Omelija tal-Papa Ljun XIV fis-Solennità tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema

QUDDIESA

FIS-SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA FIS-SEMA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Parroċċa ta’ San Tumas ta’ Villanova f’Castel Gandolfo
Is-Sibt 15 ta’ Awwissu 2026

Għeżież ħuti,

B’ferħ kbir anki llum qed niċċelebra magħkom is-Solennità tal-Assunta.

Il-Maġisteru tal-Knisja jgħallimna li “Marija, meta temmet il-mixja tal-ħajja tagħha fuq din l-art, ġiet meħuda bir-ruħ u l-ġisem fil-glorja tas-Sema” (Piju XII, Kostituzzjoni appostolika Munificentissimus Deus, 1 ta’ Novembru 1950) u jurina, f’dan il-Misteru, it-twettiq tal-milja tal-grazzja li Alla taha fl-Immakulat Konċepiment tagħha (ara ibid.).

Għalhekk, ħafna opri tal-arti jirraffigurawha, fi tmiem il-ħajja tagħha fuq din l-art, bħala żagħżugħa mill-isbaħ li tintrefa’ fiżikament mill-art lejn is-sema. Dawn jitnebbħu mix-xena mfissra fis-silta tal-Apokalissi li għadna kemm smajna fl-Ewwel Qari: “Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha” (ara Apok 12:1), u dan ifisser li fil-qalb ta’ Marija jiltaqgħu s-sema u l-art, iż-żmien u l-eternità.

Din ix-xbieha, fid-dehra tagħha, hi f’kuntrast mal-esperjenza ta’ dak li jħallu fina s-snin li jgħaddu minn fuqna. Fil-fatt, mal-età l-ġisem tagħna ma jsirx iktar b’saħħtu, imma iktar peżanti; il-ġilda ma ssirx iktar tarja, imma turi s-sinjali tax-xjuħija; ix-xagħar ma jiħux il-lewn u d-dija, imma jsir griż u iżjed bajdani. Allura, x’għandna komuni maż-żagħżugħa ta’ ġmiel liema bħalu li nsibu mpittra fuq l-altari tagħna?

Biex nifhmu dan jeħtieġ inżommu magħquda flimkien iż-żewġ sinjali li aċċennajna għalihom: il-ġisem bla taħsir ta’ Omm Alla u l-qalb bla tebgħa tagħha. Fil-fatt, hija s-safa tal-qalb li f’Marija – bħalma tagħmel fina wkoll – bi grazzja ta’ Alla ddawwal u tittrasfigura lill-persuna kollha, u twassalha għall-glorja tas-Sema.

Il-glorifikazzjoni ta’ Marija fir-ruħ u l-ġisem tgħallimna li l-ġmiel veru tagħna ma jikkonsistix f’li naħbu s-sinjali taż-żmien li jgħaddi, imma f’li mqar fil-ġisem tagħna nuru l-marka tas-sinjali tal-imħabba li ma għandhiex tmiem (ara 1 Kor 13:8).

Hekk, tistedinna nirrevedu ħafna mill-kanoni estetiċi, prevalentement ta’ natura edonistika u konsumistika, li d-dinja timponi fuqna, u li jirriskjaw li jjassruna f’kundizzjonamenti peżanti, u jġagħluna naħlu enerġiji prezzjużi f’dak li ma jiswiex tassew u ma jibqax għal dejjem. Fl-esperjenza komuni, nistgħu niltaqgħu ma’ persuni b’wiċċhom immarkat mis-snin u mit-tbatijiet, imma li kapaċi jixħtu madwarhom dawl ta’ serenità, tjieba u paċi; l-istess kif nistgħu nosservaw oħrajn, forsi attraenti minn barra, imma ibsin u kiesħa minn ġewwa. U faċli nifhmu fejn jinsab il-ġmiel veru u fejn mill-banda l-oħra għad hemm bżonn ta’ konverżjoni, ta’ maħfra u ta’ fejqan.

Jekk irridu tabilħaqq niskopru u nikkultivaw il-ġmiel divin li bih aħna mdawrin u li għalih aħna maħluqin, u nxerrduh madwarna, jeħtieġ nitgħallmu naqrawh fil-wiċċ safi ta’ tarbija daqskemm fit-tikmix ta’ anzjan, fil-vivaċità ta’ żagħżugħ daqskemm fis-serjetà ta’ adult, fit-tiżjin tal-festa daqskemm fl-ilbies u fl-għodod tax-xogħol. Jeħtieġ nisimgħu l-istejjer uniċi ta’ mħabba li kull waħda minn dawn ir-realtajiet tirrakkontalna, u nagħrfu fihom xquq ċkejkna li jinfdu għas-sema.

Hija l-imħabba l-isbaħ tiżjin tal-bniedem: l-imħabba li tittrasfigura, tittrasforma, tinnobilita, terfa’ fl-għoli; li tħaffef, teħles, tqarreb lejn Alla, imqar qalb il-ġrajjiet imqallba tal-ħajja.

San Pawlu VI, huwa u jimmedita fuq il-misteru tal-Assunzjoni tal-Verġni Mbierka, qalilna li biex nifhmu t-tifsira tiegħu “jeħtieġ nagħmlu superlattivi u assoluti t-termini li aħna nużaw fil-lingwaġġ terren […], biex inpinġu f’dimensjoni ċkejkna dak li hu etern” (Omelija, 15 ta’ Awwissu 1969). U dwar din il-laqgħa, fl-Omm ta’ Alla, bejn infinit u finit, il-Papa Franġisku kiteb hekk: “Marija hi dik li għar tal-bhejjem taf tibdlu fid-dar ta’ Ġesù, bi ftit faxex foqra u muntanja ta’ ħlewwa” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 286).

Il-miraklu li Marija, ix-xbejba ta’ Nazaret, għexet fil-qalb safja tagħha, u li wassalha għall-glorja tas-Sema, u ta’ estremi li jmissu ma’ xulxin, kif hi stess tagħti xhieda fil-kliem imnebbaħ tal-Magnificat, li għadna kemm smajna fil-Vanġelu (ara Lq 1:46-55). F’dan il-kantiku, permezz tal-espressjonijiet umli tal-fidi tagħha, l-Omm tas-Sema tkellimna b’mod sempliċi fuq misteri grandjużi: ta’ Alla li fiha jsir bniedem biex jifdi lill-bnedmin, tal-Etern li fiha jidher fiż-żmien biex jerġa’ jiftaħ ukoll għalina t-triq tal-eternità, u turina fl-istess waqt, fil-qagħda tagħha ta’ “qaddejja ċkejkna”, id-“dimensjoni żgħira” li fiha, kif qal San Pawlu VI, aħna wkoll nistgħu niltaqgħu mal-Mulej.

Allura, il-kobor tal-Misteru li qed niċċelebraw ma rridux immorru nfittxuh ’il bogħod. Nistgħu niltaqgħu miegħu hemm fejn hemm imħabba vera: fl-għajnejn ta’ missier u ta’ omm li jmorru lura d-dar wara jum ta’ xogħol, għajjenin, imma kuntenti li qegħdin ma’ wliedhom; fl-uċuħ tan-nanniet li, minkejja l-uġigħ li ġġib magħha l-età, jerġgħu jitkebbsu b’enerġija bla mistenni biex jieħdu ħsieb lin-neputijiet ċkejkna tagħhom; jew mill-ġdid, fl-impenn ta’ żgħażagħ li jħabirku biex jikbru onesti u bla ma jmissu ma’ drogi, lesti wkoll biex imorru kontra l-kurrent f’paragun ma’ “kif jagħmel kulħadd”; fl-aħħar nett, fl-opri ta’ tant irġiel u nisa li ta’ kuljum, b’fidi u dedikazzjoni, jikkontribwixxu biex iniżżlu ftit mis-Sema fuq l-art u l-art itellgħuha lejn is-Sema.

Għeżież, il-wiċċ mill-isbaħ tal-Assunta huwa uniku, jissupera kull rappreżentazzjoni possibbli, u safrattant, fl-istess ħin, aħna nafuh: hu dak tal-persuni li għandna maġenbna, imqar bħalissa, ta’ ħutna li magħhom naqsmu, fil-fidi, l-għotja ta’ kuljum tal-ħajja tagħna. Għalhekk, fil-mara tal-Apokalissi l-Komunità ta’ dawk li jemmnu tilmaħ lilha nfisha, u l-Konċilju Vatikan II jiddeskrivi lil Marija bħala “x-xbieha u l-bidu tal-Knisja, […] sinjal ta’ tama żgura u ta’ faraġ” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 68). Fl-umanità qaddisa tagħha, bi grazzja ta’ Alla, hemm ukoll dik tagħna, hemm ukoll aħna, imsejħin biex ngħixu l-istess milja tal-ħajja li laħqet hi u biex nieħdu sehem mill-istess glorja tagħha.

Santu Wistin, meta tkellem dwar il-qawmien ta’ Kristu, stieden lill-Insara ta’ żmienu jagħmlu minnu l-boxxla u l-punt ta’ riferiment tal-ħajja tagħhom. Qal: “Kristu qam biex ma jmut qatt aktar […]. Ibdel ir-rotta, imxi wara d-dawl! Ibda ntrefa’ mill-istess post li minnu rxoxta hu” (Enarratio in Psalmos 126, 7).

L-istedina tiegħu nagħmluha tagħna. Nimxu wara d-dawl tal-Irxoxt, billi nibdlu r-rotta jekk hemm bżonn. Ejjew dan nagħmluh b’mod partikulari llum, billi nħarsu lejn Marija, li Alla inkuruna bil-glorja fir-ruħ u l-ġisem, u li hu tahielna bħala Omm, gwida, sieħba tal-vjaġġ u protettriċi fit-triq lejn is-Sema.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading