
Ktieb Klassiku ta’ Spiritwalità Nisranija minn Tumas Kempis.
L-EWWEL TAQSIMA
IL-PJAN TA’ SALVAZZJONI
1. It-tfittix tal-bniedem u t-tweġiba ta’ Alla.
a. Ir-reliġjonijiet bħala prova ta’ kif il-bniedem ifittex li jifhem. Ir-relazzjoni bejn fidi u raġuni: il-fidi u ċ-ċertezza xjentifika, il-fidi u s-superstizzjoni, il-fidi u l-fanatiċiżmu.
b. It-tweġiba ta’ Alla: Il-Bibbja bħala l-Kelma ta’ Alla fi kliem il-bniedem. L-Ispirazzjoni. Interpretazzjoni tajba tal-Bibbja. L-intervent ta’ Alla fl-istorja permezz ta’ kliem u għemil. It-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Tifsil tal-Istorja tas-Salvazzjoni.
c. Sehem il-fidi Nisranija fl-iżvillup uman. Xi persuni li sabu t-tifsira għall-ħajjithom fil-fidi Nisranija.
2. Alla tas-Salvazzjoni.
a. Il-Ħolqien u l-Waqgħa: L-esperjenza umana tal-ħażen u l-messaġġ bibbliku tal-Ġenesi 1-3; il-Ħolqien u evoluzzjoni, il-Waqgħa, in-natura u l-konsegwenzi tad-dnub, id-Dnub tad-Dinja (Dnub Oriġinali)
b. L-Eżodu: Yahweh, Alla li jeħles mill-jasar u joffri ħelsien sħiħ permezz tal-Patt.
c. Ġesú Kristu: il-milja tar-Rivelazzjoni u tas-Salvazzjoni; evidenza storika ta’ Ġesú f’dokumenti mhux insara u fl-Evanġelji; Ġesú bħala ir-rivelazzjoni sħiħa tal-proġett ta’ Alla għall-iżvillup uman. It-tweġiba tal-bniedem lil Ġesú: deċiżjoni għall-ħajja jew mewt.
3. Komunitá ta’ Salvazzjoni
a. Il-Knisja: il-Poplu Ġdid ta’ Alla, il-Ġisem ta’ Krist, is-Sagrament ta’ l-għaqda tagħna ma’ Alla u bejnietna. L-Ispirtu s-Santu jibni l-Knisja permezz ta’ Kariżmi u Ministeri; il-Ġerarkija (Papa, Isfqijiet, Saċerdoti); Ħajja Reliġjuża. Il-bnedmin kollha huma msejħa biex ikunu parti mill-Knisja: Ekumeniżmu u Missjoni;kif l-Insara għandhom ikun membri vera u ħajja tal-Knisja.
b. Il-Missjoni tal-Knisja:
i. Fil-Knisja u permezz tagħha, Kristu jkompli il-ħidma tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni. Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni ma’ Alla u bejnietna.
ii. Fil-Knisja u permezz tagħha, Kristu jkompli jiċċelebra l-Għid il-Ġdid, jibni il-Komunitá Nisranija: il-ħelsien tal-Poplu l-Ġdid ta’ Alla u l-Patt il-Ġdid fid-Demm ta’ Kristu; attitudnijiet xierqa għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Il-Ħadd bħala Jum il-Mulej.
iii. Fil-Knisja u permezz tagħha, Kristu jkompli l-ħidma tiegħu li jfejjaq il-firdiet soċjali, politiċi u razzjali u jagħti ħelsien sħiħ lill-persuna umana; il-prinċipji tat-tagħlim soċjali tal-Knisja; l-involviment tan-Nisrani fil-promozzjoni tal-Jeddijiet tal-Nniedem u tal-Paċi bħala ċittadini tal-pajjiż u tad-dinja kollha.
L-EWWEL KTIEB
TAL-IMITAZZJONI TA’ KRISTU
TWISSIJIET BIEX WIEĦED JISTA’ JGĦIX ĦAJJA TAR-RUĦ.
KAP.1.
Hemm bżonn li n-Nisrani jixxiebeħ lil Ġesu Kristu, u jixħet taħt riglejħ il-frugħa tad-dinja.
1. “Min jimxi wrajja, ma jimxix fid-dlam,’’ igħid is-Sinjur. Dawn il-kelmiet huma ta’ Kristu, biex iwiddibna li nixbhuħ dejjem fil-ħajja tiegħu jekk irridu nkunu mfejqin mill-għama tal-qalb. L-aqwa dmir tagħna mela għandu jkun li naħsbu sewwa fuq il-ħajja ta’ Kristu.
2. It-tagħlim ta’ Kristu huwa ogħla u isbaħ minn tal-Qaddisin kollha; u min inissel ġewwa fih l-ispirtu ta’ Ġesu Kristu, isib f’dat-tagħlim manna moħbija. Imma l-kbira hi li bosta wħud jisimgħu spiss il-kliem ta’ l-Evanġelju, u x-xewqa mejta jnisslu fihom, għax ma għandhomx l-ispirtu ta’ Kristu. Min irid mela jisma’ u jtiegħem sewwa l-kliem ta’ Kristu għandu jqis li ħajtu tkun tixbeh lil tiegħu.
3. Issa x’jiswielek li tkun taf tithaddet daqs duttur tal-Knisja fuq it-Trinita, jekk imbaghad ma għandekx dik l-umilta tal-qalb, li biha biss tista’ togħġob lit-Trinita? Mhux il-kliem sabiħ, le, li jagħmlek qaddis; biss bit-tjieba tista’ tkun togħġob ‘l Alla. Aħjar inħoss ġo qalbi ndiema ta’ dnubieti, milli nkun naf infisser x’inhi l-indiema. Agħmel kont li taf bl-amment l-Iskrittura kollha u t-tagħlim tal-Għorrief: x’jiswielek dan kollu, jekk ma jkollokx l-imħabba u l-ħniena t’Alla? Frugħa tal-frugħat u kollox frugħa, barra milli wieħed iħobb ‘l Alla u lilu waħdu jservi. Taf liema hu l-akbar għerf? Li tixħet id-dinja wara spallejk, biex tista’ timxi lejn is-saltna tal-Ġenna.
4. Frugħa mela, li trekken ġid ta’ din id-dinja, u fih tqiegħed it-tama tiegħek. Frugħa, li tħabrek għall-unuri u għal xi post għoli. Frugħa, li tpaxxi u tikkuntenta lil ġismek u tfittex il-ġibdiet tad-dinja, biex imbagħad ikollok tpattihom qares. Frugħa, li tixtieq ħajja twila, mingħajr ma jimpurtak xejn jekk tkun qaddisa. Frugħa li ma taħsibx ħlief f’din il-ħajja, u mill-oħra xejn ma jimpurtak. Frugħa li tiġġerra wara l-ħwejjeġ ta’ did-dinja li bħal xejn igħaddu, bla xejn ma tqisha t-thennija ta’ dejjem.
5. Ġib spiss quddiem għajnejk il-kelmiet illi bil-ħars il-għajnejn qatt ma jimtlew, anqas il-widnejn bis-smigħ. Fittex mela ħoll qalbek mill-imħabba tal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u mlieha bl-imħabba tal-ħwejjeġ tad-dinja l-oħra. Għax kun af li dawk li jridu jqatgħu ix-xewqat tagħhom tad-dinja jkasbru r-ruħ tagħhom u jitilfu l-ħniena t’Alla.
KAP. II
Il-bniedem għandu jżomm ruħu ta’ ċkejken li hu.
1. Il-bniedem minnu nnifsu, dejjem jixtieq jaf: imma x’jiswa l-għerf waħdu mingħajr
l-imħabba t’Alla? Aħjar bniedem ta’ xejn u fidil lejn Alla minn wieħed għaref imma minfuħ bil-għerf tiegħu, li flok li jagħti daqqa ta’ għajn fuqu jħabbat rasu biex jara kif jitħarrku l-kwiekeb.
Min jagħraf sewwa lilu nnifsu, jsib li ma fihx ħlief ċokon, u ma jħobbx li jkun imfaħħar.
Agħmel kont li jien naf kulma fiha d-dinja: jekk jien ma jkollix l-imħabba, x’jiswieli dan il-għerf quddiem dak Alla, li għad jgħarbilni fuq il-għamil tiegħi?
2. Jekk tara li għandek ħrara żejda li titgħallem, għakkisha, għax din ixxeridlek l-Ispirtu
tiegħek, tagħmik. L-għorrief iħobbu bħalxejn juru ruħhom , u jkunu miżmumin b’għorrief; iżda hemm bosta ħwejjeġ li ftit jew xejn hemm bżonn li nkunu nafuhom. Ibleħ hu min jimpurtah wisq minn ħwejjeġ li ebda ġid għal ruħu ma jagħmlulu. Mhux bil-kliem wisq, le, nserrħu ruħna; il-ħajja tajba hi l-hena tal-moħħ; is-safa tar-ruħ hi dik li tista’ tnissel tama f’Alla.
3. Aktar ma taf ħwejjeġ sbieħ, aktar qalil ikun il-ħaqq li jsir minnek, ħlief biss jekk tkun
għixt ħajja tajba. Jekk inti tajjeb f’xi sengħa jew f’xi għerf, xejn la tintefaħ; anzi ibża’ jekk tara li taf wisq. Jekk daħallek f’moħħok li taf bosta ħwejjeġ u li tafhom tajjeb, ftakar li wisq aktar huma dawk li ma tafx.
Xejn la tiftaħar bil-għerf tiegħek, anzi dejjem stqarr li ma taf xejn. Kif għandek ħila tgħid li int egħref min ħaddieħor, jekk tant u tant jafu aktar minnek u jifhmu l-Liġi aħjar minnek? Jekk trid taf u titgħallem xi ħaġa għall-ġid, għandek tixtieq li ma tkunx magħruf, li tkun miżmum bħal ħaġa ta’ xejn.
Il-lezjoni l-aktar sabiħa u ta’ l-akbar ġid hi din: li tagħraf sewwa lilek innifsek, u tistma ruħek ta’ xejn. L-akbar għerf u l-akbar tjieba hi din: li ma tagħti xejn kont tiegħek innifsek, u tistma wisq lil oħrajn.
Jekk tara li xi ħadd waqa’ f’xi dnub kbir li jaf kulħadd, ma għandux jidħol f’rasek li int aħjar minnu; inti taf kemm għandek ħila ddum tajjeb? Aħna lkoll m’aħna xejn; imma għalik intant, qis li ma hawnx min hu debboli aktar minnek.
KAP III
Il-bniedem għandu jfittex li jitgħallem is-sewwa.
1. Inbierek dak il-bniedem li s-sewwa tgħallmu hu stess, tidhirlu sewwa kif inhi, u mhux b’xi mxibħiet, b’figuri u bi kliem li jgħaddi. Il-fehma mgħawġa ta’ moħħna u s-sensi tagħna spiss iqarrqu bina, għax ma jwasslux fil-bgħid. Issa x’iwitina li nkunu nafu ħwejjeġ moħbija u tqal li fuqhom Alla ma jċanfarniex nhar il-ġudizju, jekk ma nkunux nafuhom? Bluha, ġenn, li nixħtu wara spallejna l-ħwejjeġ tar-ruħ lit tant jaħtieġu, biex nitgħallmu ħwejjeġ kurjużi li forsi jkunulna ta’ ħsara! Sewwa sew bħal dak li għandu għajnejħ u ma jarax.
2. Issa x’jimpurtani mill-kwistjonijiet kollha tal-għorrief? Dak il-bniedem, li l- Verb
Etern jitkellem miegħu, xejn ma jfittixhom ħwejjeġ bħal dawn kollha frugħa. Minn dan il-Verb huma ġejjin il-ħwejjeġ kollha; kollox jagħti xhieda tiegħu; Huwa hu li bid-divinita tiegħu jitkellem ġewwa fina, u mingħajru la nistgħu nifhmu ebda ħaġa, anqas ingħidu xejn fuqha. Bniedem, li għalih Alla huwa kollox; li kulma jagħmel kollu jagħmlu għal Alla; li, f’kull ħaġa, jfittex jekk tistax togħġob ‘l Alla; bniedem hekk xejn ma jista’ għalih, qalbu dejjem bħala sur, u hu qatt ma jitlef il-paċi m’Alla.
O Alla, mela, li Inti l-istess Verita, agħmel li jien inkun haġa waħda miegħek,
bir-rabta ta’ karita eterna. Bosta drabi jiġrili li negħja naqra u nisma’; imma fik, fik, Sinjur, jinsab dak kollu li nixtieq. Quddiemek, jisktu, iddew, l-għorrief u l-ħlejjaq kollha, u tkellem miegħi Int waħdek.
3. Aktar ma wieħed iżomm ruħu miġbur u aktar ma jżomm qalbu maħlula mid-dinja aktar jista’ jifhem il-ħwejjeġ tas-sema; għax mis-sema jkun jirċievi d-dawl biex jifhem. Ruħ safja, maħlula minn din l-art u li timxi dejjem dritt, ma tixxerridx fi ħwejjeġ fiergħa, għalliex anzi kollox tieħu u tagħmel f’ġieħ Alla. L-istudju tagħha m’hux ħlief li traqqad ix-xewqat ħżiena.
Ngħiduha: x’inhu li jħawdek, u jħabbtek ħlief il-ġibdiet ta’ qalbek, li inti ma tagħrafx tgħakkishom? Min hu tajjeb, l-ewwel jiżen f’qalbu dak li għandu jagħmel. Ma jħallix li tagħilbu passjoni ħażina: imma jiżen egħmilu fil-keffa tar-raġuni tas-sewwa t’Alla.
Ma jingħatax kumbatt aqwa minn meta wieħed ikollu jirbaħ lilu nnifsu. Dan għandu jkun l-aqwa dmir tagħna li nirbħu lilna nfusna ħalli nsiru qawwija ġurnata aktar mill-oħra, u dejjem noktru fil-virtu.
4. F’din il-ħajja, kemm il-ħaġa hawn tajba, hi mħallta b’xi ftit tal-għawġ, u kemm raġunar nagħmlu, għalkemm jidhrilna li hu jkun kollu dawl, ikun fih, tibżax, xi ftit tad-dlam. Taf liema hi t-triq li twassalna dritt għand Alla? – Li nagħarfu lilna nfusna bl-umilta u mhux li ngħarblu wisq fuq il-għerf. Niftiehmu, mhux għax kieku t-tagħlim jew il-għerf ta’ xi ħwejjeġ fihom xi tgħid fihom infushom, meta wieħed jistudjahom skond il-qalb t’Alla: imma dejjem għandna nfittxu qabel xejn li l-kuxjenza tagħna tkun nadifa, u ħajjitna ta’ veri nsara. X’jiġrilhom x’uħud li aktar jistudjaw biex jitgħallmu l-għerf inkella biex ikunu nsara tajba? Li jaqgħu spiss f’xi erruri u ma jagħmlu ebda frott ta’ tjieba, jew wisq ftit.
5. Eh, jaħasra! Li kienu jħabirku biex jinżgħu minn xi vizzju u jilbsu l-virtu aktar milli jfittxu kwistjonijiet fiergħa, ma konniex naraw fid-dinja skandli daqs kemm naraw, u forsi forsi l-kunventi kienu jgħadduha aħjar ukoll.
Fil-ġurnata tal-ġudizzju, l-Imħallef ma jsaqsiniex xi qrajna, le, imma x’għamilna; anqas jekk tħadditniex sabiħ, imma jekk għexniex tajjeb. Għidli ħaġa, fejn huma l-lum dawk il-għorrief kollha, l’int smajt bihom u li tant kienu msemmijin għall-għerf tagħhom ? Illum oħrajn laħqu flokhom, u Alla jaf jekk jaħsbux aktar fihom. F’ħajjithom kienu jidhru xi ħaġa; illum ħadd ma jsemmilhom iżjed.
6. Eh, kemm igħaddi malajr il-kobor ta’ did-dinja! Mhux li kieku mxew f’ħajjithom kif kien jaqbel mal-għerf tagħhom! Għax hekk biss sata’ jiswielhom il-għerf u l-qari tagħhom. Kemm hawn nies fid-dinja li jintilfu għax jintefħu bil-għerf tagħhom, u ftit jimpurtahom li jservu ‘l Alla! Billi aktar ifittxu li jidhru kbar u għorrief jew li jkunu umli; fuq hekk jintilfu fil-ħsibijiet ta’ moħħhom. Kbir hu, min għandu mħabba kbira. Kbir hu min jara ruħu żghir, u xejn ma jagħti kont ta’ l-unuri tad-dinja. Għaref hu min il-ħwejjeġ ta’ din l-art iqishom bħala tajn, biex hekk jirbaħ lil Ġesu Kristu. Għaref hu min jixħet taħt riġlejh il-volonta tiegħu, biex jagħmel biss il-volonta t’Alla.
KAP. IV.
Il-bniedem għandu jimxi f’kollox bil-għaqal.
