Il-Ħajja u l-Ispiritwalità tal-awtur tal-ktieb, “Imitazzjoni ta’ Kristu”
Tumas ta’ Kempis (ċ. 1380–1471) jibqa’ wieħed mill-aktar ismijiet magħrufa fl-istorja tal-ispiritwalità nisranija. Huwa magħruf l-aktar bħala l-awtur tradizzjonali tal-Imitazzjoni ta’ Kristu, ktieb li għal sekli sħaħ kien ta’ għajnuna kbira għal nies li xtaqu jgħixu ħajja aktar qrib ta’ Ġesù Kristu. Il-ktieb ma huwiex tant trattat teoloġiku kumpless, iżda gwida prattika u spiritwali li tħeġġeġ lill-bniedem biex jitgħallem iħobb lil Kristu, jgħix b’umiltà u jfittex il-paċi tal-qalb.

Ara minn hawn il-verżjoni bil-Malti tal-ktieb, “L-Imitazzjoni ta’ Kristu” …
Min kien Tumas ta’ Kempis?
Tumas twieled madwar is-sena 1380, f’Kempene, fit-territorju li llum jinsab fil-Ġermanja. Għalhekk huwa magħruf bħala “ta’ Kempis”, jiġifieri “minn Kempis”.
Kien ġej minn familja sempliċi. Missieru, Johann Hemerken, kien ħaddiem u ommu, Gertrud, kienet għalliema u mara reliġjuża. Minn età żgħira Tumas irċieva formazzjoni nisranija soda. Meta kien għadu żagħżugħ, mar jgħix f’Deventer, fl-Olanda, fejn ingħaqad ma’ komunità magħrufa bħala l-Brothers of the Common Life. Din il-komunità kellha influwenza kbira fuq ħajtu. Il-membri tagħha kienu jippruvaw jgħixu ħajja sempliċi, ta’ talb, xogħol u qadi tal-oħrajn.
F’Deventer Tumas beda jifhem li l-qdusija ma tiddependix biss fuq għarfien intellettwali jew fuq affarijiet kbar, iżda fuq il-ħajja ta’ kuljum: talb sinċier, umiltà, xogħol, paċenzja u mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.
Il-ħajja reliġjuża tiegħu
Aktar tard Tumas daħal fil-monasteru ta’ Mount St Agnes, qrib Zwolle, fl-Olanda fejn huma ingħaqad fil-ħajja reliġjuża tal-Kanoniċi Regolari ta’ Santu Wistin.
Kien ordnat saċerdot u għex għal ħafna snin fil-monasteru. Il-ħajja tiegħu kienet pjuttost moħbija u sempliċi. Ma kienx bniedem li fittex fama jew pożizzjoni għolja fil-Knisja. Għall-kuntrarju, kien magħruf għall-ħajja ta’ talb, għas-sempliċità u għall-imħabba tiegħu lejn il-ħajja komunitarja. Tumas għadda ħafna mill-ħin tiegħu jikteb, jitlob, jaqra u jikkopja manuskritti. Fi żmien meta l-kotba kienu jiġu kkupjati bl-idejn, xogħol ta’ importanza kbira.
Huwa miet fl-1471, wara ħajja twila ddedikata lil Alla.
Il-ktieb, L-“Imitazzjoni ta’ Kristu”
Ix-xogħol li għamel lil Tumas ta’ Kempis famuż mad-dinja kollha huwa l-ktieb, L-Imitazzjoni ta’ Kristu.
Għalkemm għal ħafna żmien il-ktieb ġie attribwit lil Tumas ta’ Kempis, l-istudjużi moderni jirrikonoxxu li l-istorja tal-awtur mhijiex kompletament ċerta u li hemm diskussjoni akkademika dwar l-awtur eżatt tiegħu. Madankollu, Tumas ta’ Kempis jibqa’ l-isem tradizzjonalment marbut ma’ dan il-ktieb, u l-manuskritti u t-tradizzjoni tiegħu għandhom rabta qawwija mal-ambjent reliġjuż li fih għex.
Il-ktieb huwa magħmul minn erba’ partijiet u jindirizza temi profondament insara:
- TWISSIJIET BIEX WIEĦED JISTA’ JGĦIX ĦAJJA TAR-RUĦ.
- TAGĦLIM KIF WIEĦED GĦANDU JMUT GĦAD-DINJA BIEX IGĦIX ĦAJJA TAR-RUĦ
- FUQ IL-ĦLEWWIET LI TĦOSS RUĦ TAJBA
- FUQ IS-SAGRAMENT TA’ L-ALTAR
Wieħed mill-messaġġi ewlenin tiegħu huwa li l-għaqda ma’ Kristu għandha tkun fiċ-ċentru tal-ħajja Nisranija. Għal Tumas, ma jagħmilx sens li persuna tkun taf ħafna dwar Alla jekk qalbha ma tinbidilx. Il-ħajja spiritwali trid twassal għal bidla konkreta fil-mod kif wieħed jgħix.
Huwa jenfasizza ħafna:
- L-Umiltà li wieħed ma jpoġġix lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ kollox.
- Is-Sempliċità li ma nħallux il-ġid, il-fama u l-pjaċiri tad-dinja jikkmandaw ħajjitna.
- It-Talb li wieħed jitgħallem ikun ma’ Alla fil-kwiet.
- Il-Paċi tal-Qalb li ma nħallux kull diffikultà jew opinjoni ta’ ħaddieħor tisirqilna l-paċi.
- Il-Ġlieda kontra d-Dnub mhux b’disperazzjoni, iżda b’fiduċja fil-ħniena ta’ Alla.
- L-Imħabba lejn Kristu mhux biss idea, iżda relazzjoni personali li tibdel il-ħajja.
Tumas u l-ħajja ta’ interjuri
Aspett importanti ħafna tal-ispiritwalità ta’ Tumas huwa dak li nistgħu nsejħulu l-ħajja ta’ interjuri. Huwa jgħallimna biex ma ngħixux biss fuq dak li jidher minn barra. Il-bniedem jista’ jidher tajjeb quddiem in-nies, iżda Alla jara l-qalb. Għalhekk, il-ħajja nisranija vera tibda fil-qalb: fil-ħsibijiet, fl-intenzjonijiet, fil-kuxjenza u fir-relazzjoni personali ma’ Alla.
Dan jagħmel il-ktieb partikolarment adattat għall-meditazzjoni u t-talb. Mhux ktieb li wieħed irid jaqra malajr mill-bidu sat-tmiem; ħafna drabi kapitlu qasir jew saħansitra ftit linji jistgħu jkunu biżżejjed biex wieħed jieqaf, jaħseb u jitlob.
Għalkemm Tumas ta’ Kempis għex aktar minn ħames mitt sena ilu, il-vuċi tiegħu għadha rilevanti. Huwa jfakkarna li l-ħajja hija aktar minn dak li naraw u nakkumulaw. Il-fama tgħaddi. Il-ġid jista’ jintilef. L-opinjoni tan-nies tinbidel. Imma r-relazzjoni tagħna ma’ Alla għandha valur li jibqa’.
Forsi għalhekk L-Imitazzjoni ta’ Kristu kompla jinqara minn ġenerazzjonijiet ta’ nsara. Huwa stedina biex il-bniedem jieqaf ftit mill-istorbju tad-dinja u jistaqsi lilu nnifsu; Qed ngħix tassew skont l-Evanġelju, jew qed ngħix biss skont dak li trid id-dinja minni?

Tajjeb hafna. Grazzi Mulej