Is-Sibt, 15 ta’ Awwissu 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal tas-Solennità tat-Tlugħ tal-Verġni Mqaddsa Marija fis-Sema. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
X’konna ngħidu li kieku l-konvoj ta’ 80 sena ilu, il-Konvoj ta’ Santa Marija, kellu jidħol illum? Konna nsejħulu ‘ta’ Santa Marija’? Jew konna ngħidu li jiddependi mill-istrateġija tal-gwerra li kellhom l-Amerikani u l-Ingliżi, mill-kapaċità politika tal-Gvern lokali, mill-kapaċità u s-saħħa tal-baħrin u tas-suldati li kienu fuq dawn l-iġfna? Tgħid konna niftakru f’Santa Marija?
Li kieku l-Armistizju li seħħ fis-7 ta’ Settembru, lejlet il-Vitorja ta’ madwar 80 sena ilu, kellu jseħħ illum, konna nagħmlu festa lill-Madonna tal-Vittorji? Jew konna ngħidu: ‘Għax hekk kellu jkun, hekk kien id-destin’? Jew konna nsibu xi spjegazzjoni xjentifika, jew marbuta mal-każ, u konna nħallu għalkollox l-aspett tal-fidi? Jien għandi d-dubji tiegħi.
Tgħiduli: aħna qegħdin hawn dalgħodu għax nemmnu tassew li l-Madonna tieħu ħsiebna, li hija l-Omm tagħna, li din l-istatwa sabiħa li hawn quddiemna tirrappreżenta realtà spiritwali li għalkemm ma narawhix b’għajnejna, ma nħossuhiex u ma mmissuhiex b’idejna, hi reali daqskemm hi reali l-istatwa li qegħdin naraw quddiemna. Jistax ikun li aħna, bħala poplu Malti u Għawdxi, forsi mingħajr ma nindunaw, qegħdin bil-mod il-mod insiru aktar materjalisti? Ma nistax ngħid li kulħadd jaqa’ taħt dan il-ġudizzju, imma kollha kemm aħna – inklużi aħna s-saċerdoti u dawk li huma impenjati u għandhom missjoni partikulari li jwasslu l-fidi fil-Knisja – qed ngħumu fl-istess baħar. Ir-riskju tal-materjaliżmu jaħkem lilna wkoll.
Min jaf li kieku l-ġuri li qegħdin nassistu għalih f’dawn il-ġranet seħħ 80 sena ilu, min jaf jekk – ma’ min għandu raġun jew ma’ min m’għandux, mal-mod ta’ kif nistgħu naħsbu li ser tinqata’ jew ma tinqatax, mal-mod ta’ kif niġġudikaw fil-ħsieb tagħna, min qed jigdeb u min mhux – konniex ngħidu wkoll kieku kif qegħdin inħallu lil Alla ’l barra għalkollox mill-ħajja tagħna, kif donnu Alla m’għadux jagħmel parti mill-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin?
Dan mhux biex inħabbtu fuq sidirna u nsawtu lilna nfusna, u lanqas biex ngħixu bin-nostalġija tal-passat u ngħidu: ‘Kemm konna sew u issa m’aħniex sew’, imma dan ngħiduh biex nirriflettu bil-qawwa, illum aktar minn fi ġranet oħra, fil-ġurnata li fiha qegħdin niċċelebraw lil Marija li titla’ s-Sema. Marija titla’ fid-dimensjoni spiritwali, dik li forsi qegħdin ninsew mill-ħajja tagħna. Din hija d-dimensjoni tal-Ispirtu, tal-ġustizzja, tal-verità, tal-imħabba, id-dimensjoni ta’ Alla, tal-fidi. Min jaf hux għalhekk Alla llum ma tantx qiegħed jidħol, anki jekk qegħdin nisimgħu li valuri essenzjali u importanti tal-ħajja tan-Nisrani, fil-ħajja tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi, qegħdin bil-mod il-mod jitwarrbu fil-ġenb? U dan nagħmluh mingħajr ma nindunaw, billi qegħdin f’dan il-baħar li bil-mod il-mod qed jitħallat b’ħafna materjaliżmu, xjentiżmu, spjegazzjonijiet li jmorru lil hinn jew iħallu barra l-fidi b’tali mod li kważi kważi, meta nsemmu jew indaħħlu lil Alla, lill-Madonna, il-fidi jew il-qaddisin, niġu awtomatikament meqjusa jew inqisu lilna nfusna bħala antikwati, nies li ma jifhmux, nies tal-passat.
M’aħniex ġisem biss!
Il-Festa tal-lum iġġegħilna nirriflettu tassew. Santa Marija kienet l-ewwel mara, magħżula sa minn qabel minn Alla, meħlusa mill-ħtija oriġinali sabiex tkun l-Omm tiegħu u mtellgħa fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Din il-mara, magħżula u maħbuba, hemm fiha sintesi, għaġna, taħlita ta’ dak li hu ġisem u allura materjali, u ta’ dak li hu spiritwali. Marija ġiet imtellgħa s-Sema, allura fid-dimensjoni spiritwali, imma mhux fl-ispirtu tagħha biss, imma saħansitra fil-ġisem tagħha. Din hija aħbar tassew sabiħa għalina lkoll, għal kull wieħed u waħda minna li qegħdin hawn, għax dan ifisser li l-ġisem tagħna li tant nieħdu ħsieb u nikkuraw (u nagħmlu sew għax hekk jistħoqqlu dan il-ġisem li mhux għajr rigal u don ta’ Alla), ġurnata għad jiġi ttrasfigurat u meħud (assunt) mill-Ispirtu, minn Alla li huwa l-oriġni tal-ħajja tagħna.
Ma ninsewx li fil-bidu nett Alla, meta ħalaq il-bniedem, fix-xbieha li jagħtina l-Ktieb tal-Ġenesi, joħloq lill-bniedem mit-tajn u min-nifs tiegħu. L-ewwel Alla nnifsu jagħġen it-tajn, imma mbagħad jonfoħ l-istess nifs tiegħu fi mnifsejn il-bniedem (ara Ġen 2:7). Allura l-bniedem mhux materja biss, mhux ġisem biss, mhux flus u xogħol biss, mhux taħbit biss għal din il-ħajja, mhux inkwetat biss mit-twelid sal-mewt, imma l-bniedem hu ddestinat għal iktar. Aħna stess nagħrfu – u għalhekk qegħdin hawn dalgħodu – li aħna n’aħniex biss ġilda, laħam u għadam, imma aħna spirtu. Aħna aktar minn hekk! Forsi m’aħniex kapaċi nispjegawh bil-kliem, niddefenixxu preċiż dak li nħossu, imma din hija realtà li kull wieħed u waħda minna nħossu: li aħna m’aħniex ġisem biss. U jiena ċert li għalhekk qegħdin hawn.
Ejjew din ix-xewqa li hemm fina, f’kull bniedem, din it-talba, din il-mistoqsija għall-ispiritwal, għat-twettiq tad-dimensjoni spiritwali fina, ma nifgawhiex. Ma nippruvawx nimlew dak li jimla l-moħħ u l-qalb b’dak li jimla l-istonku. Ma nistgħux aħna nippruvaw, bil-ħajja materjalista tagħna, nifgaw ix-xewqat, it-talbiet, id-domandi tal-Ispirtu li hemm fina.
Ippruvaw ħarsu ftit madwarkom. Is-soċjologi kollha jaqblu li qed ngħixu fi żmien fejn id-diffikultajiet marbuta mad-disturbi mentali kulma jmur qed jiżdiedu. Ħtija tal-persuni li huma dgħajfin mentalment? Faċli ħafna ngħidu hekk. Faċli ħafna nfarfru minn fuq spallejna u ngħidu: ‘Mhux hu ma jridx iqum fuq tiegħu! Mhux hi ma tridx tqum fuq tagħha!’. Faċli ħafna ngħidu hekk, imma s-soċjologi kollha jaqblu fuq il-fatt li aktar ma d-dinja tkun orjentata materjalistikament, meta l-uniku nkwiet u l-unika preokkupazzjoni jkunu kif ser niekol, kif ser inkabbar il-kont tal-bank u kif ser ikolli aktar proprjetà, is-soċjetà minnha nfisha toħloq in-nies imwarrba, barranin, in-nies li ma jlaħħqux, li jħossuhom lura.
Din hija s-soċjetà materjalista li, forsi mingħajr ma rridu, sibna ruħna fiha. Jiena nixtieq nagħmel enfasi dalgħodu illi mhux biss in-nies b’mod ġenerali, imma b’xorti ħażina anki aħna l-Knisja wkoll itteħidna minn din id-dinja materjalista. U nibdew ninpenjaw l-isforzi tagħna biss fuq dak li jidher u jagħmel ħoss, li jista’ jiġi approvat jew diżapprovat mill-oħrajn, u ma mmorrux aktar għall-essenzjal tal-Ispirtu, tal-Vanġelu, dak li fittxet, għexet u għamlet Marija.
Kienet tkun xi ħaġa sabiħa tassew li kieku dalgħodu kellna l-ħin nimxu mal-ġrajjiet tal-ħajja ta’ Marija u naraw kif Alla qatt ma baqa’ barra minnhom.
Li toqgħod id-dar
Għal Marija, li toqgħod fid-dar, kif noqogħdu aħna, ma kinitx sempliċement li noqgħod komdu fuq sufan inqalleb fil-mowbajl, nara t-televixin jew nagħmel il-faċendi. Li toqgħod fid-dar, għal Marija, kien ifisser ukoll li taħseb f’Alla u tisma’ l-Kelma tiegħu. L-anġlu daħal għandha fid-dar u sellmilha: “Is-sliem għalik” (Lq 1:28). Li toqgħod fid-dar, allura, ifisser li inti jkollok mument, ħin twil jew qasir li fih titlob.
Minħabba f’hekk l-antenati tagħna, dawk li ġew qabilna, qalu: ‘Le. Il-Konvoj veru daħal bis-saħħa tal-ammirali u l-kapaċità u l-istrateġija tal-Gvern lokali, imma daħal fuq kollox bil-qawwa tal-Madonna’. Kellhom viżjoni wisq aktar wiesgħa, integra, sħiħa minn dik sempliċement materjalista illi biha niġġudikaw u nħarsu aħna. Jekk irridu nġibu eżempju, kienu kapaċi jħarsu aktar mill-għoli milli nħarsu aħna. Aħna nħarsu biss fil-livell tagħna. L-antenati tagħna, billi kienu jqallbu fl-Iskrittura, bil-kapaċità jew bl-inkapaċità tagħhom, fil-faqar tagħhom, kienu kapaċi jħarsu minn fuq għal dak li kien jiġrilhom fil-ħajja. Mhux bħalna… aħna nħarsu biss mil-livell tagħna, ta’ għajnejna.
Dan Marija kienet kapaċi tagħmlu għax kienet tqalleb fil-Kelma ta’ Alla, fl-Iskrittura. Dak l-anġlu li daħal għandha mhux għajr il-Kelma li int u jien ukoll jista’ jkolli f’post ċentrali fid-dar tiegħi mal-pitturi u mal-opri tal-arti sbieħ li jista’ jkollna, kemm intom u kemm aħna s-saċerdoti.
Il-ħbiberija
Il-ħbiberija għal Marija ma kinitx sempliċement li tqatta’ siegħa, sempliċement niltaqgħu nitkellmu u nimpikaw. Aħna nidħlu f’kompetizzjoni, mhux minn barra, imma minn ġewwa, mill-qalb: ‘Ara dik kemm hi liebsa isbaħ minni, dak kemm hu aħjar minni, dik kemm għandha figura isbaħ minn tiegħi!’. Sejrin hekk il-ħin kollu. Għal Marija, ir-relazzjoni ma kinitx sempliċement sintonija bejn żewġt iħbieb li niftehmu u naqblu ma’ xulxin u nħossuna f’saħħitna, ikollna fiduċja f’xulxin. Għal Marija l-ħbiberija kienet qsim, kondiviżjoni ta’ dak li Alla qiegħed jagħmel fiha.
Tiltaqa’ ma’ Eliżabetta u tirrakkontalha dak li Alla qiegħed jagħmel fiha. U Eliżabetta tirrakkonta lil Marija dak li Alla qiegħed jagħmel fiha. Din hi d-dimensjoni spiritwali li jeħtieġ nerġgħu niskopruha fil-ħajja tagħna. Ma nħarsux biss mil-livell ta’ għajnejna, imma nippruvaw nitilgħu ftit ’il fuq permezz tal-għajnejn tal-Iskrittura, tal-Vanġelu, ta’ Ġesù u ta’ Marija. Hekk, dak li aħna naraw, niġġudikawh mhux biss bil-moħħ u l-mentalità tagħna, ta’ x’jaqbilli u ma jaqbillix, imma niġġudikawh bl-għajnejn oġġettivi, tal-verità, bl-għajnejn tal-imħabba safja ta’ Alla u ta’ Marija.
Dak li jinqalagħlek fil-ħajja
Xi jfisser għal Marija dak li jinqalagħlek fil-ħajja? Ma kellhiex inkwiet fil-ħajja Marija? Ma kinitx problema għaliha, mhux biss li ma ssibx fejn tiled lil Binha, imma wkoll kif ser tikkomunika ma’ Ġużeppi t-tifsira tat-tqala tagħha? Kif taffaċċja Marija din il-problema familjari? Kif naffaċċjaw aħna d-diffikultajiet familjari tagħna, il-problemi li jinqalgħulna, il-mard? Kif affaċċjat Marija s-sitwazzjoni taħt is-salib ta’ Ġesù?
Ilbieraħ ġie kellemni raġel li qiegħed imsiefer. Naf li dan ir-raġel jaħdem ħafna biex imexxi l-Kelma ta’ Alla, tant illi saħansitra jagħmel anki gruppi online biex iwassal din il-Kelma. Jien ġietni l-kurżità u staqsejtu: ‘X’fettillek? Kif inbdilt hekk inti?’. Qalli: ‘Jien kelli negozju kbir barra minn hawn. Kelli familja sabiħa, tal-ġenn. Flus u proprjetà kemm irrid. Darba minnhom il-mara ħasset uġigħ u morna l-isptar u qalulna li l-mara għandha tumur. Aħna u sejrin lura bil-karozza lejn id-dar, il-mara qaltli: “Ġuż [isem fittizju], kollox għamilna sew: ħabbejna lil xulxin, kellna t-tfal u rabbejniehom sew, ħdimna… imma ħallejna ħaġa waħda barra. Ħallejna lil Alla barra. Min jaf Alla hux qed iħabbtilna l-bieb?”’, kompla jirrakkuntali bid-dmugħ f’għajnejh. Ibqgħu ċerti li din hija d-dimensjoni spiritwali tal-ġrajjiet, tal-isfidi, tal-problemi, tad-diffikultajiet tal-mard li aħna niltaqgħu miegħu. Qalli: ‘Minn dakinhar ħajti nqalbet ta’ taħt fuq. Il-mara mietet, imma jien inħoss li l-marda u l-mewt tal-mara kienu grazzja’. Kieku ma kinux dawn, kieku jien ma ltqajtx ma’ Alla. Kieku ħajti vojta’. ‘Vojta meta għandek daqshekk flus, proprjetà, tfal il-ġmiel tagħhom, kollha kemm huma ssetiljati? Vojta meta kulħadd jistmak u jirrispettak?’. ‘Iva, vojta’.
B’dan il-mod affaċċjathom Marija d-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja. B’dan il-mod: minn idejn Alla. Sejħa minn Alla biex tikber fl-imħabba. Żegħila ta’ Alla. Tgħiduli: ‘X’inti tgħid?’. Kultant il-problemi, id-diffikultajiet, il-mard, jekk aħna neħduhom bil-mod it-tajjeb, ikunu ż-żegħila u l-imħabba ta’ Alla.
Dan ifisser tiċċelebra lil Marija Mtellgħa s-Sema: mhux fl-aħħar mument ta’ ħajjitha, imma t-Tlugħ tagħha fis-Sema bir-ruħ u bil-ġisem kien il-kontinwazzjoni u l-milja, il-qofol ta’ dak li għexet f’ħajjitha. Ħajjitha kienet kontinwament meħuda minn Alla. Allura, hu naturali li meta tmut, tiġi meħuda għalkollox minn Alla.
Meta hu l-bniedem fl-aqwa tiegħu?
Għalina, meta hu l-bniedem fl-aqwa tiegħu? Illum tinfixel! ‘Life begins at sixty’… Naħseb minn hawn u ftit ieħor, ‘at eighty’. Imma meta l-bniedem hu fl-aqwa tiegħu? Għalina, dan meta l-bniedem ikun żagħżugħ, li l-ġilda tiegħu ma titkemmixx, li jibqa’ f’saħħtu, li jibqa’ jirrispondi, li jibqa’ bis-sensi kollha tiegħu jaħdmu mija fil-mija, u li ma jimradx. Għalina dak hu l-bniedem ideali, fl-aqwa tiegħu.
Illum Marija tirrakkuntalna storja oħra, u jekk aħna nifhmu l-istorja ta’ Marija, m’hemm l-ebda anzjan żejjed, m’hemm l-ebda marid f’qiegħ ta’ sodda żejjed, m’hemm l-ebda tarbija fil-ġuf jew barra mill-ġuf li m’għandhiex tkun. L-ebda bniedem mhu żejjed, għax il-quċċata tagħna għadha ġejja. Il-milja tal-umanità fejn ser insibuha jekk mhux meta ningħaqdu ma’ Alla? Kemm tinbidel l-istorja tal-ħajja meta aħna nbiddlu l-iskop ta’ ħajjitna! Kemm tinbidel l-istorja tal-ħajja meta aħna nħarsu lejn Santa Marija!
Noqogħdu attenti, għax faċli dalgħodu niggustaw mużika sabiħa, inħossu l-ferħ u l-entużjażmu tal-festa, inħarsu lejn il-Madonna u naffaxxinaw ruħna bis-sbuħija tagħha, u nieqfu hemm. U ma nħallu la l-festa, la l-quddiesa u lanqas l-Ewkaristija jidħlu huma fil-qalb tagħna u jbiddluna ftit.
Ejjew nitolbu lil Marija biex bħala poplu Malti u Għawdxi ma nieqfu qatt nitħabtu, niġġieldu, kollha kemm aħna, biex lid-dimensjoni materjali tal-ġisem tagħna – li hi importanti tant li Marija titla’ bih fis-Sema, tant li Ġesù jinżel mis-Sema u jilbes il-ġisem tagħna, isir bniedem bħalna – ma nagħtuhiex l-ikbar importanza. Ejjew nitolbu lill-Madonna u lil Ġesù llum biex jagħtuna l-grazzja li qatt bħala poplu Malti u Għawdxi ma nitilfu din id-dimensjoni spiritwali li tikkaratterizzana, u l-Konvoj jibqa’ ta’ Santa Marija. Nitolbu li l-festi ma jsirux attivitajiet kulturali u soċjali, ma jsirux reenactments, ma jsirux sempliċement okkażjoni turistika kif qegħdin isiru, għax qed jintilef l-aspett interjuri, l-aspett spiritwali. Qegħdin nitilfu ħafna, qed inbigħuh aħna, inklużi aħna s-saċerdoti.
Ejjew nitolbu lill-Madonna biex ma tħallina qatt bħala poplu nitilfu dan l-ispirtu, din il-fidi, u bħal missirijietna, f’dak li jiġrilna, induru lejn Alla u ngħidulu: ‘Grazzi, Mulej. Għinni, Mulej. Jekk Alla jrid…’. Din hija d-dimensjoni spiritwali li aħna bħala poplu msejħin li ma nitilfux, anzi, li nġeddu llum f’jum il-Festa ta’ Santa Marija.
Viva Santa Marija!