1. Ma għandniex nemmnu dak kollu li nisimgħu, u dak li jgħaddilna minn moħħna imma għandna nixtarru kollox quddiem Alla bil-għaqal u ż-żmien. Jaħasra għalina! Id-deni fuq l-oħrajn nemmnuh u ngħiduh aktar malajr mill-ġid. Kemm aħna debboli! Imma min hu sewwa, ma jemminx minnufih dak li jiġu jsefsulu; għaliex jaf li l-bniedem aktar miġbud lejn id-deni, u dak ilsienu bħalxejn iqassas.
2. La tagħmel ebda ħaġa bil-għaġla bla ma taħsibha, anqas tkun dejjem marbut biss mal-fehma tiegħek: dan hu veru għerf. Iżjed; ma għandekx temmen b’għajnek magħluqa kulma jgħidulek, anqas tmur twassal kulma tisma’ u kulma jidhirlek fuq egħmil in-nies.
Dejjem hu parir minn bniedem tajjeb, minn bniedem tal-kuxjenza, u agħmel kif jgħidlek hu, mhux kif idoqqlok moħħok. Taf għaliex? Għax min igħix tajjeb Alla jagħtih bosta dawlijiet u jagħmlu għaref: u aktar ma wieħed ikun mimli u marbut m’Alla aktar jikber fih il-għaqal u l-faraġ tar-ruħ.
KAP. V
Kif għandha tinqara l-Iskrittura.
1. Fl-Iskrittura mqaddsa għandna nfittxu l-Verita, mhux il-ġmiel ta’ kliem. Dan il-Ktieb divin għandu jinqara bl-istess spirtu li bih kien miktub. Infittxu fih il-ġid ta’ ruħna u mhux il-kliem sabiħ. Il-kotba tar-ruħ, għalkemm ikunu miktubin ħafif, għandna nieħdu pjaċir naqrawhom daqs kotba oħra ta’ xi għerf kbir.
Meta niġu biex naqraw xi ktieb, ma għandniex infittxu jekk l-awtur tiegħu kienx għaref jew le, biss l-imħabba tal-verita għandha ġġagħalna naqrawh. Ma għandniex infittxu min kitbu; biss naraw x’inhu li fih miktub.
Il-bnedmin igħaddu, jintemmnu; imma l-verita t’Alla tibqa’ għal dejjem. Alla jitkellem magħna b’bosta manjieri, bla ma jfittex wiċċ ħadd.
2. Aħna u naqraw l-Iskrittura bosta drabi l-kurżita tfikilna u ttelifna l-ġid meta rridu ngħarrblu sewwa u nifhmu s-sens ta’ ħwejjeġ, li għandna ngħaddu fuqhom ħafif ħafif. Jekk trid tagħmel ġid f’ruħek aqra bl-umilta, bil-fidi u b’qalb safja, u xejn la tirgħeb li tkun imsejjaħ għaref. Xejn la tiġik bi kbira li tieħu parir; u isma’ l-kliem tal-qaddisin bis-skiet, b’ġabra kbira. Il-kliem ta’ l-antiki ta’ min jisimgħu, għax il-proverbji tagħhom ma qalulhomx fuq xejn.
KAP. VI.
Fuq il-ġibdied ħżiena.
1. Malli wieħed jixtieq xi ħaġa imma b’xewqa ta’ barra mill-qies, minnufih qalbu titlef il-paċi tagħha. Il-kburi u x-xħiħ qatt ma għandhom kwiet; imma min hu umli u qalbu safja, dejjem hu f’paċi l-aktar kbira.
Min għadu ma mietx għalih innifsu, ma’ l-ewwel tentazjoni ta’ xejn, jaqa’. Min għandu ruħu debboli; min għadu ma rażżanx lil ġismu; min hu mogħti għall-pjaċiri, ibati wisq u wisq, sa ma jinfatam mix-xewqat ta’ din l-art; u hekk jirnexxilu li jsikkithom; tarah isir fonqla u għal kull ħaġa ta’ xejn jintilef jekk taħbat tmeriħ.
2. Jekk imbagħad jikkuntenta l-passjoni ħażina, minnufih il-kuxjenza tgħawwarlu qalbu għax mhux billi tikkuntenta l-passjoni sejjer issib il-paċi li kont tfittex. Jekk mela trid issib il-vera paċi,il-paċi tal-qalb, għandek trażżan ix-xewqat ħżiena, mhux taqa’ għalihom.
Il-paċi u l-hena, mela, ma jinsabux fil-qalb ta’ min iħobb lil ġismu, anqas ta’ min hu marbut ma’ did-dinja. Min igħix skond il-qalb t’Alla, u min iservih bil-ħrara, dawn għandhom il-vera paċi.
KAP. VII.
Fuq li ma għandniex inqiegħdu t-tama tagħna fi hwejjeġ qarrieqa u fiergħa.
1. Kemm hu sejjer imqarraq min iqiegħed it-tama tiegħu fil-bnedmin u fil-ħwejjeġ tad-dinja! Ma għandniex tiġik mistħija li sservi lill-proxxmu tiegħek minħabba f’Ġesu Kristu u li tgħaddi ta’ fqir min-nies. It-tama tiegħek la tqegħidhiex fik innifsek, imma f’Alla. Agħmel dak li tista’; Alla jwettaqlek ix-xewqat tajba tiegħek, la tibżax. Xejn la tafda fil-għerf tiegħek, anqas f’xi ħadd li jkun moħħu jilħaqlu; iżda itma’ dejjem fil-ħniena t’Alla, li jgħin lill-umli u jrażżan lill-kburi.
2. Xejn la timla’ rasek bil-ġid, jekk qatt int għani, anqas b’xi ħsieb li għandhom xi setgħa; iżda itma’ biss f’Alla, għax Hu tana kull ma għandna, u jixtieq fuq kollox jagħtina Lilu nnifsu.
La tintefaħx bis-saħħa jew bil-ġmiel ta’ ġismek;l-iċken marda tneħħilek saħħtek u tkerrhek; jekk inti tiswa għal xi ħaġa, jew rasek tilħaqlek; xejn titgħaxxaq bik innifsek; li ma tmurx tonqos ‘l Alla, li tak it-tajjeb li għandek.
3. La żżomx ruħek b’aħjar minn ħaddieħor; Alla li jifli l-qlub tal-bnedmin, għandu mnejn isibek agħar minn kulħadd. La tintefaħx bl-opri tajba li tagħmel, għaliex l-użin li bih jiżen Alla xejn ma jixbeħ lil tal-bnedmin; u , aktarx, dak li jogħġob lilna ma jogħġobx Lilu.
Jekk tara xi ħaġa tajba fik, dejjem għandek taħseb li l-proxxmu tiegħek hu aħjar minnek: u hekk tkun dejjem umli. Int ma titlef xejn jekk iżżomm ruħek b’anqas mill-oħrajn; imma titlef wisq jekk jidhirlek li int aħjar minn ħaddiehor.
F’qalb l-umli l-paċi ma taqta’ qatt; imma qalb il-kburi hi dejjem imħabbta bil-għira u bil-korla.
KAP. VIII.
Fuq li ma għandniex ninġibdu żejjed għal xulxin.
1. La tiftaħx qalbek ma’ kulħadd; biss afda ma’bniedem tal-għaqal li jibża’ mn’Alla. Qis li jkollok x’taqsam ftit maż-żgħażagħ u man-nies tad-dinja. Lill-għonja la tmellishomx żejjed, u xejn la tfittex il-ħbiberija tal-kbarat. Kun, iva, ħabib ma’ l-umli u ma’ min hu qalbu miftuħa, man-nies tar-ruħ u ta’ ħajja tajba: u qis li ma titħadditx magħhom ħlief fuq ħwejjeġ tar-ruħ. In-nisa żomm dejjem ruħek imbiegħed minnhom; imma mbagħad itlob ‘l Alla għat-tajbin kollha flimkien. Id-dħulija għandek tixtieqha ma’ Alla u ma’ l-Anġli tiegħu. Tixtieqx li tagħmilha żejjed man-nies.
2. Karita u mħabba għandu jkollna lejn kulħadd; Imma d-dħulija żejda ma għandniex x’irriduha. Bosta drabi jiġri li bniedem nistmawh sakemm inkunu nafuh fuq li jsemmu fuqu; meta mbagħad nagħmluha miegħu, drabi nsibuh xorta oħra. Drabi jidhrilna li billi nuru rwieħna spiss nagħtu gost lill-oħrajn bina; imma mbagħad x’jiġri? Li billi jarawna aktar mill-qorob, jibdew isibu d-difetti tagħna, u jarawna koroħ.
KAP. IX
Kemm hi ħaġa sabiħa l-ubbidjenza, u li tkun taħt ħaddieħor.
1. Kemm hi ħaġa sabiħa li tgħix taħt l-obbidjenza ta’ Kap, u li tagħmel dak li jgħidulek! Wisq aħjar tobdi milli tkun tikkmanda. X’uħud jobdu għax ma jistgħux jagħmlu ieħor, mhux għax iħobbu l-obbidjenza; il-kmand ta’ l-oħrajn igħajjihom, u għal ħaġa ta’ xejn igemgmu. Imma bħalhom dawn ma jistgħu qatt ikunu f’sikthom, jekk huma ma joqogħdux għal min hu fuqhom b’qalbhom kollha għall-imħabba t’Alla.
Iġri ‘l hawn u tqalleb ‘l hemm…ma ssib qatt il-paċi tal-qalb ħlief jekk tobdi f’kollox, u bl-umilta, lil min hu fuqek. Bosta wħud isibu ruħhom imqarrqin, billi jixtiequ jqallbu u jbiddlu, u jinsabu band’oħra milli fejn huma.
2. Tabilħaqq li l-bniedem iħobb jimxi skond il-fehma ta’ moħħu, u li hu aktar iħobb jagħmilha ma’ min jaħseb bħalu. Imma jekk Alla rriduh fostna, jeħtiġilna drabi ma nqisuhiex il-fehma tagħna, biex hekk ingawdu l-paċi.
Issa liema hu dak il-bniedem li jaf kollox sewwa? Tkunx mela marbut żejjed mal-fehmiet tiegħek, iżda idra isma’ l-kliem ta’ l-oħrajn. Jekk stess il-fehma tiegħek hi tajba, u int, biex tagħti gost ‘l Alla, tagħmel kif igħidlek ħaddiehor, oqgħod żgur li jkun jaqbillek aħjar.
3. Smajthom igħidu aktar minn darba li wisq aħjar tieħu parir jew tagħtih. Jista’ jintgħata wkoll li wieħed jaħseb tajjeb; imma min ma jridx jisma’ l-parir ta’ l-oħrajn meta għal xi ħaġa jkun jeħtieġ hekk juri ruħu jkun supperv u ta’ rasu iebsa.
KAP. X.
Fuq li għandna naħarbu l-kliem ta’ bla bżonn.
1. Aħrab kemm tista’ l-frattarijiet tad-dinja. Il-kumpanija tad-dinja ftit jew wisq tagħmel deni, avolja wieħed imur fiha b’fini tajjeb: għax il-vanita tħassrilna ruħna u tagħmilna lsiera. Kemm u kemm drabi nixtieq li ma ftaħtx fommi, li ma rajt lil ħadd.
Imma għaliex għandna tant ħrara li nitkellmu u nitħaddtu ma’ xulxin, la darba kemm kemm nistgħu niftħu fommna bla ma noffendu ‘l Alla? Aħna nħobbu wisq nitħaddtu, għax jidhrilna li b’hekk għandna nfarrġu lil xulxin; biex nidhu ftit lil moħħna għajjien u mixgħul b’bosta ħsibijiet; u għax nieħdu gost insemmu u nġibu quddiem għajnejna dawk il-ħwejjeġ li nħobbu jew nixtiequ.
2.Imma, jaħasra għalina! Dan xejn ma jiswielna, għax dan is-serħ ta’ barra jagħlaq il-qalb tagħna għas-serħ ta’ ġewwa, il-faraġ li jibgħat Alla; u għalhekk hemm bżonn li ma nitgħażżnux, li nitolbu, li ma noqogħdux battala ebda ħin.
Jekk imbagħad ikun xieraq u sewwa li nitħaddtu, nitħaddtu fuq ħwejjeġ tar-ruħ. Id-drawwa ħażina u dik li ma nħabirkux għall-ġid tar-ruħ, dawn iż-żewġ ħwejjeġ jaħtu li ma tantx inżommu lsienna. Imma mbagħad hu ta’ ġid kbir għal ruħna li nissieħbu flimkien, nitħaddtu fuq ħwejjeġ tar-ruħ, l-aktar jekk nixxierku flimkien b’qalb u fehma waħda kif irid Alla.
KAP. XI
Kif għandna naqilgħu l-paċi u ngħaddu ‘l quddiem fir-ruħ.
1. Li ma konniex nimlew rasna bil-kliem u bl-egħmil ta’ l-oħrajn, u bi ħwejjeġ li magħhom ma għandniex x’naqsmu, paċi kbira konna nsibu f’qalbna. Kif jista’ jkun kwiet min jindaħal fil-ħwejjeġ ta’ l-oħrajn; min jidhi ruħu fi ħsibijiet barranin; min darba fil-mitt sena jinġabar ġabra fih innifsu? Imberkin in-nies ta’ ftit ħsibijiet, għax paċi kbira jgawdu.
2. Għaliex x’uħud mill-Qaddisin tant għaddew ‘il quddiem fil-perfezjoni u fl-orazjoni?
Għax ma kinux ifittxu ħlief li jgħakksu fihom infushom ix-xewqat tad-dinja; u hekk marbutin b’qalbhom kollha m’Alla, kienu joqogħdu b’għajnejhom miftuħa fuqhom innifshom. Imma aħna lsiera tal-passjonijiet tagħna, ma nfittxux ħlief ħwejjeg fiergħa. Iżjed: drawwa hażina wisq rari naqtgħuha għal kollox, u xejn ma nqisu li dejjem ingħaddu ‘l quddiem fit-tjieba; u għalhekk dejjem nibqgħu berdin u kesħin.
3. Li konna mmutu sewwa għalina nfusna, u ma nitgħabbewx bi ħwejjeġ barranin kieku nistgħu nduqu xi ftit mill-ħlewwiet tas-sema li xxerred fil-qalb il-ġabra tar-ruħ. L-aktar li jfixkilna (anzi l-aqwa tfixkila) hu li m’aħniex meħlusin mill-passjonijiet u mix-xewqat ħżiena, u li xejn ma nfittxu li naqbdu t-triq it-tajba tal-qaddisin: u għandna wkoll, li meta nsibu ruħna fl-iċken għawġ, minnufih naqtgħu qalbna, u tarana dlonk irridu s-sabar minn għand bnedmin bħalna.
4. Li konna b’kuraġġ nilqgħulu l-għadu tagħna, bħala suldat qawwi, kieku minnufih naraw il-għajnuna t’Alla tinżel fuqna mis-sema, għax Hu qiegħed lest biex igħin ‘il dawk li jikkumbattu u jitimgħu fih. Anzi Hu stess idaħħalna fit-tiġrib, imma biex imbagħad noħorġu rebbiħin.
Jekk indaħħlu f’moħħna li l-perfezjoni tinsab miġbura f’dit-tjieba ta’ barra biss, ħajja qasira jkollha t-tjieba tagħna. Imma le; naħsdu ħasda mill-għerq u xogħol ta’ darba, ħalli ninżgħu mill-passjonijiet tagħna, u jkollna paċi f’ruħna.
5. Li konna neqirdu mqar vizzju wieħed fis-sena, kieku f’qasir żmien insiru perfetti. Imma x’insibu aktarx, jekk sewwa ngħarblu lilna nfusna? Li fil-bidu tal-konversjoni tagħna konna wisq aħjar u aktar indaf mil-lum, li ilna taparsi s-snin mexjin fit-triq tat-tjieba. Il-ħrara tagħna u t-tjieba mela għandna nqisu li kull jum joktru; imma llum ikollu xorti kbira min għandu mqar sehem żgħir minn dil-ħrara. Nagħmlu mela li nbatu mqar ftit sa nirbħu lilna nfusna, u mbagħad ‘il quddiem kollox jiġina ħafif, anzi ħelu.
6. Jiġina tqil li ninfatmu minn xi ħaġa li nkunu mdorrija biha; imma jiġina itqal imbagħad immorru kontra l-volonta tagħna. Imma jekk ma għandekx ħila tirbaħ ħwejjeġ żgħar u ħfief, trid tirbaħ il-kbar? Jekk għandek mela xi ġibda ħażina, ilqgħilha minn kmieni, u fittex inża’ wkoll minn xi drawwiet ħżiena, għax imbagħad jiġrilek li jkakruk fi ħwejjeġ ikbar. Ah! Li kont taf x’paċi ssib ruħek fiha, u kemm tferraħ lill-oħrajn, jekk timxi dejjem dritt! Int kont żgur tħabrek aktar li tgħaddi ‘l quddiem fil-perfezjoni.
KAP.XII.
Il-gwaj jiġi fuqna għall-ġid tagħna
1. Ġid iservina, li kultant jinqalgħilna xi għawġ, xi salib, għax bihom il-bniedem jaħtieġlu jidħol ġewwa fih innifsu, u hemm jintebaħ li f’din id-dinja hu eżiljat u ma jibqax jitma’ iżjed f’ebda ħaga ta’ dina l-art. Gid tagħna wkoll li nixorbu xi ħaġa kontra qalbna, u li f’moħħ in-nies inkunu miktubin ħażin jew mhux tajjeb sa barra, avolja l-egħmil u l-ħsibijiet tagħna jkunu tajba. Dan kollu jservi biex jagħmilna umli, biex ma nintefhux bina nfusna. Meta d-dinja żżeblaħna, meta ma nkunux miżmumin b’tajbin, aħjar għalina, għax infittxu ġewwa fina ‘l Alla b’xhud tajjeb tagħna.
2. Ghaldaqstant jaħtieġlu l-bniedem jirtabat tant tajjeb m’Alla, li ma jkollux bżonn kull waħda jfittex is-sabar minn għand il-bnedmin. Meta bniedem ta’ qalb tajba jigih xi salib, jew tentazjoni, jew xi ħsibijiet ħżiena, hemm iħoss li aktar għandu bżonn t’Alla; għax jara li mingħajru ebda ħaġa tajba ma jista’ jaghmel. Tarah jitnikket, jolfoq u jitlob għall-bżonnijiet li fihom jinsab. Tarah jixba’ minn ħajtu, jixtieq imut, bi ħrara kbira li ruħu tinħall minn ġismu, ħalli tirtabat ma’ Kristu. Hemm fl-aħħarnett jara u jistqarr, li did-dinja ma tagħtix u la thennija u la kwiet.
Kap. XIII.
Fuq li għandna nilqgħu lit-tentazjoni
1. Sakemm ingħixu fuq din l-art ma nistgħux ingħaddu bla slaleb u tentazjonijiet, u għalhekk fil-ktieb ta’ Ġobb hemm miktub:“il-Ħajja tal-bniedem fuq l-art ma hix ħlief tentazjoni.’’ Għalhekk mela hemm bżonn li kulhadd jagħmel għassa għat-tentazjonijiet tiegħu u jitlob lejl u nhar, ħalli d-demonju ma jista’ qatt iqarraq bina. Dal-għadu ma jorqod qatt, anzi jdur u jiġġerra jfittex lil min jibla’. U ħaġ’oHra; ma jingħatax ebda bniedem perfett u qaddis, li kultant ma tiġiħx xi tentazjoni, u ma jistax ikun li ngħixu mingħajrhom għal kollox.
2. B’dan kollu, it-tiġrib bosta drabi hu ta’ ġid lill-bniedem, għalkemm ta’ tfixkil kbir; għax jagħmilna umli, isaffina u jgħallimna. U l-Qaddisin kollha ma għaddewx ’il quddiem fit-tjieba u l-perfezjoni b’dawn is-slaleb u t-tentazjonijiet? Dawk imbagħad, li ma għarfux jilqgħu lit-tentazjonijiet, tfixklu u tħawdu għal kollox. U kun af li ma hemm ebda stat, għalkemm ta’ qdusija, ebda lok, għalkemm imwarrab u moħbi, li fihom ma tiltaqax ma’ slaleb u tfixkil.
3.Ħadd minna ma jista’ jgħid, dment li għadu ħaj: `‘Jien ma jistgħux għalija t-tentazjonijiet’’; għax għandna fina nfusna x’jiġbidna għalihom minħabba li tnissilna fil-ħtija. Anzi kif tħallina tentazjoni jew xi salib, minnufih jinqala’ l-ġdid u dejjem ikollna x’iħabbatna, x’inbatu, la darba tlifna l-hena tagħna ewlenija.
Bosta wħud jidhrilhom li għandhom jaħarbu s-slaleb, imma mbagħad x’jiġrilkom? Li aktar isibuhom ma’ wiċċhom. Mhux min jaħrabhom mela, le; imma jsir qawwi kontra l-egħdewwa kollha min jissaporti t-tiġrib bil-paċenzja u bl-umilta.
4. Min ma jqisx ħlief il-qoxra ta’ barra, bla ma jaħsadhom mill-għerq, ftit jiswielu; anzi t-tentazjonijiet aktar malajr jiġu fuqu, u b’qawwa akbar. Bil-ftit il ftit bil-paċenzja, bil-qalb it-tajba, u bil-ghajnuna t’Alla fuq kollox, aktar tirbaħ it-tentazjonijiet, milli kieku tissaħħan fuqhom u tmur b’moħħok li b’hekk tirbaħ. Meta tkun tentat, fittex dejjem min jagħtik xi dawl, u ma’ min hu maħqur bit-tentazjoni la tkunx aħrax; anzi farraġlu qalbu kif irid lilek innifsek.
5. Il-bidu tat-tentazjonijiet il-ħżiena kollha taf x’inhu? Li wieħed ma jkunx sod fil-fehmiet tiegħu, u li jkollu tama żgħira f’Alla. Kif bastiment bla tmun il-mewġ iħabbtu ‘l hawn u ‘l hemm, hekk bniedem li l-proponimenti tiegħu m’humiex sodi, f’bosta xorti jiġi tentat.
Kif in-nar iġarrab il-qawwa tal-ħadid, hekk it-tentazjoni tikxef min hu bniedem tajjeb. X’jiġifieri? Li aktarx ma nafux kemm nifilħu; imma t-tentazjoni turi x’niswew.
Għandna fuq kollox noqogħdu b’għajnejna miftuħa, l-aktar fil-bidu tat-tentazjoni. Il-għadu nirbħuħ aktar malajr jekk ma nħalluħx jidħol mill-bieb ta’ moħħna ‘l ġewwa. Mill-għatba ‘l barra, malli jħabbat, nilqgħu. U għalhekk kellu raġun igħid dak il-għaref; `‘Ilqa’ mill-ewwel; jekk il-mard jilħaq jidħol ‘il ġewwa, id-duwa ftit li xejn tkun tiswa iżjed.’’
Infatti, kif jitnisslu t-tentazjonijiet? – L-ewwel igħaddilna, hekk, ħsieb ħażin minn moħħna, imbagħad nibdew nieqfu fuq dak il-ħsieb, imbagħad nibdew nieħdu gost bih, wara ftit tinbet xewqa hażina, u fl-aħħar nispiċċaw biex nagħtu widen. Jiġri mbagħad li d-demonju jibda jidhħol minn kullimkien, la darba ma lqajniħx mill-ewwel. U aktar ma wieħed jitgħażżen jerħilu jsir debboli minn ġurnata għall-oħra, u l-għadu aktar isir qawwi fuqu.
6. L-aktar tentazjonijiet qawwija lil x’uħud jiġuhom fil-bidu tal-konversjoni tagħhom; lil x’uħud fl-aħħar. Hemm oħrajn imbagħad li ħajjithom kollha tentazjoni waħda. Hemm ukoll uħud li jiġu tentati ħafif. Kollox imma skond il-għerf t’Alla, li kollox iqassam sewwa; li jiżen l-istat u l-merti tal-bnedmin; u s-slaleb li jibagħtilna jkunu meqjusin għas-salvazjoni tal-magħżulin tiegħu.
7. Ma għandniex mela naqtgħu qalbna meta nkunu tentati, anzi bi ħrara akbar għandna nitolbu ‘l Alla ħalli jgħinna f’kull hemm, li fih inkunu ninsabu: Infatti jgħid San Pawl, li Hu ma jħallix li nkunu tentati aktar milli nifilħu. Mela meta nkunu tentati jew imħabbtin, inqisu li numiljaw rwieħna taħt idejn Alla, għax Hu jsalva u jgħolli lill-umli.
8. Fit-tentzjonijiet u fis-slaleb jidher sewwa kemm ġie ‘l quddiem il-bniedem. Bihom ukoll jaqla’ merti ikbar, u l-virtu tiegħu aktar issir tiddi. Għax, kos, ingħiduha: xejn m’hu għaġeb li bniedem ikun tajjeb u kollu ħrara għal-liġi t’Alla, jekk ma jkollu xejn x’ifixklu: imma jekk hu jkollu tentazjonijiet, u jsofrihom bil-paċenzja, hemm tama kbira li t-tjieba tiegħu aktar tikber.
X’uħud joħorġu rebbiħin mit-tentazjonijiet qawwija, u fil-ħfief ta’ sikwit iħallu li d-demonju jirbaħhom, biex hekk jumiljaw rwieħhom, li ma jafdawx f’ħilithom fit-tentazjonijiet qawwija, la darba fi ħwejjeġ żgħar bħalxejn jaqgħu.
KAP. XIV.
Ma għandniex naħsbu ħazin fl-oħrajn.
1.Għajnejk żommhom miftuħa fuqek innifsek, u la toqgħodx tagħmel il-ħaqq minn egħmil l-oħrajn. Min jaħseb ħażin fuq ħaddieħor, iħabbat moħħu għal xejn, aktarx ifallilu u ftit jew wisq jidneb. Imma min jagħti daqqa ta’ għajn u jgħarbel lilu nnifsu, dejjem jirbaħ, u ma jitħabatx għal xejn.
Ħaga jidhrilna li hi tajba jew ħażina, fuq li nkunu naħmluha jew le; għax l-imħabba tagħna nfusna tagħmina, u ma tħalliniex naraw il-ħaġa kif imissna. Li konna nagħmlu fehma li tabilħaqq irridunogħġbu ‘l Alla, ma konniex nitħawdu għal kull ħaġa li fiha ħaddiehor ma jaqbilx magħna.
2. Bosta drabi wkoll ikun hemm xi imma ġo qalbna, jew forsi barra minna li ssaħħnilna demmna. Bosta wħud, f’dak li jagħmlu, ifittxu, bla ma jafu, il-pjaċir tagħhom infushom, u huma anqas jindunaw. Tarahom kollha ħenjin meta kollox ikun għal qalbhom u kulħadd joqogħdilhom; imma jekk ħaġa ma toħorġilhomx kif iridu, tarahom jiddejqu minnufih u jsewdu qalbhom. Fejn ma hemmx ftehim, jinqala’ ġlied u lwiem, bejn il-ħbieb, il-ġirien, u sa bejn il-patrijiet u n-nies tajba.
3. Drawwa ħażina ma tinqatax bla tbatija u ħadd ma jieħu gost joqgħod għal fehmiet ħaddieħor. Jekk inti aktar tafda fil-fehma u l-ħila tiegħek, milli trid toqgħod għal li jgħallimna Ġesu Kristu, rari jkollok dawlijiet mis-Sema; u jekk ikollok, biż-żmien twil, u bit-tbatija. Għaliex Alla jridna nkunu soġġetti lejh, u li l-ħrara ta’ l-imħabba tkun tegħleb fina d-dawl tal-moħħ tagħna.
KAP. XV
Fuq l-opri tal-karita.
1. Għal ebda ħaġa tad-dinja, u għal ebda maħluq, ħaġa ħażina ma għandna nagħmluha; imma għall-ġid ta’ min hu fil-bżonn jaħbat xi drabi opra tajba tħalliha, billi b’daqshekk tkun tagħmel f’lokha ħaġa aħjar. B’daqshekk ma tkunx inqast mid-dmir tiegħek, imma tkun bdilt dik l-opra f’waħda aħjar. Mingħajr l-imħabba, l-egħmil ta’ fuq il-qalb ma fih ebda mertu. Imma kulma nagħmlu għall-imħabba jkun ta’ ġid għal ruħna, mqar ikun ftit u żgħir, għaliex Alla ifittex x’inhu li jġagħalna nagħmlu l-opri tajba, jew kemm nagħmlu.
2. Jagħmel wisq min iħobb wisq; u jagħmel ħafna min l-opra jagħmilha sewwa. Jagħmel tajjeb min aktar ifittex il-ġid tal-proxxmu, jew dak li tixtieq qalbu. Bosta drabi jidhrilna li l-karita ġġagħalna nagħmlu opri tajba, waqt li jkunu ħwejjeġ aktarx li nħossu ġibda lejhom; għax wisq drabi fl-opri tajba li nagħmlu, tidhol il-ġibda tagħna bħala bnedmin, jew xi fehma ta’ moħħna, jew xi tama li nitħallsu tagħhom jew xi xewqa ta’ tpaxxija.
3. Min iħoss il-vera karita f’qalbu, xejn ma jqis lilu nnifsu imma jixtieq li kollox isir f’gieħ Alla biss. Bniedem hekk ma jghir għal ħadd, għax hu ma jfittixx il-ġid tiegħu biss; u anqas ma jrid jitgħaxxaq bih innifsu, imma jixtieq jithenna f’Alla fuq kull ġid ieħor. Il-ġid ma jafux minn ebda bniedem, imma biss u kollu kemm hu minn għand Alla, li minnu, bħala għajn ifawwar il-ġid kollu, u li Fih il-Qaddisin kollha kemm huma jsibu l-mistrieħ ta’ qalbhom. Eh! Min kellu mqar xrara biss tal-vera karita! Kieku l-ħwejjeġ kollha ta’ din l-art ma konniex inqisuhom ħlief frugħa.
KAP. XVI
Għandna nieħdu paċenzja bid-difetti ta’ l-oħrajn.
1.Id-difetti li wieħed ma jistax isewwi fih jew fl-oħrajn għandu jeħodhom bis-sabar sakemm Alla jikkmanda xort’oħra. Ġib quddiem għajnejk li dawk id-difetti huma forsi għall-aħjar tiegħek, biex Alla jipprova l-paċenzja tiegħek; għax mingħajr il-paċenzja l-merti tagħna ftit li xejn jiżnu. B’dan kollu inti għandek tibqa’ titlob ‘l Alla jagħtik il-għajnuna tiegħu, ħalli tiflaħ tarfa’ dawn id-difetti bil-paċenzja.
2. Min twiddbu għal darba, tnejn, u ma jridx jisma’, la tislithiex miegħu, imma erħi kollox f’idejn Alla, biex fis-servi tiegħu jsir kollox kif irid Hu għall-gieħ tiegħu. Alla jaf ibiddel il-ħażin f’tajjeb. Idra mela ħu paċenzja bid-difetti ta’ l-oħrajn, b’kulma jaqgħu fih, għax int ukoll, kos, għandek bosta difetti li oħrajn ikollhom jitqannew bihom. Jekk ma tistax tbiddel lilek innifsek kif tixtieq, b’liema mod trid li ħaddieħor ikun skond ma titlob qalbek? Lill-oħrajn irriduhom perfetti, u mbagħad id-difetti tagħna xejn ma nħabirku biex neqirduhom.
3. Infatti jidhrilna li l-oħrajn għandhom jinżgħu għal kollox mid-difetti tagħhom, u fuq tagħna nagħalqu għajnejna. Ma naħmlux naraw li l-oħrajn ikollhom xi ftit tal-liberta, imma mbagħad Alla ħares xi ħadd jiċħdilna xi ħaġa milli nitolbu. Lill-oħrajn irriduhom marbutin bi kmandamenti u obbligi, u għalina ma rridux ħlief ħlewwa u xi komma wiesgħa.
Issa dan kollu mnejn hu ġej? Milli aktar infissdu lilna nfusna jew nagħdru lill-proxxmu tagħna. Imma ngħiduha; issa li kulħadd kien perfett, kieku fiex ikollna nieħdu paċenzja bl-oħrajn għall-imħabba t’Alla?
4. Għaliex, għandek taf, Alla qassamha hekk,biex nitgħallmu nerfgħu t-tagħbija ta’ xulxin: u għalhekk ħadd ma hu bla difett, ħadd bla toqol fuq spallejħ, ilkoll għandna bżonn tad-dawlijiet ta’ xulxin; u għalhekk hemm bżonn li wieħed jagħder, isabbar, igħin, igħallem u jwiddeb lil sieħbu. Il-ħila ta’ kull wieħed minna tidher sewwa f’xi gwaj jew għawġ. U la tifhimx li t-tentazjonijiet għandhom iwaqqgħu lill-bniedem: imma juru kemm jista’ jlaħħaq.
KAP. XVII.
Fuq il-ħajja fil-kunventi.
1. Jekk trid tgħix bil-paċi u bil-ftehim ma’ l-oħrajn, jaħtieġlek titgħallem tiksirha miegħek innifsek f’bosta ħwejjeġ. Mhix ħaġa żgħira, le, għal min igħix f’kunvent jew f’komunita, li ma jkollu x’igħid qatt ma’ sħabu u li josserva r-regola sa mewtu. Imbierek hu dak ir-reliġjuż li jgħix tajjeb fil-kunvent u jispiċċa ħajtu b’wiċċ il-ġid. Jekk trid mela tgħix tajjeb u tgħaddi ‘l quddiem fil-perfezjoni, għandek iżżomm ruħek bħala passiġġier fuq din l-art; u hemm bżonn ukoll li ssir ibleh għal Kristu, jekk trid tgħaddi ħajja ta’ veru reliġjuż.
2. Iċ-ċoqqa u ċ-ċirka taħsibx li huma kollox, le; huwa veru reliġjuż min ibiddel ħajtu u jgħakkes għal kollox il-passjonijiet tiegħu. Mill-bqija min ifittex ħwejjeġ oħra barra minn Alla u mis-salvazjoni ta’ ruħu ma jsibx ħlief taħbit u għali: u ma jistax igħix fil-hena u l-paċi min ma jqisx li jkun l-iżgħar wieħed fost l-oħrajn, u li joqgħod għal kulħadd.
3. Ftakar li fil-kunvnet dħalt, mhux biex tagħmilha ta’ kap, iżda biex isservi, ftakar li int kont imsejjaħ biex tbati u titħabat mhux biex toqgħod b’idejk marbuta titħaddet ma’ dan u ma’ dak. L-imġieba tiegħek hawn ġew mela tikxef sewwa x’int u x’m’intix, bħalma n-nar jikxef is-safa tad-deheb, għax ebda bniedem ma jista’ jgħix hemm ġew jekk b’qalbu kollha u tabilħaqq ma jkunx irid igħakkes il-fehmiet tiegħu għall-imħabba t’Alla.
KAP. XVIII.
Fuq l-eżempju tal-qaddisin.
1.Ħares, ħares ftit lejn l-eżempji tal-Qaddisin, li fihom kienet tiddi l-vera perfezjoni u tjieba u għandek issib li dak li nagħmlu aħna huwa wisq ftit ħdejn tagħhom, u qisu xejn. U x’inhi l-ħajja tagħna, jekk inqisuha ma’ tagħhom? Il-qaddisin u l-ħbieb ta’ Kristu servew dejjem ‘l Alla, b’ġuħ u għatx, bard u għera, taħbit u tbatija, sahriet u sawm, talb u meditazjonijiet, persukuzjonijiet u żebliħ.
2. Kemm taħbit raw l-Appostli, il-Martri, il-Konfessuri, il-Verġni u dawk kollha li mxew fuq il-passi ta’ Kristu! Bagħdu r-ruħ tagħhom fid-dinja, biex jistgħu jgawduha fil-ħajja ta’ dejjem. U l-Eremiti?…X’ħajja mġebbda u qalila għaddew fid-deżert! X’tentazjonijiet twal u qliel għaddew minnhom! Kemm inkihom u ħaqarhom il-għadu! Kemm talb imħeġġeġ kienu sikwit jagħmlu lil Alla! Kemm sawm aħrax samu ! Kemm kellhom ħeġġa u ħrara għas-salvazjoni ta’ ruħhom! Kemm kellhom jitħabtu biex irażżnu l-vizzji tagħhom. U b’liema rabta kienu marbutin m’Alla, b’qalbhom u moħħhom! B’inhar jaħdmu u jitħabtu, u l-lejl igħaddu nofsu fit-talb. Frattant avolja waqt ix-xogħol ta’ b’inhar, kienu wkoll jagħmlu orazjoni, għax moħħhom kien biss f’Alla.
3.F’kull ħin ħajjithom, ġid kienu jagħmlu; is-sigħat li jgħaddu m’Alla, kienu jarawhom malajr igħaddu; u tant ħlewwa kbira kienu jħossu fl-orazjoni, li kienu drabi jinsew li l-ġisem ma jgħaddix mingħajr ikel. Kienu jagħalqu qalbhom għal kull ġid, dinjita, unuri, ħbieb u qraba; mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja xejn ma kienu jixtiequ, bil-kemm kemm kienu jixtiequ dak li jaħtieġ għall-ħajja; u sa jixtiequ li kieku jistgħu jgħaddu mingħajr xi ħwejjeġ ta’ din l-art, imma għonja u għonja wisq fil-grazja u fil-virtu,. Minn barra kienu neqsin minn kollox, imma minn ġewwa kienu msoqqijin u mxebbgħin bil-grazzja u bil-ħlewwiet t’Alla.
4. Mad-dinja kienu bħallikieku barranin; imma m’Alla kienu bħala ġirien, bħala ħbieb tal-qalb. Imżebilħin minn kulħadd, lilhom infushom kienu jarawhom bħallikieku xejn, imma f’għajnejn Alla kienu bil-wisq egħżież u maħbubin. Ħajja kollha kemm hi umilta vera u obbidjenza l-aktar kbira, kienu f’kollox iġibu ruħhom bl-imħabba u l-paċenzja, u għalhekk kienu kuljum igħaddu ‘l quddiem fit-tjieba, mogħnija minn Alla bi ħniniet
kbar. Xejn mela ma hi ħaga kbira jekk ħajjithom ġiet imħollija b’eżempju lir-reliġjużi u dan l-eżempju għandu aktar iħeġġiġna li nitjiebu, milli kieku l-eżempju tal-berdin iħajjarna nitgħażżnu.
5. Kbira kienet il-ħrara tar-reliġjużi kollha, għall-ewwel li bdiet ir-regola tagħhom. X’devozjoni waqt it-talb tagħhom B’liema ħrara kienu jfittxu li jgħaddu wieħed lill-ieħor fit-tjieba! X’ġabra u xi kwiet ġewwa l-kunvent! B’liema rispett u obbidjenza kienu josservaw ir-regola: il-ftit li nsibu miktub fuqhom, jixhdilna kemm tabilhaqq kienu qaddisin u perfetti, ladarba ħadmu bil-ħila tagħhom kollha biex jirbħu d-dinja. U llum jarawha kbira min ma jiksirx ir-regola jew jarfa’ bil-paċenzja x-xogħol li daħal għalih.
6. Wara dan kollu, m’hux għajb għalina tant berdin u bla kont, li nsejna hekk malajr il-ħrara ta’ l-ewwel żmien? Ġejna fi stat, li minħabba fit-toqol tal-passjonijiet u l-bruda ta’ qalbna nistmerru l-ħajja. Ħija, nixtieqlek b’qalbi kollha li ma tibridx fik il-ħrara tal-virtu, wara li kellek bosta eżempji ta’ niex qaddisin.
KAP. XIX.
Kif għandu jqassam ħajtu r-reliġjuż.
1. Il-ħajja ta’ reliġjuż tajjeb għandha tiddi bir-virtu kollha, biex minn ġewwa tkun taqbel ma’ ma dak li jidher minn barra. Anzi jekk irridu nitħaddtu sewwa, aktar għandha tkun imqaddsa minn ġewwa, milli tidher minn barra; għaliex Alla hu dak li jiżinna: u lil Alla għandna nagħtuh qima wisq kbira kulfejn inkunu; u għandna nġibu ruħna quddiemu sew bħal Anġli. Hemm bżonn mela li kuljum inġeddu l-proponimenti tagħna, dak li Lilu wegħdna fil-professjoni, u li aktar ninxegħlu bi ħrara kbira li nservuħ, bħalikieku llum għadna ikkonvertejna lejh, u ngħidulu: “Ghinni, Sinjur, f’dal-proponiment tajjeb tiegħi; għinni, ħalli nista’ nservik; tini grazzja li llum nibda ngħix tajjeb, għax dak li għamilt s’issa għadu m’hu xejn’’.
2. Ngħaddu ‘l quddiem fit-tjieba, daqs kemm il-proponiment tagħna jkun sod; u min irid
tabilħaqq igħaddi ‘l quddiem jaħtieġlu joqgħod dejjem b’għajnejħ miftuħa. Infatti, jekk avolja min għamel proponimenti qawwija, bosta drabi jaqa’, x’isir minnu dak li jagħmel proponiment bierda u darba f’tant? Bosta mbagħad huma l-ħwejjeġ li jġagħluna nitbiegħdu mill-proponimenti tajba tagħna, u jekk biss inħallu waħda mill-opri tajba tagħna, ħaġa kbira biex fina ma tiġrix xi ħsara. Imma l-proponimenti tar-rwieħ tajba aktar huma marbutin mal-ħniena t’Alla, milli ma’ xi għerf tagħhom bħala bnedmin; billi t-tama tagħhom hija dejjem fih, ikun li jkun ix-xogħol li jaqbdu f’idejhom. “1I-bniedem jaħseb ħaġa, u Alla oħra:’’ u mnejn għandu jgħaddi l-bniedem, m’hux f’idejħ.
3. Jekk xi darba nħallu waħda mill-opri tajba tagħna ta’ kuljum, għal xi devozjoni, jew biex nagħmlu ġid lil ħutna, ma tkunx ħaġa tqila li npattu minn wara. Imma jekk inħalluha għal xejn b’xejn għax ma jkollniex qalb, jew għax nittraskuraw; hawn tidħol il-ħtija u ‘l quddiem inħossuha l-ħsara. Avolja noqogħdu fuq tagħna kemm nistgħu, f’bosta ħwejjeġ niżolqu xi żelqa. Dejjem mela għandna nagħmlu xi proponimenti tajba, l-aktar kontra dawk il-ħwejjeġ li l-iżjed ifixkluna. Għandna wkoll nistudjaw u nrażżnu tajjeb lilna nfusna minn barra u minn ġewwa, jekk irridu niġu ‘l quddiem fit-tjieba.
4. Jekk ma tistax tinġabar ġewwa fik innifsek kull ħin, idħol daħla għall-anqas darba kuljum, filgħodu jew filgħaxija. Filgħodu agħmel xi proponimenti tajba u filgħaxija ara x’għadda minn għalik mal-ġurnata f’dak li hu kliem, egħmil u ħsibijiet, għax forsi f’dawn it-tliet ħwejjeġ tkun offendejt bosta drabi ‘l Alla u lill-proxxmu. Arma ruħek bħala gwerrier kontra l ħażen tad-demonju; u l-ewwelnett tagħmilx għal żaqqek biex tista’ aktar bla tbatija trażżan u traqqad il-ġibdiet ħżiena tal-ġisem. U ħaġ’ohra wkoll: qatt la toqgħod bla ma tagħmel xejn, imma idha f’xi ħaġa; aqra, ikteb, agħmel orazzjoni, immedita jew agħmel xi ġid għall-proxxmu. Dak li hu mbagħad tgħakkis tal-ġisem, wieħed għandu jimxi bil-għaqal; u anqas għandu kulħadd jidħol għaliħ xorta waħda.
5. Dawk l-opri tajba li ma għandhomx isiru flimkien ma għandniex għax nagħmluhom fejn nidhru; dawk li huma devozzjonijiet ta’ kull wieħed, isiru aħjar ġewwa ċ-ċella bil-magħluq. Iżda ma għandikx titgħażżen f’li għandu jsir minn kulħadd u bieżel għad-devozzjoni li huma għal qalbek; jekk jibqagħlek xi ftit tal-ħin, wara li tkun għamilt dak li int marbut għaliħ, inġabar waħdek, u ikkuntenta d-devozzjoni tiegħek kif tixtieq qalbek.
Opra waħda ma tistax tgħodd għal kulħadd; wieħed tiswa għaliħ aktar din u l-ieħor dik; u skond il-ġurnata li tkun, opra tajba forsi tkun tixraq aktar minn oħra: waħda aktar issir sewwa nhar ta’ festa, u oħra fost ix-xogħol. Xi opri naħtieġuhom waqt li nkunu tentati, u oħrajn meta jkollna l-paċi tal-qalb. Xi ħwejjeġ għandna nġibuhom quddiem għajnejna meta nkunu f’xi dwejjaq, u oħrajn meta jkollna l-hena t’Alla fuqna.
6. Fil-festi kbar għandna nġeddu l-opri tajba, u nitolbu bi ħrara qawwija l-għajnuna tal-Qaddisin. Minn festa sa oħra mbagħad għandna nħejju ruħna bi proponimenti tajba, sewsew bħallikieku sejrin inpartu minn did-dinja, biex imorru ngawdu l-festa eterna. Għaldaqstant fiż-żmenijiet egħżież, għandna nħejju ruħna aktar bil-qalb, inqisu li d-devozzjoni tagħna tkun akbar u li nosservaw ir-regola aktar bir-reqqa, bħallikieku wasalna biex nirċievu minn għand Alla l-ħlas tax-xogħol tagħna.
7. Jekk imbagħad lil Alla jogħġbu jagħtina għomor aktar, imissna ngħidu li mela ma konniex imħejjin sewwa, u li għad ma tisħoqqilniex dik il-glorja li għad tiddi fina fiż-żmien miktub mn’Alla, u nħabirku li nlestu aħjar għal dis-safra. Hemm miktub fl-Evanġelju ta’ S. Luqa. “Mbierek dak ix-xrik, li meta jiġi s-sid, isibu jgħasses. U jien nagħtikom kelma, li dan jerħilu f’idejħ il-ġid tiegħu kollu.’’
KAP XX
Għandna nħobbu l-ġabra u s-skiet
1. Sib xi ħin li fih tista’ toqgħod waħdek, miġbur fik innifsek, u aħseb spiss fuq il-ġid li Alla jagħmillek. La tkunx kurjuż fuq ħwejjeġ ta’ xejn. U aqra ħwejjeġ li aktar jistgħu inisslulek indiema, jew inkella li jimlewlek moħħok. Jekk taħrab il-kliem ta’ bla bżonn, u l-ġiri ‘l hawn u ‘l hemm, jekk ma toqgħodx isseksek u tistaqsi x’ġara u x’ighidu n-nies; issib, tibżax, żmien biżżejjed, biex tagħmel meditazzjoni. Għax l-aktar Qaddisin kbar kienu jagħmluha man-nies mill-anqas li jistgħu: il-hena tagħhom filli jservu ‘l Alla fis-skiet.
2. Qal wieħed għaref: “Kemm-il darba noqogħdu npaċpċu bla bżonn. Għax aktar jaħbat ma titkellem xejn, jew li titkellem u ma toħroġlokx xi kelma żejda: aktar jista’ jkun li toqgħod miġbur id-dar jew li tiġġerra mat-toroq, u tagħmel għassa tajba fuqek innifsek. Mela min fi ħsiebu jgħix ħajja tar-ruħ, ħajja tal-qalb, jaħtieġlu jwarrab minn ħdejn in-nies u jinġabar ma’ Ġesu Kristu. Trid, meta toħroġ barra, ma tidnibx? Idra ħobb oqgħod id-dar, — Trid, meta titkellem, ma tiżbaljax? Idra żomm ilsienek. – Trid tkun kap tajjeb? Kun af oqgħod għal ħaddiehor. – Trid tkun taf tikkmanda sewwa? Tgħallem obdi sewwa.
3. Sakemm fit-tgawdija tagħna ma jidħol ebda dnub, hemm bżonn li jkollna xhieda tal-kuxjenza safja. Infatti l-qaddisin kienu dejjem qalbhom qawwija, għax kellhom il-biża’ t’Alla. Frattant b’dana kollu kienu dejjem umli u attenti magħhom infushom , ghalkemm fihom kienu jiddu l-aqwa virtujiet, u l-grazzja t’Alla kienet magħhom infushom, qalbhom qawwija bis-suppervja tagħhom: fl-aħħar din tqarraq bihom u jsibu ruħhom fix-xejn. Int mela, ħija, qatt ma għandek tgħid: “Jiena! Ma naqax!’’ avolja jidhirlek li int reliġhuż tajjeb u tħobb il-ġabra.
4. Bosta drabi dawk li huma miżmumin bl-aħjar bnedmin sabu ruħhom imdenlin f’xagħra, minħabba filli kienu jittamaw wisq fihom infushom. Għal x’uħud mela huwa wisq aħjar li t-tentazzjonijiet ma jħalluhomx għal kollox, imma li kultant juruhom; u hekk dejjem igħassu fuqhom infushom li ma jintefħux bihom infushomn, u ma jfittux is-sabar tagħhom fi ħwejjeġ ta’ din l-art. Oh kemm iżomm il-kuxjenza tiegħu nadifa min ma jfittix qatt il-hena tad-dinja; min mad-dinja qatt ma jkollu x’jaqsam! Kemm igħix kwiet u kuntent min ikeċċi minn moħħu l-ħsibijiet kollha battala, min jaħseb biss fil-ħwejjeġ t’Alla u tar-ruħ, min iqiegħed it-tama kollha tiegħu f’Alla biss.
5. Il-paċi tas-smewwiet ma tinżilx ħlief f’dik il-qalb li dejjem titnikket bl-indiema. Jekk trid imbagħad li qalbek tħoss l-indiema, idħol ġewwa kamartek, u warrab minnek il-ġibdiet kollha ta’ din l-art, bħalma tgħid l-iskrittura. `Aħsbuha bejnkom u bejn ruħkom fuq is-sodda tagħkom.’ Dak li ssibux barra ssibuh ġewwa ċ-ċella. U ċ-ċella, aktar ma toqgħod fiha, aktar issibha għal qalbek: imma jekk tħalliha waħidha, tibda biex tixba’ minnha. Jekk fil-bidu tal-konversjoni tiegħek għammart ġewwa fiha, dejjem bejn dawk l-erba’ ħitan, int ma ssir tħobb xejn iżjed minnha u fiha ssib il-hena tiegħek.
6.Fis-skiet u l-ġabra wisq ġid tagħmel lir-ruħ, titgħallem il-għerf mistur ta’ l-Iskrittuta, u xxerred wied tad-dmugħ, li bil-lejl jaħsilha u jnaddafha; u hekk aktar ma tkun bogħod mill-ħsejjes tad-dinja, tista’ aktar tindehes u tinħabb mal-Kreatur tagħha. Mela min jingħżel minn niesu u ħbiebu, Alla bl-anġli jiġi jgħammar miegħu.
Aħjar toqgħod magħluq taħseb għal ruħek, jew inkella tinsa lilek innifsek u tagħmel il-mirakli. Jagħmel wisq tajjeb dak ir-reliġjuż li joħroġ mill-anqas, li ma jħallix min jarah; li anqas tant ifittex li jara n-nies.
7.Ħwejjeġ li ma jistgħux ikunu tiegħek għala tħares lejhom? Id-dinja u x-xewqat tagħha fix-xejn jispiċċaw. Ix-xewqat tal-ġisem ma jservux ħlief biex iġagħluna niġġerrew ‘l hawn u ‘l hemm: imma mbagħad x’jibqgħalna ħlief tinġiż fir-ruħ, ħlief tixrid f’qalbna? Bosta drabi noħorgu, qalbna se ttir bil-ferħ, u nidħlu qalbna sewda; u jekk ingħaddu lejla fit-tgawdija, l-għada fil-għodu nisbħulek bi swied il-qalb. It-tpaxxija mela tal-ġisem toqrob lejna mlellxa u kollha ħlewwa; imma tispiċċa biex tigdem u toqtolna. Issa kulma tara bnadi oħra, li minnhom huma magħmulin il-ħwejjeġ kollha tad-dinja.
8. Liema ħaġa hi, mis-sema ‘l isfel, li ma tintemmx? Forsi jidhirlek li għandek ixxabba ‘l ruħek, issibilha l-hena tagħha; imma jfallilek. Agħmel kont li tara kulma fiha d-dinja; xi tkun rajt, ħlief frugħa? Arfa’, arfa’, mela, għajnejk lejn Alla fis-smewwiet, u itolbu maħfra ta’ dnubietek, tal-ħtijiet tiegħek. Il-ħwejjeġ fiergħa Hallihom għall-boloh: int biss iftaħ għajnejk għal dak li jikkmandak Alla. Agħlaq biebek u sejjaħ lil Kristu maħbub tiegħek biex jiġi ħdejk: għammar miegħu ġewwa ċ- ċella għax żgur li band’oħra ma ssibx paċi hekk ħelwa. Li ma kont qatt ħriġt minn hemm ġew biex tisma’ l-ħafna għajdut tad-dinja kieku tinsab fl-aktar paċi kbira; imma la darba kont tieħu gost tisma’ ħwejjeġ ġodda, x’għaġeb li qalbek ħassejtha mħabbta?
KAP XXI
Fuq li għandna nħossu qalbna niedma
1. Jekk trid tgħaddi ‘l quddiem fit-triq tat-tjieba, żomm dejjem ruħek fil-biża’ t’Alla, la tafdax Zejjed fik innifsek, għix mar-regola, u la tintelaqx għall-għors bħall-boloh. Nissel qalbek l-indiema; u tibżax, tkun devot. L-indiema hija l-muftieħ ta’ bosta ġid, illi l-bruda ttellifhulna.
2. Jaħasra għalina! Aħna ftit li xejn inħabbtu rasna fuq in-nuqqas tagħna bla xejn ma nħabirku għas-salvazzjoni ta’ ruħna, fil-waqt li jmissna nibku u mhux nidħku. Bosta drabi meta jmissna nibku, naqbdu nidħku bħall-boloh!
Ma tingħatax vera liberta’ u veru ferħ ħlief fil-biża t’Alla msieħeb ma’ kuxjenza tajba. U għalhekk, imbierek min ikeċċi l-ħsibijiet kollha fiergħa, li jfixklu, u jinġabar ġewwa fih innifsu bl-indiema! Imbierek min jixħet wara spallejh dak kollu li jista’ jtaqqallu jew itebbagħlu l-kuxjenza tiegħu
Ikkumbatti dejjem ta’ veru suldat; drawwa ħażina bi drawwa tajba tinqered. U jekk għandek ħila taħrab id-dinja u n-nies tagħha, tibżax; huma jħalluk ukoll tagħmel li għandek tagħmel.
3. La tindaħalx fi ħwejjeġ ta’ l-oħrajn, u timliex rasek bl-affarijiet tal-kbarat. L-ewwel ma għandu jimpurtak minnek innifsek; u qabel ma twissi lill-ħbieb tiegħek wissi lilek innifsek. Xejn teħodha bi kbira, jekk tara li ma intix miġjub min-nies fuq l-idejn; għandek tagħli li ma għandekx dik il-ġabra u dak il-għaqal li jixraq lil min hu serv t’Alla, lil min hu reliġjuż.
Bosta drabi jaħtilna aħjar, li jkollniex x’ifarraġna żejjed. L-iktar fil-ħwejjeġ ta’ din id-dinja. Imma mbagħad hi ħtija tagħna., jekk qalbna ma tiġi qatt imsoqqija bil-ħlewwiet tas-sema, jew darba fit-tant; u dana ġej milli ma nfittxux l-indiema, u milli ma għandniex ħila nagħalquha għal kollox għall-hena ta’ hawn isfel.
4. Dejjem għid: `Ma ħaqqnix li Alla jżurni bil-hena tiegħu, imma b’xi salib.’ Min huwa tabilħaqq niedem, kulma hawn fid-dinja jiġih morr u jdejqu. U min huwa tajjeb, isib dejjem fuqhiex jibki u jisgħobbih sewwa, jaħseb fuqu nnifsu, u sewwa fuq il-proxxmu tiegħu, isib li ħadd ma hu mingħajr slaleb fid-dinja; anzi aktar ma jaħseb tajjeb fuqu nnifsu, aktar isib fuqhiex jitnikket. Ghandna biex qalbna tuġagħna u titnikket, jekk inġibu quddiem għajnejna dnubietna u l-vizzji tagħna. Fihom ninsabu mixħutin u mgħargħrin tant ikreh, li wisq darba fit-tant iħalluna niftakru fil-ħwejjeġ tas-Sema.
5. Jekk aktar taħseb fil-mewt milli taħseb li tgħix ħajja twila, int żgur aktar tikkonverti bil-ħrara. Iżjed; jekk timmedita fuq it-tbatijiet ta’ l-infern jew tal-purgatorju, int ma ssir titmeżmeż mill-ebda tbatija, mill-ebda wġigħ, u ma tkun tibża’ minn ebda qilla. Imma billi dawn il-ħsibijiet igħaddu ħafif ġo moħħna, u billi aktar inħobbu nitpaxxew, nibqgħu dejjem berdin u għażżenin.
6. Bosta drabi taf mnejn hu ġej li qalbna tkun bierda għall-indiema? – Min-nuqqas tad-devozzjoni. Itlob ‘l Alla bl-umilta kollha, li jmisslek hu lil qalbek, ħalli fiha titnissel l-indiema; u għid mal-profeta (David) “Mulejja, itmagħni l-ħobż tal-biki, u isqini d-dmugħ, kollox bil-ħafna.’’
KAP. XXII.
Fuq li għandna nifhmuha tajjeb li m’aħna xejn.
1. Tmur fejn tmur, u kull fejn iddawwar wiċċek, ma ssibx fih ħlief għawġ, barra milli jekk iddur lejn Alla. Għala teħodha bi kbira meta ħaġa ma tiġikx kif tixtieq qalbek? Huwa, min jisfagħlu kollox kif irid hu? U la jien, u la int, u ebda bniedem tad-dinja. U ħaġa oħra: f’din id-dinja ħadd ma hu mingħajr xi salib, mingħajr xi dwejjaq, imqar hu Sultan jew Papa. Taf min hu l-aħjar bniedem u l-aktar ixxurtjat? Min ibati xi ħaġa għall-imħabba t’Alla.
3. Issib x’uħud, boloh u rashom fiergħaigħidulek: `Dak ħej! Dak igħaddiha tajjeb! Dak għani, ras kbira, bis-setgħa f’idejħ, fuq kulħadd, x’jonqsu?’ Imma intu ħu f’idejk il-miżien tas-Sema, u ssib li dal-ġid kollu tad-dinja ma hu xejn; anzi ssib li kollu telfien u tfixkil; għax min għandu dan il-ġid, x’aktarx li b’qalbu ttaqtaq li jitilfu. Imbagħad il-bniedem mhux billi jkollu bosta ġid ikun kuntent: it-triq tan-nofs hi biżżejjed u ma hemmx isbaħ minnha. Mill-bqija, meta tgħid ħajja tal-bniedem, tkun qed tgħid wied id-dmugħ.
Aktar ma l-bniedem irid igħaddi ‘l quddiem fit-tjieba, aktar din il-ħajja tiġih tqila u morra, għax aktar jifhimha u aktar jara biċ-ċar ix-xejn tiegħu u kemm huwa xejn il-bniedem u kemm hi żgħira ħiltu. Għax, ingħiduha, din li hu jaħtieġlu jiekol, jixrob, jishar, jorqod, jistrieħ, jitħabat u jħabrek għall-bżonnijiet l-oħra tal-ġisem, m’hix miżerja kbira? U lil min hu devot, min irid igħix maħlul u meħlus mid-dnub, ma sservihx ta’ tfixkil?
3. Il-bżonnijiet tal-ġisem mela wisq itaqqluh lill-bniedem tar-ruħ f’din id-dinja. U għalhekk il-profeta kien jitlob bil-qalb li kieku jiġi meħlus minnhom, u jgħid: `Minn dan it-tfixkil eħlisni, Mulejja!’ Imma ħażin għalih min għadu ma għarafx il-miżerja tiegħu; u gwaj akbar għal min iħobb din il-ħajja kollha miżerja u mard. Imbagħad x’uħud tant jagħmew warajha, li kieku kienu jistgħu jgħixu għal dejjem fuq din l-art, qatt ma kienu jaħsbu fil-ħwejjeġ t’Alla: u frattant bit-taħbit tagħhom kollu u bit-tisfiq ta’ wiċċhom ma għandhomx aktar milli jeħtieġu.
4. Boloh! Imġienen! Tant huma marbutin ikreh mal-ħwejjeġ ta’ l-art, li ma jafux itiegħmu ħaġ’oħra ħlief il-ġibdiet tal-ġisem. Imma fl-aħħar għad jaraw tajjeb, imsejknin! Kemm tabilħaqq kien xejn u inqas minn xejn dak li huma ħabbew.
Il-qaddisin t’Alla u l-veri ħbieb ta’ Kristu qatt ma fittxew dak li jogħġob lill-ġisem, anqas dak li jlellex fid-dinja! Imma t-tama u l-ħsibijiet tagħhom kienu dejjem kollha fil-ħwejjeġ eterni, ix-xewqat tagħhom kienu biss lejn is-sema, għal dawk il-ħwejjeġ li qatt ma jintemmu, li l-għajn ma tarahomx; biex ma jiġrix li l-imħabba tal-ħwejjeġ li naraw fid-dinja tkarkarhom ‘l isfel. Hekk int ukoll mela, ħija, qatt la tidha tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba, issa li għandek iż-żmien.
5. Għala tħalli mil-lum għal għada biex tagħti ruħek ‘l Alla? Stenbeh, rodd salib għal wiċċek ibda darba għal dejjem u għid “Issa l-waqt li naħdem, li nikkumbatti, li nbiddel ħajti.’’ Meta tinsab imdejjaq u msallab, dak ikun għalik il-waqt li taqla’ l-merti quddiem Alla.
Sa ma tistaħja u tistrieħ, jaħtieġlek, qabel xejn, tgħaddi minn ġon-nar u l-ilma. Mela jekk ma tinkix lilek innifsek, ma tgħakkisx ebda vizzju. Dment li ruħna miksija b’dan il-ġisem debboli, mid-dnubiet ma neħilsux u lanqas ħajjitna ma tista’ tgħaddi lixxa bla għali. – Nafuha: ilkoll kieku nixtiequ li neħilsu minnha dil-miżerja tagħna ta’ bnedmin li aħna; minħabba fid-dnub, tlifna l-innoċenza, u tlifna magħha l-vera tgawdija. Mela nitqannew billi ninsabu fih, nieħdu paċenzja, nistennew il-ħniena t’Alla: sa jispiċċa għalina l-ħażen ta’ din id-dinja; sakemm mill-mewt ingħaddu għall-ħajja.
6. Kemm hi kbira d-debbulizza tal-bniedem! Kemm hu miġbud għall-vizzji! Illum tqerr dnubietek, u għada tarġa’ taqa’ filli tkun qerrejt. Issa twaħħal f’moħħok li ma għandekx tagħmel dik il-Haġa, wara siegħa tagħmilha bħallikieku mhux int kont għamilt proponiment. Għandna mela għax numiljaw rwieħna: għandna għax inżommu ruħna bi ċkejknin: kollox jiksirna, u ma’ kull riħ induru. U iżjed; ġid li nkunu għamilna f’ruħna b’tant tbatija bil-għajnuna t’Alla, nitilfu f’daqqa ta’ għajn, minħabba fli nintelqu u nitgħażżnu.
7. x’ikun minn fl-aħħar tal-ħajja, jekk nibdew minn issa nkunu berdin? Gwaj għalina jekk jidħlilna f’moħħa li ma għandniex għax nibżgħu u nserrħu moħħna, bħallikieku ma hemmx iżjed tentazzjonijiet u taħbit għalina. Jaħasra għalina! Forsi lanqas sinjal ta’ qdusija ma tinsab fil-konversjoni tagħna! Forsi kien ikun aħjar għalina nerġgħu nroddu salib għal wiċċna u nibdew inbiddlu ħajjitna, bħala novizzi tajbin, biex hekk inqisu ngħaddu dejjem iżjed ‘il quddiem fit-tjieba ta’ ruħna.
KAP XXIII
Fuq li għandna naħsbu fil-mewt
1. Tinsiex ma ddumx, le, ma tasallek is-siegħa tiegħek. Ara mela x’jiġifieri bniedem; illum hawn, għada ma hux; u kif ma jarawhx iżjed,minnufih jintesa. Oh, x’għama u x’ebusija fil-qalb tal-bniedem? Tara biss tal-lum, u f’li għad jiġri ma taħseb xejn. Fl-egħmil u fil-ħsibijiet tiegħek għandek iġġib ruħek bħalikieku illum l-aħħar ta’ ħajtek!
Li l-kuxjenza tiegħek kienet tajba, ma kontx tibża’ daqshekk mill-mewt. Aħjar għalik tibża’ mid-dnubiet, jew mill-mewt. Jekk m’intix lest għall-mewt illum, kif trid tkun lest għada? Għada ma tafx x’ikun minnek u mbagħad fejn taf jekk għada jkunx tiegħek?
X’jiswielna li ngħixu ħajja twila, jekk imbagħad ħajjitna ftit inbiddluha? Mhux kull min igħix ħajja twila, le, ibiddel ħajtu għall-aħjar; anzi aktarx iżid mal-qatta tad-dnubiet. Eh! Li konna nafu ngħixu tajjeb imqar ġurnata waħda biss f’din id-dinja! Bosta wħud igħoddu s-snin mindu biddlu ħajjithom; imma min jaf jekk għamlux fihom frott tajjeb? Il-mewt tbażża’ tabilħaqq; imma min jaf jekk ingħixu aktar, ikunx deni għal ruħna? Imbierek mela min iżomm dejjem il-mewt quddiem għajnejh, u jħejji dejjem ruħu għall-mewt. Qatt rajt min imut? Ftakar li int ukoll għad tgħaddih dak il-pass.
2. Fil-għodu agħmel kont li ma twassalx sa fil-għaxija; u fil-għaxija xejn la timla rasek li ssebbaħ. Kun mela lest dejjem u għix ħajja tajba li l-mewt ma tiġix fuqek għal għarrieda, bla ħsieb ta’ xejn. Ħafna jmutu sobtu; jiġifieri meta `Bin il-bniedem jiġi f’ħin li ma jkunux jobsru bih.’ X’ħin tasal fuqek dik l-aħħar siegħa tiegħek, ħajtek l-imgħoddija tibda taraha wisq xort’oħra mil-lum, u jibda jisgħobbik jekk tkun għixt bla kont u għal rajk.
4. Kemm igħaddiha tajjeb u kemm hu tal-għaqal min iqis igħix bħalma kieku jixtieq li jinsab f’mewtu! Trid ikollok tama kbira li tmut tajjeb? La tqisha xejn id-dinja; nissel xewqa qawwija li tgħaddi ‘l quddiem fil-virtu; kun attent għall-ħwejjeġ tar-ruħ; għakkes lilek innifsek, oqgħod għas-superjur tiegħek, iċħad ix-xewqat ta’ qalbek u arfa’ s-salib għall-imħabba ta’ Kristu. Dment li inti b’saħħtek, wisq ġid tista’ tagħmel għal ruħek; imma la timrad, ma nafx x’tilħaq tagħmel. Ftit bil-mard isiru aħjar! bħalma ftit issibhom isiru qaddisin fost dawk li jduru wisq min naħa għall-oħra.
5. Fi ħsiebek u qrabatek xejn la titma, u għal dak li hu salvazzjoni ta’ ruħek la tħallix minn ġurnata għall-oħra; għax in-nies tafx kemm jinsewk malajr! Aħjar taħseb għal rasek il-lum li għandek iż-żmien, u tibda taħseb għal quddiem mil-lum b’xi opra tajba, milli titma’ fl-għajnuna ta’ l-oħrajn. Jekk ma taxħsibx il-lum għalik innifsek, min tridu jaħseb fik ‘il quddiem? Eh! kemm jiswa ż-żmien li hu f’idejna. Dan hu ż-żmien tas-salvazzjoni tagħna, dan hu ż-żmien wisq mogħġob quddiem Alla.
6. Stenbaħ, mela, nisrani ħija, u ara minn liema Gwaj u minn liema biża’ tista’ teħles ruħek, jekk inti tgħix dejjem b’għajnejk miftuħa, u tiftakar spiss fil-mewt. Ħajtek għandha tkun li waqt mewtek aktar ikollok għax tibda tgħix ma’ Kristu. Tgħallem issa armi kollox wara spallejk, biex f’mewtek tista’ ttir għall-ħdan ta’ Kristu bla ebda tfixkil. Għakkes issa lil ġismek bil-penitenza, biex f’mewtek it-tama tiegħek ma tfallilekx.
7. Kemm int tassew bla għaqal tmur b’moħħok li ser tgħix ħajja twila waqt li m’intix żgur ta’ ġurnata waħda! Kemm u kemm sabu ruħhom imqarrqin hekk, u mietu bla ħsieb! Ma smajthiex darba u tnejn; Dak miet maqtul b’sejf; dak miet imgħarraq; dak waqa’ mill-għoli u kisser rasu; dak miet waqt l-ikel; dak li kien jilgħab u baqa’ hemm. – Min imut maħruq, min bl-armi, min bil-pesta, min maqtul mill-ħallelin. F’kelma waħda, kulħadd jispiċċa bil-mewt, u l-ħajja tal-bniedem tgħaddi f’għamża bħal dell.
8. Min se jiftakar fik wara mewtek? Min jitlob għalik? Aħdem, aħdem, mela ħija, aħdem kemm tista’, għax ma tafx meta għandek tmut, u lanqas taf x’isir minnek wara mewtek. Issa li għandek iż-żmien, rekken u iġbor teżori li ma jintemmux. La tħabbatx moħħok ħlief għas-salvazzjoni tiegħek; u ma għandux jimpurtak ħlief mill-ħwejjeġ t’Alla. Agħmel ħbieb tiegħek il-Qaddisin t’Alla, billi tkun devot tagħhom, billi tqassam ħajtek fuq ħajjithom.
9. Fid-dinja, kun bħala wieħed passiġġier li jgħaddi l-erbat ijiem tiegħu f’art barranija, jiġifieri la timliex rasek bil-ħwejjeġ ta’ din l-art. Żomm lil qalbek safja u merfugħa lejn Alla, għax hawn ma hux qgħadek ta’ dejjem. Kuljum itlob, olfoq u xtieq il-ġenna, biex ruħek tkun tista’ wara l-mewt tittajjar għal ħdan Alla.
KAP XXIV
Jum il-ħaqq għall-midinbin
1. F’kulma tagħmel, ftakar f’mewtek. Ġib quddiem għajnejk li għad trid tidher quddiem Imħallef tal-ħaqq, li għaliħ xejn m’hu moħbi. Imħallef, li ma ddawrux b’rigali, u lanqas, skużi, ma tgħaddiħ bi tkewtil; imma jagħmel il-ħaqq minnek bis-sewwa. O midneb, kemm int ta’ min jibkik għall-ġenn
tiegħek! X’fi ħsiebek twieġbu lil dak Alla, li jaf bid-dnubiet tiegħek, int li tibża’ tarfa’ għajnejk lejn wiċċ ta’ bniedem imqarras? Għaliex mela ma tibdiex taħseb minn issa għall-ġurnata tal-ġudizzju? Dak in-nhar ma ssibx min jaqbeż għalik u jgħattilek; imma kulħadd ikollu l-piż tiegħu nnifsu x’jarfa’ u jkun biżżejjed għaliħ. Issa l-ħidma tiegħek tkunlek ġid; issa l-biki tiegħek jiswielek: issa l-ilfiq tiegħek mismugħ, u l-indiema ta’ qalbek tista’ tpatti għal dnubietek u ssaffilek ruħek.
2. Min jieħu paċenzja, qisu jagħmel il-purgatorju tiegħu f’din id-dinja. Jekk iniggżuħ bi lsienhom, aktar jagħti għall-ħażen ta’ min offendieħ, jew għax lilu iddisprezzawħ; jitlob għal min iweġġagħlu qalbu, u min qalbu jaħfirlu talli naqsu; bħalxejn jitlob maħfra lil sieħbu, aktar malajr milli jinkorla; spiss jinki lilu nnifsu billi jitgħakkes f’li jixtieq il-ġisem. Aħjar nitnaddfu issa minn dnubietna u naqtgħu d-drawwiet ħżiena, milli nħallu li nitnaddfu minnhom fid-dinja l-oħra. Imma aħna nqarrqu bina nfusna għall-imħabba żejda tagħna nfusna.
3 Għidli dak in-nar x’għandu x’jaħraq ħlief dnubietek? Aktar ma tikkuntenta lilek inifsek u lil ġismek, wisq aktar ikollok xi tħallas għaliħ ‘il quddiem, u wisq aktar ħatab għan-nar issaqqaf għalik. Dawn il-ħwejjeġ li fihom aktar jidneb il-bniedem aktar jikkastigat fihom. Il-berdin fil-ħwejjeġ t’Alla jiġu mniġġzin minn kullimkien binġieġeż mikwija; dawk li jagħmlu għal żaqqhom ibatu għatx u ġuħ klubi; id-diżonest u dawk li jfittxu l-pjaċiri jkunu mħargħrin qalb iż-żift jagħli u l-kubrit jinten; il-għajjurin jingħu bl-uħigħ bħal klieb irrabjati.
4 Hemm, kull vizzju jkollu t-turment tiegħu. L-imkabbrin jaraw kull żebliħ, u x’xħaħ ibatu l-aktar għaks kbir. Siegħa waħda mit-tbatija ta’ hemm tkun tiżen aktar minn mitt sena ta’ l-aktar penitenza kbira f’din id-dinja; l-indannati ma għandhom l-ebda mistrieħ, ebda faraġ, hawn għall-inqas it-tbatija taqta’ kultant, u wieħed jinsa ftit id-dwejjaq tiegħu jiftaħ qalbu mal-ħbieb.
Ħabrek mela issa għal ruħek u indem minn dnubietek biex nhar il-ġudizzju tista’ tgħodd ruħek mat-tajbin. Dak in-nhar it-tajbin joqodgħu b’wiċċhom minn quddiem dawk li ħaqruhom u żebilħuhom. Dan in-nhar, jagħmel il-ħaqq min, fuq din l-art, qagħad għall-ħaqq li għamel minnu ħaddieħor. Dak in-nhar il-fqajjar u l-umli jersaq b’tama kbira, u l-kburi mbażża’ u mkexkex minn kollox.
5. Hemm jidher biċ-ċar kemm kien għaref fid-dinja min kien jgħaddi ta’ ibleħ għall-imħabba ta’ Kristu. It-tbatija li wieħed ikun bata thennilu qalbu; imma l-ilsna ħżiena jitbikkmu u jeħdlu. Ir-ruħ tajba tithenna; u jaqsam qalbu min ma jkunx jifraħ billi tgħakkes f’din il-ħajja, milli kieku għaddieha bit-tpaxxijiet. Il-libsa tal-fqajjar issir tiddi, u tal-għani tikfes. Aktar jaqla’ tifħir is-setaħ tal-fqir mill-palazzi ndurati. Aktar tiswielu l-paċenzja li qatt tilef, milli s-setgħa ta’ din id-dinja.
6. Dak in-nhar tferrħek kuxjenza tajba u nadifa mill-għerf kollu ta’ l-art. Aktar ikun jiswielek id-disprezz ta’ l-għana kollu. Aktar tfarraġ qalbek x’ħin tiftakar li tlabt bid-devozzjoni, milli tgħaxxaqt b’ikel tajjeb. Aktar tifraħ jekk tkun żammejt ilsienek, milli jekk tkun tkellimt żejjed. L-opri tajba jkunu jiswew aktar mill-kliem sabiħ. Aktar tkun togħġob il-ħajja mgħakksa mill-pjaċiri kollha ta’ din l-art.
Tgħallem mela bati l-ftit ta’ hawn, jekk trid teħles mill-qilla ta’ hemm. Idra ipprova hawn jekk għandekx ħila ssofri f’din id-dinja l-oħra. Jekk il-ftit ta’ din l-art ma għandekx ħila tissaportih, kif trid tissaporti turmenti li ma jispiċċaw qatt? Jekk illum, malli wieħed imerik f’ħaġa ta’ xejn demmek jixgħel, x’fi ħsiebek tagħmel meta tħaġġeġ ġewwa n-nirien ta’ dejjem? Għax, ftakar li ma mistax imissek ħlief waħda minn dawn it-tnejn; jew titpaxxa f’din id-dinja, jew tithenna fl-oħra ma’ Kristu.
7. Issa jekk qatt imissek li tmut dalwaqt, sobtu, għidli, x’jiswielek li tkun għaddej ħajtek sal-lum fl-unuri u t-tpaxxija? Kollox mela frugħa, barra milli tħobb ‘l Alla u lilu waħdu sservi. Għaliex min b’qalbu kollha jħobb ‘l Alla, u la jibża mill-mewt, u la min-nirien ta’ dejjem, u la mill-ġudizzju, anqas mill-infern, għax il-vera mħabba t’Alla twasslek żgur fil-ħdan tiegħu. Imma min ma jitbegħidx mid-dnubiet, x’għaġeb li jibża’ mill-mewt u mill-ġudizzju?
Madankollu jiswielek illi, ma tħajrikx l-imħabba, għall-inqas iġġagħlek tikkonverti l-biża’ ta’ l-infern. Imma min ma jridx jaf bil-biża’ t’Alla, ma jistax ikun li jkollu riżq fl-etenita; għaliex jaqa’ aktar malajr fix-xbiek tad-demonju.
KAP XXV
Fuq li għandna bi ħrara kbira nbiddlu l-ħajja tagħna kollha
1. Servi dejjem ‘l Alla bi ħrara kbira u bil-ferħa, u aħseb spiss fuq dawn iż-żewġ ħwejjeġ:
X’ġejt nagħmel hawn? (f’kunvent). U għalfejn ħallejtha d-dinja? – Mhux biex tgħix għal Alla, u tgħaddi ħajja tar-ruħ?
Qis mela li tħaddi dejjem ‘l quddiem fit-tjieba, għax ma ddumx ma titħallas għat-tbatijiet tiegħek; fl-aħħar ta’ ħajtek ma jkunx hemm iżjed lok ta’ biża’ u ndiema. Tabilħaqq li jaħtiġlek titħabat ftit hawn; imma wara ssib il-mistrieħ u l-hena ta’ dejjem.
Jekk inti ma teħdiex isservi ‘l Alla bil-ħrara, Alla ma jonqosx iħallsek bil-bosta. Żomm dejjem tama ħajja fih, li sa fl-aħħar għad titħallas, bla ma timla rasek żejjed li inti qiegħed tajjeb, li ma tibdiex tibred jew tintefaħ bik innifsek.
2. Ċertu wieħed kien jinsab bejn in-nar u l-ilma – il-biża’ mill-banda l-waħda u t-tama mill-oħra. Darba waħda fid-diqa tiegħu, mar fi knisja u nxteħet wiċċu fl-art quddiem altar jagħmel orazzjoni. Beda jtalla’ u jniżżel bejnu u bejn ruħu u jgħid: `Oh! Li kont naf jekk nibqax inżomm qawwi sal-aħħar!’ Minnufih sama’ din ir-risposta li tah Alla ġewwa qalbu: `Issa li inti kieku dan tafu, x’kont tagħmel? Agħmel issa dak li kont tagħmel li kieku tafu; u ma għandekx għax tibża’’. Qalbu mimlija, bil-ħlewwa u kollu mwettaq reħa ruħu f’idejn Alla, u ma baqax iżjed imħabbat. Neħħa wkoll minn rasu din il-kurżita żejda li jrid jaf x’għad ikun minnu. Biss kien ifittex liema huma l-ħwejjeġ li jistgħu jogħġbu ‘l Alla, biex b’kulma jagħmel jibda tajjeb u jispiċċa aħjar.
3. Jgħid il-Profeta: `Itma f’Alla u agħmel is-sewwa, u għammar fuq din l-art u tpaxxa bil-ġid tagħha.’ Ħaġa waħda hemm li tfixkel bil-bosta wħud fit-triq tas-sewwa, u żżommhom li ma jbiddlux ħajjithom, tiġihom tqila li jikkumbattu, u bħalxejn jaqtgħu qalbhom. Imma mbagħad taf min huma dawk li jgħaddu ‘l quddiem fit-tjieba aktar minn ħaddieħor? Dawk li aktar ma ħaġa tkun tqila aktar bil-ħila jidħlu għaliha. Għax il-bniedem aktar jitjieb u jaqla’ grazzja akbar f’dawk il-ħwejjeġ li fihom jeħodha kontra tiegħu nnifsu, u jgħakkes il-ġibdiet tiegħu.
4. Imma mhux kulħadd għandu tfixkil xortawaħda li minnhom irid joħroġ rebbieħ billi jiċħad lilu nnifsu. Niftiehmu dak li hu b’seba’ għajnejn fuqu nnifsu, aktar ikollu saħħa kbira u jgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba; minn dak l-ieħor li għalkemm hu ta’ ħajja tajba, ma għandux bħall-ieħor dik il-ħrara li jmur ‘il quddiem fil-virtu.
Tnejn huma l-ħwejjeġ li l-aktar igħinu għal min irid ibiddel ħajtu; l-ewwel, li naħarbu b’ħilitna kollha minn dak li għalih tiġbidna n-natura, u t-tieni, li bil-ħrara kollha nitolbu l-ġid li l-aktar jaħtiħilna. U ħaġ’oħra: li ħwejjeġ li ma jogħġbukx fl-oħrajn, ittendi minnhom int, u aħrabhom.
5. Kulfejn tkun, tista’ tagħmel il-ġid għal ruħek. Jekk tisma’ jew tara min hu tajjeb, għandek tara kif tagħmel timitah. Jekk tara xi ħaġa mgħawġa, oqgħod attent li ma tagħmilhiex int; jew jekk qatt tkun għamiltha, qis li tikkoreġi ruħek minnha.
Kif għajnejk jaraw lill-oħrajn, hekk ukoll l-oħrajn jiflu lilek. Kemm hi ħaġa sabiħa tara lil ħutek kollha ħrara u devozzjoni; tarahom mixjin sewwa, bla qatt ma jgħawġu! Kemm tħossok tbati meta tara oħrajn mixjin għal rajhom, u ma jkomplux ma’ dak li daħlu għalih! Kemm hu deni kbir għal ruħna, li ma nagħmlux l-obbligi li għalihom konna msejħin, u nindaħlu fi ħwejjeġ li magħhom xejn ma għandna x/naqsmu aktar.
6. Reliġjuż li għandu l-vera ħrara jagħmel bil-qalb kulma jridu minnu. Ieħor biered u bla kont għall-ħwejjeġ t’Alla jsib ruħu msallab u mdejjaq minn kullimkien għax ma għandux dak is-sabar ħelu tal-qalb, u sabar barrani ma għandux x’iridu.
7. Dak l-ieħor imbagħad li ma jgħix skond ir-regola jkun qiegħed ilesti t-telfien ta’ ruħu. Min ifittex it-tpaxxija u l-fsied, ma jsibx ħlief inxief ġewwa qalbu għax ħaġa jew oħra dejjem isib x’idejqu.
8. Taf xejn kif igħixu tant reliġjużi oħra, li r-regola tagħhom hija tant u tant ħarxa? Ħruġ darba fit-tant, ħajja kollha penitenza, ikel ftit, qari ta’ sikwit, u dejjem ħajja taħt il-madmad. Ħares lejn il-Kartusjani, iċ-ċisterċensi u tant patrijiet u sorijiet ta’ kunventi oħra, ara kif f’nofs ta’ lejl iqumulek mis-sodda jkantaw is-salmi, u tifħir ieħor ‘l Alla. Għajb mela għalik li titgħażżen fl-opri tajba fil-ħin tant reliġjużi sejrin jibdew ifaħħru ‘l Alla.
9. Eh! li ma kienx ikollna x’nagħmlu ħaġ’oħra ħlief li b’qalbhna kollha u bil-fomm infaħħru lill-Mulej Alla tagħna. Eh! li ma kienx ikollok qatt bżonn tiekol, tixrob u torqod li kont tista’ anzi tfaħħar dejjem ‘l Alla u tfittex biss il-ġid tar-ruħ, kemm kieku tkun aktar kuntent milli int issa, li jaħtieġlek toqgħod għall-bżonnijiet tal-ġisem! Eh! li ma kienu qatt dawn il-bżonnijiet! Li konna nistgħu nġarrbu biss il-ħlewwiet tal-qalb li aħna wisq fil-bgħid integħmuhom!
10. Meta bniedem jasal li ma jafx aktar jissabar f’ebda ħaġa maħluqa jibda biex jifhem u
jtiegħem tabilħaqq x’inhu Alla; u b’hekk jibda wkoll ikun kuntent b’kollox, jiġrilu x’jiġrilu. Jibda biex u la bir-riżq ma jifraħ, jew anqas bil-għawġ ma jħabbat moħħu għaliex it-tama tiegħu kollha kemm hi f’Alla li għalih xejn ma jintemm u jmut, kollox joqgħod minnufiħ għar-rieda tiegħu.
