Quddiem is-silenzju ta’ Ġesù. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-20 Ħadd tas-sena.

Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ifaħħruk il-popli kollha, o Alla.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.
Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet. Mt 15, 21-28.

  1. Riflessjoni/talba:

i. Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma.

Fil-konfini, bejn l-art tal-poplu t’Alla
u l-art tal-pagani,
quddiem mara li mhix “mid-dar ta’ Israel”
iżda b’karba ta’ kull omm muġugħa,
Ġesù jiskot.

X’qed jiġri?
Fil-mara, fid-dixxipli, fiH?

Irrifletti:
• Liema sitwazzjoni qed iġġiegħlek tieqaf u taħseb?

ii. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.

Fis-skiet ta’ Ġesù jinkixfu l-ħsibijiet!

Dawk tad-dixxipli:
li jmexxihom il-ħsieb ta kif jeħilsu minnha
li jarawha biss bħala ksur ir-ras!

Dawk ta’ Ġesù:
li jmexxih il-ħsieb ta’ kif se jwettaq il-missjoni li tah l-Missier
jintmess minn dak li qaltlu, filwaqt li jgħarbel f’qalbu.

Irrifletti
• Kif tgħarbel it-talbiet li jsirulek?

iii. Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

F’dak is-silenzju ta’ Ġesù:

it-talba tal-mara issir aktar sempliċi u diretta – “Għinni Mulej”
il-kelma tagħha issir aktar umli u kuraġġuża – “Hekk hu … imma”
minn mara “tgħajjat”, “Kangħanija”
issir dik li fuqha Ġesù qal “Mara, il-fidi tiegħek kbira!”

F’dak is-silenzju Ġesù
fehem aħjar il-missjoni tiegħu u l-qalb tal-Missier
qabeż il-konfini u wassal il-fejqan
wessa’ ċ-ċirku ħa jkun hemm post għall-pagan.

Irrifletti

• X’qed jikber fik quddiem is-silenzju ta’ Ġesù?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading