-kewkba fuq rasha, u minn naha l-oħra d-dragun. Il-Mara tal-apokalissi tfisser kemm il-Knisja u anke Ommna Marija li hija il-milja ta’ dak li l-Knisja tixtieq tkun u fl-istess ħin il-membru l-aktar predilett tal-istess Knisja. Din il-mara hija tqila, binha huwa kull wieħed u waħda minna. Id-dragun jirrappreżenta lix-xitan, il-qawwa tal-ħażen personifikat li għax għajjur irid jagħmel battalja lil dawk li tant Alla jħobb, jiġifieri aħna. Dawn iż-żewġ qawwiet, jiġifieri tat-tajjeb u tal-ħażin huma l-aktar żewġ għażliet importanti li jeħtiġilna nagħmlu aħna, jiġifieri li nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Tajjeb li llum, u mhux biss illum, nagħmlu mistoqsija lilna nfusna: jien il-ħarsa tiegħi lejn liema wieħed minn dawn is-sinjali hi dak tat-tajjeb jew tal-ħażin, jew forsi għadni ma inhiex ċert, u daqqa ħarsti tkun lejn naħa u daqqa lejn oħra? Ma hemmx dubju skont dan il-qari ta’ liema naħa hija r-rebħa dejjiema, u allura lejn fejn irridu nħarsu aħna jekk irridu nkunu parti minnha.
It-tieni qari tal-lum jgħidilna ta’ min hija r-rebħa: ‘Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu.’ Huwa l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet ir-rebħa definittiva li ma tgħaddi qatt u ma tispiċċa qatt, u allura l-unika rebħa li verament tgħodd, nistgħu nsejħulha l-unika u l-akbar rebħa tal-istorja, u li fl-istess ħin hija ’l fuq mill-istorja tal-bniedem. U l-qari jkompli: ‘l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, meta jerġa’ jiġi.’ Ġesù irid isieħeb miegħu lill-bnedmin kollha f’din ir-rebħa, iżda sfortunatament mhux kollha jissieħbu miegħu: huma dawk li jaċċettawh bil-verità li flimkien miegħu jgħannu l-għanja tar-rebħa għal dejjem.
Huwa verament impressjonanti fil-qari tal-lum li mix-xeni tant drammatiċi tal-ewwel u tat-tieni qari ngħaddu għal xena tant sempliċi u umli, tant emozzjonali tal-vanġelu tal-lum. Tgħid għalfejn il-Knisja toffrilna din l-qabża fil-messaġġ? Jiena naħseb li l-iskop huwa biex nifhmu li jirbħu ma’ Ġesù mhux dawk li huma mogħmijin bid-dinja u bil-poter, ma jirbħux ma’ Ġesù dawk li għamlu l-flus u dak li jakkwistaw bihom l-alla tagħhom, ma jirbħux ma’ Ġesù dawk li ħsiebhom fid-dinja u l-pjaċiri tagħha, iżda fuq l-eżempju ta’ Marija, jirbħu ma’ Ġesù dawk li bħala jiftħu qalbhom għal Alla biex iħalluh ifawwarha bl-imħabba tiegħu u huma ħfief biex iservuh f’ħuthom il-bnedmin l-aktar li huma fil-bżonn. Dawn huma dawk li jirbħu mal-Mulej, ma humiex dawk li jagħmlu ħafna ħsejjes fid-dinja, iżda huma dawk li jħobbu bis-sempliċità, umiltà u b’qalbhom kollha. Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna llum: jien x’tip ta’ relazzjoni għandi mad-dinja, tixbaħ lil dak ta’ Marija Ommm Ġesù u Ommna, jew dik li tipproponilna d-dinja stess?
Mulej Ġesù illum nirringrazzjawk li lil ommok u ommna inti sejjaħtilha biex tgawdi l-ġenna miegħek bil-ġisem u bir-ruħ: nixtiequ nitolbuk tgħinna ħalli qatt ma naqilgħu għajnejna minn fuq dan l-ideal waħdieni tagħna, biex hekk nibqgħu mexjin f’din il-ħajja determinati li miegħek u ma’ ommok u ommna Marija għad niġu ngawdu għal dejjem. Ammen.