11. Ftakar dejjem fl-aħħar tiegħek, u tinsiex, li ż-żmien l-imgħoddi ma jerġax lura. Jekk ma tkunx fuq ruħek u tħabrek dejjem, ma taqla’ ebda virtu; jekk taħbat tintreħa, tibda minnufih sejjer lura. Imma jekk tagħti ruħek għat-tjieba bil-ħrara kollha, issib il-hena ta’ qalbek, u t-tbatijia tibda tiġik ħafifa; għax il-grazzja t’Alla tkun taħdem fik u int issir tħobb il-virtu.
Bniedem bil-ħrara u bieżel għal ruħu ssibu lest għal kollox. Hija tbatija akbar li teħodha kontra xi drawwa jew ġibda ħażina milli tħaddem idejk fix-xogħol. Min ma jiskanzax id-dnubiet żgħar, bil-ftit il-ftit jibda jaqa’ fil-kbar. Fil-għaxija jkollok biex tifraħ jekk il-ġurnata tgħaddiha tajjeb. Oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa fuqek innifsek; qum min-ngħas li tinsab fih, għasses fuqek innifsek; ħallik mill-oħrajn u la tinsa qatt lilek innifsek. Tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba daqskemm teħodha kontra tiegħek innifsek.
IT-TIENI KTIEB
TAL-IMITAZZJONI TA’ KRISTU
TAGĦLIM KIF WIEĦED GĦANDU JMUT GĦAD-DINJA BIEX IGĦIX ĦAJJA TAR-RUĦ
KAP 1
Kif Alla jitkellem mal-qalb tal-bniedem
“Is-saltna t’Alla ġewwa fikom,’’ igħid il-Mulej. Agħti ruħek ‘l Alla b’qalbek kollha, tbiegħed għal kollox min dal-wied tad-dmugħ, u ruħek issib il-mistrieħ tagħha. Tgħallem ixħet taħt riġlejk il-ħwejjeġ ta’ din l-art, agħti ruħek għall-ħwejjeġ tar-ruħ, u inti tara kif Alla jiġi jsaltan ġewwa fik. U s-saltna t’Alla taf x’inhi? Paċi u hena fl-Ispirtu Santu; u dawn ma jingħatawx lill-ħżiena.
Jiġi mela ġewwa fik Kristu Ġesu u jurik il-ħlewwiet tiegħu, jekk tlestilu f’qalbek agħmara kif lilu tixraq. Il-glorja tiegħu, il-ferħ tiegħu. Hu jsibhom ġewwa l-qalb; u bihom jitgħaxxaq. Spiss Hu jħobb iżur il-bniedem miġbur fih innifsu, miegħu jitħaddet bil-ħlewwa; isawweb fuqu l-grazzja tiegħu; jagħtih paċi kbira, jinħabb miegħu ħwejjeġ tal-għaġeb.
2. Fittex mela, o ruħ fidila, ħejjilu l-qalb tiegħek lil dan il-għarus, ħalli jitħajjar jiġi għandek u jgħammar fik. Isimgħu x’igħid: “Min iħobbni jgħożż kliemi u jinħabb ma’ Missieri; u aħna niġu għandu, u noqogħdu miegħu.’’ Ħejji mela lil Kristu agħmara ġewwa fik, u tħallix min jidħol ħliefu.
Meta għandek lil Kristu, għani int, u xejn ma jonqsok. Hu jidħol għalik u jaħseb għalik f’kollox, u ma jkollokx bżonn titma fil-bnedmin. Il-bnedmin malajr ibiddlu l-fehma tagħhom, u għalxejn b’xejn jonqsu minn kelmthom; imma Kristu jibqa’ fehma waħda għal dejjem, u minn kelmtu qatt ma jonqsok sa l-aħħar tiegħek.
3. Tama kbira ma għandux għax ikollok fil-bniedem tant debboli u lsir tal-mewt, għalkemm jista’ jiswielek u jħobbok; anqas għandek imbagħad għax teħodha bi kbira, jekk xi darba jfixklek jew imerik. Dawk li llum huma miegħek, għada għandek ħila ssibhom kontra tiegħek; u minfuq ibiddlu fehmithom bħala pinnur mar-riħ. Qiegħed it-tama kollha tiegħek f’Alla, minnu ibża’ u lilu ħobb. Hu dejjem hemm għalik, u hu jagħmillek li jaħtieġlek għall-aħjar tiegħek. Hawn m’hux pajjiżek biex toqgħod fih għal dejjem tkun fejn tkun inti dejjem barrani u frustier: u mistrieħ ma jkollok qatt ħlief jekk tkun marbut minn qalbek ma’ Kristu.
4. Għala tixxennaq u tħares ‘l hawn u ‘l hemm, la darba m’hux il-lok tal-mistrieħ tiegħek? Fis-smewwiet irid ikun il-qgħad tiegħek; u l-ħwejjeġ ta’ l-art, af, ma jmissekx tagħtihom anqas daqqa ta’ għajn, bħal min ikun għaddej għal xogħlu. Kollox jgħaddi, u int wkoll.
Qis li ma tirtabat ma’ ebda xejn, li ma tmurx tinqbad u tħalli ġildek. F’Alla għandhom ikunu l-ħsibijiet tiegħek, u la tehdiex ittalla’ t-talb tiegħek għal għand Kristu. Jekk moħħok ma jtikx li taħseb fil-ħwejjeġ għolja tas-sema, oqgħod aħseb fil-passjoni ta’ Kristu, u għammar b’tama kbira ġewwa l-pjagi mqaddsa tiegħu. Jekk inti tistkenn bis-sedqa ġewwa l-pjagi egħżież ta’ Ġesu, sabar kbir issib meta tkun f’xi dwejjaq; u anqas ma tant jimpurtak jekk il-bnedmin iżebilħuk, u bħalxejn tieħu bis-sabar li jaqalgħu fuqek.
5. Kristu wkoll kien imżeblaħ mill-bnedmin fid-dinja; u waqt it-taħbit, sal-ħbieb telquħ waħdu. Kristu ried ibati u jkun imżeblaħ; u int ma tistħix tgemgem? Kristu kellu l-egħdewwa u min jaqla’ fuqu, u int jidhirlek li kulħadd għandu jkun ħabib tiegħek u jagħmillek il-ġid? Kieku ma jinqalagħlek ebda għawġ, kif trid int il-paċenzja tiegħek tkun imħallsa? Kieku jiġik kollox għal qalbek, kif trid tkun ħabib ta’ Kristu? Ħu mela paċenzja ma’ Kristu u għall-imħabba ta’ Kristu, jekk trid issaltan ma’ Kristu.
6. Li dħalt imqar darba biss, imma sewwa, ġol-qalb ta’ Kristu, u ġarrabt ftit mill-ħeġġa ta’ l-imħabba tiegħu, kieku ma kontx toqgħod tfittex tbatija u mhux tbatija; anzi aktar tifraħ jekk jaħbtu jmaqdruk, għax l-imħabba ta’ Ġesu Kristu ġġiegħel lill-bniedem xejn u xejn aktar ma jqis lilu nnifsu.
Min iħobb lil Ġesu Kristu u s-sewwa tiegħu, min hu mejjet għal din id-dinja, min ma għandu ebda ġibda ħażina, jista’ jagħti ruħu ‘l Alla għal kollox, jista’ jogħla xi ħaġa aktar minn bniedem f’dawk li huma ħwejjeġ tar-ruħ, jista’ jgawdi l-veru mistrieħ.
7. Min il-ħwejjeġ jaf jistmahom, mhux le skond ma tismahom id-dinja imma talli huma, dan hu tabilħaqq għaref, u l-għerf tiegħu ġej minn għand Alla, mhux le mill-bnedmin. Min jimxi dritt, u l-ħwejjeġ ma jiżinhomx bil-miżien tad-dinja, ma jfittixx fejn u meta, biex jagħmel l-opri tajba. Min qalbu hi mimlija b’Alla, qatt moħħu ma jixxerred, għax qatt ma jisker bil-ħwejjeġ tad-dinja. Ma jimpurtaħx għax ibati ġismu, jew għax il-ħin tiegħu ikun imqassam; imma jiġri x’jiġri ssibu lest jilqa’ kollox.
Min f’qalbu ma għandux taqlib u taħwid ma joqgħodx iħares x’jagħmlu jew ma jagħmlux il-bnedmin, anqas il-ħażen tagħhom; il-bniedem isib x’ifixklu u jħawwadlu moħħu, skond ma jirtabat jew ma jirtabatx mal-ħwejjeġ tad-dinja.
8. Jekk timxi sewwa u żżomm ruħek safi minn kollox, kulma jiġrilek ikun b’risq u ġid tiegħek. U għalhekk sal-lum bosta ħwejjeġ idejquk u jħawduk; għax għadek ma nftamtx mill-ħwejjeġ tad-dinja.
Ebda ħaġa ma ttabba’ u tħawwad il-qalb tal-bniedem daqs il-ġibda ħażina lejn il-ħlejjaq l-oħra. Kieku il-ħwejjeġ tad-dinja ma jħajrukx biex titfarraġ fihom, oqgħod aħseb fuq il-ħwejjeġ tas-Sema, u tibżax, qalbek ikollha fiex tithenna.
KAP II
Għandna nerħu ruħna f’idejn Alla b’umilta kbira
1. La timliex rasek tgħid: “Dak iġibni; dak ma jġerragħnix.’’ Biss qis li Alla jkun miegħek f’kulma tagħmel. Ara li jkollok kuxjenza; u Alla jgħinek. Dak li Alla miegħu, ebda ħażen ta’ bniedem ieħor ma jista’ għalih. Jekk għandek ħila tbati bla ma tgemgem, Alla żgur jidħol għalik. Hu jaf meta u kif għandu jeħilsek; u għalhekk erħi ruħek f’idejk, għaliex Alla hu dak li jgħinna u tagħna minn kull dwejjaq. Wisq drabi jkun ġid tagħna li l-oħrajn jagħarfu n-nuqqas tagħna u jlumuna biħ ukoll, biex dejjem aktar inkunu umli.
2. Meta wieħed jara d-difetti tiegħu u jumilja ruħu, iberred aktar malajr lil min ikun mixgħul kontra tiegħu. L-umli, Alla jieħu ħsiebu, u jeħilsu, iħobbu u jhenniħ, jinġibed lejħ, jagħtiħ grazzja qawwija; u wara li jiċċekken, igħolliħ u jagħniħ bil-glorja. Lill-umli juriħ il-għerf tiegħu, jistiednu miegħu bil-ħlewwa u jiġbdu lejħ. L-umli għalkemm iċanfruħ, iżomm dejjem ruħu fil-paċi, għaliex it-tama tiegħu f’Alla u mhux fin-nies tad-dinja. Jekk ma żżommx ruħek bl-iċken fost kulħadd, qatt ma tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba: ifhima tajjeb!
KAP III
Liema hu l-bniedem tajjeb u bil-paċi f’qalbu
1. Ibda minnek innifsek, imbagħad tkun tista’ ġġib il-paċi fost l-oħrajn. Aħjar bniedem sieket minn wieħed għaref. Min minn ġewwa hu mħawwad, sal-ġid jisfagħlu deni, u bħalxejn jemmen li jmorru jgħidulu fuq ħaddieħor; imma min huwa sieket, kollox jieħu b’ġid tiegħu. Min għandu l-vera paċi tal-qalb, f’xejn ma jaħseb ħażin f’ħaddieħor; u la jistrieħu hu, u la jħalli ‘l min jistrieħ. Bosa drabi jgħid dak li ma jmissux igħid; u dak li jmissu jagħmel, u l-obbligi tiegħu xejn ma jarahom. Mela ħabrek l-ewwel għalik innifsek, imbagħad tkun tista’ taħseb tħabrek għall-ġid tal-proxxmu tiegħek.
2. Dak li tagħmel int, għandek ħabta tgħattiħ u żżejnu bil-kliem, imma bli taħfer lil ħaddieħor ma tridx tisma’. Frattant kien ikun aħjar tistqarr in-nuqqas tiegħek milli toqgħod tugża lil sieħbek. Issaporti lill-oħrajn, jekk trid lil ħaddieħor jieħu paċenzja bik. Ara kemm għadek bgħid mill-vera mħabba u umilta! Kieku kont umli, ma kontx tisħon ħlief għalik innifsek. N’hix ħaġa kbira li tgħix mat-tajbin u l-umli bla ma jkollok xi tgħid magħhom. Ma’ nies hekk, kulħadd kieku jrid jagħmilha; il-kwiet minnu nnifsu jogħġob lil kulħadd u kulħadd iħobb aktar lil min ma joqgħodx imeriħ. Imma li jkollok tagħmilha ma’ rjus iebsa, ta’ fehmiet imgħawġa, ma’ min ma jridx jaf bi kmand, ma’ min hu dejjem bis-sejf mislut, u tgħix bil-paċi magħhom, grazzja wisq kbira trid tkun; trid tkun qawwija, u ta’ min ifaħħarha.
3. Hemm x’uħud li jgħixu bil-paċi magħhom infushom u ma’ l-oħrajn ukoll. Hemm oħrajn la għandhom kwiet huma u lanqas iħallu bi kwiethom l-oħrajn; salib lill-oħrajn, u salib itqal għalihom. Hemm min iżomm dejjem il-paċi fih innifsu, u jfittex li jnissilha fl-oħrajn. Mela l-paċi kollha tagħna, f’din il-ħajja tat-tbatija, taf fiex għandha tkun? Filli nissaportu kollox bl-umilta, u mhux filli ma nġarrbux dak li ma naħmlux.
KAP IV
X’jiġifieri fehma safja tal-qalb
1. B’żewġ ġwienaħ il-bniedem jittajjar ‘il fuq mid-dinja: bis-safa tal-qalb u tal-fehma. Bis-sedqa tal-fehma tagħna, u ta’ l-imħabba tagħna. B’hekk insibu ‘l Alla u ninġibdu lejħ u nitgħaxxqu biħ. Jekk f’qalbek ma jkollok ebda ġibda ħażina, ma tiltaqa’ ma’ ebda tfixkil fl-egħmil tiegħek tajjeb. Jekk int ma tfittixx u ma tħabrikx għall ebda ħaġ’oħra li togħġob ‘l Alla u li tagħmel ġid lill-proxxmu tiegħek, qalbek tkun dejjem bis-sabar tagħha. Li qalbek kienet dejjem safja; kieku l-ħolqien kollu jkun mera għalik kif għandek tgħix, u tgħallmek il-għerf tal-qdusija; għax kemm-il ħaġa naraw, avolja ċkejkna u ta’ xejn, f’kollox naraw it-tjieba t’Alla.
2. Li kellek qalbek safja u fehma tajba, kieku tara u tifhem kollox sewwa. Qalb nadifa tifred sas-smewwiet u l-infern.
Kulħadd jara minn barra skond ma hu minn ġewwa. Jekk hemm xi ferħ fid-dinja, issibu żgur fil-bniedem li għandu qalbu safja. U jekk jinqalgħu slaleb u dwejjaq, min għandu kuxjenza ħażina jħosshom itqal minn ħaddieħor. Kif ħadida jekk idaħħalha fin-nar tinża’ mis-sadid tagħha, u toħroġ tlellex bid-dija, hekk il-bniedem li jagħti ruħu ‘l Alla kollu kemm hu, titwarrab minnu l-bruda, u jitbiddel fi bniedem ieħor.
3. Malli l-bniedem jibda jirtema u jitgħażżen, jibda mqar l-iżgħar xogħol jarah bi kbir, u qalbu tfittex is-sabar tad-dinja. Imma meta jibda jgħakkes lilu nnifsu, u jimxi ta’ rġiel fit-triq t’Alla dak li dari kien jiġiħ tqil jibda issa jsibu ħafif.
KAP V
Daqqa ta’ għajn fuqna nfusna
1. Ma għandniex għax nafdaw wisq fina nfusna, għax bosta drabi
aħna jonqosna l-grazzja u d-dehen. Wisq ftit jinsab fina; u avolja dan il-ftit, malajr nitilfuh, għax ma nafux ingħożżuh. Bosta drabi wkoll ma nintebħux li aħna tant għomi minn ġewwa. Bosta drabi nimxu ħażin, u minn fuq niskużaw irwieħna, u b’hekk nagħmlu agħar. Drabi ninxegħlu bil-korla u naħsbu li hi ħrara għall-ġid. Tarana nċanfru lill-oħrajn għall-ħwejjeġ żgħar, u għall-ħwejjeġ kbar tagħna nagħlqu għajnejna. Jekk insofru xi ħaġa minn ħaddieħor, minnufih inħossuha u niżnuha; imma dak kollu li l-oħrajn ibatu minħabba fina, anqas biss igħaddilna minn rasna!
Min jiżen bil-miżien tas-sewwa u tal-ħaqq l-egħmil tiegħu, l-egħmil ta’ ħaddieħor ma jaraħx dinja.
2. Min hu mogħti għal Alla, l-ewwel iqis li jbiddel ħajtu; u min hu miedhi biħ innifsu, ma ssibux igħid fuq l-oħrajn. Trid tkun bil-paċi f’qalbek u devot? Ħiet fommok għall-egħmil tan-nies, u oqgħod b’għajnejk miftuħa fuqek innifsek biss. Jekk taħseb biss fuqek u f’Alla, tara x’tara, xejn ma jħabbatlek moħħok. Iss’int fejn tkun meta rasek tkun band’oħra? U meta tkun mort b’moħħok f’din jew dik il-ħaġa xi tkun irbaħt? Jekk trid ikollok il-paċi u l-vera rabta m’Alla, jaħtieġlek tixħet kollox wra spallejk, u taħseb fik innifsek.
3. Ġid kbir ikunlek, jekk iżżomm ruħek maħlul mill-ħsibijiet tad-dinja; imma deni tagħmel lilek innifsek jekk tirgħeb għall-ħwejjeġ ta’ din l-art. Ebda ħaġa ma għandek għaliex taraha kbira, għolja, sabiħa, u għal qalbek barra minn Alla, jew dak li jiġi minn Alla. L-hena li jistgħu jagħtuk il-ħlejjaq kollha żommu bi frugħa. Ir-ruħ li tħobb ‘l Alla, xejn ma tħobbu dak kollu li mhux Alla. Biss Alla hu etern u bla tarf; hu li jimla kullimkien; hu jhenni r-ruħ u jimla’ l-qalb b’ferħ tal-ġenna.
KAP VI
X’ferħ iġġib il-kuxjenza tajba
1. Il-għaxqa tat-tajjeb hi din, li jkollu kuxjenza safja. Qis mela li jkollok kuxjenza tajba, u qalbek tkun dejjem ferħana. Il-kuxjenza tajba wisq slaleb tiflaħ tarfa’; u avolja fid-dwejjaq, issibha bil-wisq ferħana; imma l-kuxjenza ħażina dejjem imbeżżgħa u mħabba biha stess. Inti ikollok l-ogħla mistrieħ, jekk qalbek ma tniggżikx. Ma għandekx għax tifraħ, ħlief, meta tħoss li mxejt kif irid Alla.
Qatt il-ħżiena ma għandhom il-veru ferħ, anqas qatt iħossu l-faraġ tal-qalb; għaliex għall-ħżiena ma hemmx paċi, igħid Alla; U jekk tismagħhom tgħidu: “Aħna nħossuna f’sikkitna; u min tridu jiflaħ għalina?’’ xejn la temminhom, għax ħin bla waqt il-qilla t’Alla tqum għalihom, l-egħmil tagħhom jispiċċa fix-xejn, u l-ħsibijiet tagħhom itiru mar-riħ.
2. Lil min iħobb lil Ġesu ma tiġiħx bi tqila li jifraħ bid-dwejjaq, għaliex anzi l-ferħ tagħna għandu jkun fis-salib ta’ Sidna. L-unur li jingħata minn bniedem lil bniedem ieħor, ħajja qasira għandu. U l-kobor ta’ din id-dinja dejjem jimxi miegħu s-swied il-qalb u l-biki.
Il-glorja tat-tajbin iħossuha dejjem fihom, fil-kuxjenza tagħom, mhux filli jfaħħruhom in-nies. It-tajbin jifirħu b’Alla u f’Alla, u jitgħaxxqu bis-sewwa tiegħu. Min irid ikun kbir tabilħaqq u għal dejjem, ma għandux għaliex ifittex il-ħwejjeġ tad-dinja. Imma min jirgħeb għat-tifħir tan-nies, jew ma qisu xejn, juri li ftit iħoss qalbu mixgħula għall-ħwejjeġ tas-Sema. Min ma jimpurtaħx u la minn tifħir u la minn tagħjir, issibu għandu paċi kbira ġewwa qalbu.
3. Min il-kuxjenza tiegħu hi nadifa, aktarx ikun dejjem ferħan u moħħu mistrieħ. Billi jfaħħruk, m’intix qaddis aktar milli int; u jekk iżebilħuk u jaqalgħu fuqek, tibqa’ li int ukoll; għaliex b’daqshekk, quddiem Alla, ma tkunx magħdud b’aktar jew anqas milli int. Ħares biss x’inti minn ġewwa, u mill-bqija la tfittixx x’igħidu minnek in-nies. – Il-bniedem jara l-wiċċ ta’ sieħbu; imma Alla jara l-qalb; il-bnidem jara l-egħmil, imma Alla jħares li jiżen il-fehma ta’ egħmil il-bniedem. – Min jagħmel dejjem is-sewwa, u jżomm ruħu ta’ xejn, sinjal li r-ruħ tiegħu hija umli. Min ma jfittixx is-sabar ta’ ebda maħluq, sinjal li qalbu nadifa u mogħnija bit-tama.
4. Min ma jfittixx xhud barrani ta’ kuxjenza tiegħu, sinjal li hu ntelaq f’idejn Alla kollu kemm hu. San Pawl igħid: “Mhux għax wieħed jiftaħar bih innifsu, hu fit-triq it-tajba; jaħtieġlu li jfaħħru Alla.’’ Il-ħajja ta’ bniedem li miet għad-dinja, hi din: illi hu jmexxi dejjem qalbu m’Alla, u ma jkollu ebda ġibda għall-ħwejjeġ ta’ din l-art.
KAP VII
L-imħabba ta’ Ġesu fuq kollox
1. Imbierek hu min jilħaq jifimha x’jiġifieri tħobb lil Ġesu, u xejn ma jqis lilu nnifsu għall-imħabba ta’ Ġesu. Jaħtiġilna nitilqu kulma nħobbu biex inħobbu lilu biss, għax Ġesu jrid ikun maħbub waħdu u fuq kollox , l-imħabba tal-bnedmin hi qarrieqa u ddur mar-riħ; l-imħabba ta’ Ġesu ma titbiddilx u tibqa’ sa l-aħħar. Min jorbot qalbu mal-ħwejjeġ maħluqa, jispiċċa fix-xejn bħalhom, min jitħaddan ma’ Ġesu, jitwieżen fis-sħiħ u għal dejjem. Lilu ħobb mela u lilu żomm b’ħabibek: għaliex, jekk kulħadd jitilqek, hu le ma jħallikx u lanqas fl-aħħar ta’ ħajtek ma jħallik tintilef. U ħaġ’oħra: minn kulħadd jaħtieġlek tintgħażel, trid jew ma tridx.
2. Kun dejjem marbut ma’ Ġesu, issa u waqt il-mewt tiegħek, u erħi ruħek f’idejħ għax Hu l-ħabib fidil tiegħek. Meta jinsewk l-oħrajn, Hu waħdu jista’ jgħinek. U ftakar dejjem li dan il-maħbub tiegħek ma jridx lil ħaddieħor miegħu fejn ikun Hu; imma jrid li qalbek tkun kollha tiegħu waħdu, biex fiha jkun qiegħed bħala sultan fuq it-tron tiegħu. Li kellek ħila tinħall għal kollox mill-ħlejjaq kollha, kieku ‘l Ġesu ssibu jgħammar miegħek.
Dak kollu li tkun għamilt għall-bnedmin u mhux għal Ġesu, qisek kollu ssibu mitluf. Xejn la tafda żejjed jew anqas turbot ma’ qasba mbewqa li tixxejjer mar-riħ; għax kos kemm-il bniedem hawn, qisu ħuxlief u l-kburija tiegħu kollha tidħol bħala warda tal-widien.
3. Kemm issib ruħek imqarraq malajr jekk timla rasek b’dak li juru minn barra l-bnedmin! U kos, jidhirlek li minnhom sejjer tara x ġid jew xi pjaċir, u aktarx issib ruħek imqarraq.
Jekk f’kull ħaġa tfittex lil Ġesu, issib lil Ġesu, imma jekk tfittex lilek innifsek, issib lilek innifsek, u bi ħsara tiegħek. Għax il-bniedem, jekk ma jfittixx lil Ġesu, jagħmel deni lilu nnifsu aktar milli tista’ tagħmillu d-dinja kollha kemm hi, u l-egħdewwa tiegħu kollha.
VIII
Fuq l-imħabba ta’ Ġesu
1. Meta Ġesu hu magħna, għandna kull ġid, u xejn iebes ma jiġina,; imma meta Ġesu ma nisimgħuħx jitkellem ġewwa qalbna, ma nsibux ħlief hena midbiel; imma jekk Ġesu jgħid kelma waħda biss, hena kbir iġġarrab il-qalb. Jaqaw Marija Maddalena ma taritx bil-ferħ mnejn kienet mixħuta tibki, meta Marta qaltilha: “Hawn l-Imgħallem u qiegħed isejjaħlek?’’ Oh! X’ħin ta’ ferħ, meta Ġesu lil ruħ lit kun tibki, igħajtilha biex tithenna! Kemm tkun imnikkta u bierda qalbek, meta miegħek ma jkollokx lil Ġesu! U kemm int bla għaaqal u fieragħ meta tixtieq ħaġ’oħra barra minn Ġesu! Ma tarax li din għalik tkun ħsara akbar milli kieku titlef id-dinja kollha?
2. Id-dinja mingħajr Ġesu x’tista tieħu minnha? Tgħix mingħajr Ġesu miegħek hu infern qalil: tgħix b’Ġesu miegħek, ebda għadu ma jista’ għalik. Min jsib lil Ġesu jsib teżor ta’ ġid, u ta’ ġid akbar minn kull ġid ieħor. U min jitlef lil Ġesu jitlef wisq aktar milli kieku jitlef id-dinja kollha. L-akbar fqir hu dak li jgħix bla Ġesu miegħu, u l-aqwa għani, dak li jaf jinħabb ma’ Ġesu.
3. Għerf kbir għandu min jaf jgħammar ma’ Ġesu; u għaqal kbir min jaf iżomm ruħu ħabib ta’ Ġesu. Kun umli u bis-sabar tiegħek, u Ġesu jgħammar fik. Kun devot u miġbur, u Ġesu jibqa’ miegħek. Ma tridx wisq biex tbiegħed minnek lil Ġesu u l-grazzja tiegħu: biżżejjed ixxoqq qalbek għall-ħwejjeġ tad-dinja. U jekk tilħaq tbiegħdu minnek u titilfu, għand min tmur, lil liema ħabib tfittex? Ifhimha tajjeb bla ħabib ma tistax tgħix fil-hena; u jekk Ġesu ma jkunx l-aqwa ħabib tiegħek, ma jkollokx ħlief swied ta’ qalb u dwejjaq. Ta’ ibleħ mela tkun tagħmel, jekk tafda jew tifraħ b’ħaddieħor, barra minnu. Aħjar jkollok kontra tiegħek id-dinja kollha, milli tonqos lil Ġesu. F’kelma waħda, fost dawk kollha li huma għal qalbek, ħobb l-ewwel wieħed u l-aktar lil Ġesu.
4. Ħobb lil kulħadd minħabba Ġesu, imma lil Ġesu ħobbu minħabba fih innifsu. Biss għal Ġesu għandu jkollok imħabba barranija, għaliex fost il-ħbieb kollha lilu ssib tajjeb u fidil miegħek. Minħabba fih, u għalih, għandek tħobb sewwa l-ħbieb u sewwa l-egħdewwa wara ħadd, imma qis li Ġesu jkun is-sid ta’ qalbek, u ta’ kull ruħ tajba.
5. Żomm ruħek safja u maħlula minn kulħadd, jiġifieri la torbot qalbek ma’ ebda ħadd. Jekk trid tipprova u tara kemm hu ħelu l-Mulej, hemm bżonn li żżomm qalbek battala u safja: u dan ma tħossux fik, jekk minn qabel Hu ma jxerridx fuqek il-grazzja tiegħu u biha jiġbdek lejh, biex int twarrab lil kulħadd minn ġo qalbek, u miegħu tkun tista’ tingħaqad u ssir ħaġa waħda. Meta bniedem ikollu fuqu l-grazzja t’Alla jsir jiflaħ għal kollox; imma meta jitlifha, jiftaqar u jidbiel u bħal qala’ xebgħa. Imma avolja jsib ruħu f’dan l-imrar, ma għandux imbagħad jaqta’ qalbu: “Isir minn dak li jrid Alla, kulma jiġrili nieħdu f’ġieħ Kristu’’. Għax wara x-xitwa jiġi s-sajf, wara l-lejl in-nhar, u wara r-rwiefen il-bnazzi.
KAP IX
Waqt id-dwejjaq tar-ruħ
1. Xejn m’hu għaġeb li wieħed ma jagħtix kont tal-hena ta; din id-dinja, meta qalbu tinsab imfawra bil-hena t’Alla. Imma hi ħaġa kbira wisq, li ma jkollok u la l-faraġ tal-bnedmin u lanqas t’Alla; hu għaġeb kbir li wieħed f’ġieħ t’Alla jissaporti bis-sabar kollu dan l-imrar tal-qalb bla xejn ma jfittex lilu nnifsu, jew anqas ifittex x’rebħ jista’ jkollu. Għax ingħiduha: x’għaġeb hu li r-ruħ tkun ferħana u mixgħula bid-devozzjoni meta tkun mogħnija bil-grazzja? Din ħaġa li kulħadd jixtieqha. Jgħaddi ‘l quddiem bla tbatija, anzi jittajjar fil-hena, min iħossu fuq il-ġwienaħ tal-grazzja t’Alla. X’għaġeb li hu ma jħossx it-toqol tiegħu, min hu mwieżen minn Dak li jista’ kollox; meta jmexxiħ Dak li waħdu jista’ jmexxiħ b’għerf bla tarf?
2. Bil-wisq ingħożżu dawk il-ħwejjeġ li jistgħu jhennuna; u ma tantx ninżgħu malajr minna nfusna. – L-imqaddes martri San Lawrenz ċaħad id-dinja u l-imħabba mill-aqwa li kellu lejn il-Papa, biex xeħet taħt riġlejħ dak kollu li fid-dinja sata’ jħajru, u għall-imħabba ta’ Kristu, anqas ma ġietu tqila li jingħażel mill-Kbir Saċerdot t’Alla l-Papa Sistur, avolja hu kien tant iħobbu! Bl-imħabba t’Alla rebaħ l-imħabba tal-bniedem, u ma rahiex bi kbira jinfired mill-hena ta’ bniedem bħalu, biex ikompli ma’ dak li Alla kien jitlob minnu. Hekk inti wkoll tgħallem itlef xi ħabib tal-qalb, jew li minnu tara xi ġid, għall-imħabba t’Alla. U xejn la teħodha bi kbira meta xi ħabib iħallik; inti taf tajjeb li darba jew oħra għandna ningħażlu minn xulxin.
3. Jeħtieġlu l-bniedem irażżan lilu nnifsu bla jehda, biex jitgħallem imbagħad u jkun jista’ jirbaħ sewwa lilu nnifsu u ma jkunx iħobb ħlief ‘l Alla biss fuq kulħadd. Min f’kull ħaġa jfittex il-hena ta’ din id-dinja, jaqa’ għaliha; imma min iħobb tassew lil Kristu, min jimxi fit-triq tal-virtu, ma jfittixx li jehnni lil qalbu, anqas jiġri wara l-ġibdiet tad-dinja anzi jara kif jitkisser f’xogħol iebes għall-imħabba ta’ Kristu.
4. Meta jogħġob ‘l Alla li jhennik b’xi ferħ tar-ruħ, b’qalbek kollha irringrazzjaħ; imma dejjem ibqa’ għid: “Alla għoġbu jiftaħ idejħ miegħi, imma mhux għax ħaqqni.’’ U wkoll, xejn la tintefaħ, xejn la tifraħ żejjed, xejn la titkabbar: anzi kun aktar umli għal li tak, u imxi aktar bil-għaqal b’għajnejk miftuħa f’kulma tagħmel; għax siegħa bħal dik tgħaddi u tmur, u stenna warajha xi tiġrib. Meta mbagħad dan il-hena ma jibqax fuqek, xejn la taqta’ qalbek bil-pacenzja kollha u bl-umilta oqgħod stenna, sakemm Alla jarġa’ jżurek, għaliex Alla għandu mnejn jibgħat fuqek hena aqwa. Għal min hu mdorri jimxi fit-triq t’Alla, din m’hix ħaġa ġdida jew li qatt ma nstemgħet: l-akbar Qaddisin u Profeti antiki f’dan it-tibdil għaddewha ħajjithom: daqqa hekk, u oħra hekk.
5. Wieħed minnhom, meta fih kien iħoss il-grazzja t’Alla, kien igħid: “Jiena għidt fil-qawwa tal-ferħ tiegħi. – Ma nitħawwadx għala dejjem.’’ Imma meta l-grazzja kienet tħallih, kien hekk ifisser dak li jġarrab ġewwa fih: “Dawwart wiċċek minn fuqi, u jien tħawwadt.’’ Imma madankollu ma kienx jaqta’ qalbu, anzi bi ħrara akbar kien jitlob ‘l Alla u jgħid: “Lilek, o Mulejja, insejjaħ, u lil Alla tiegħi nitlob.’’ It-talb tiegħu ma kienx għalxejn, għax hu jistqarr u jgħidilna: “Semagħni Alla u ħenn għalija: Alla sar l-għajnuna tiegħi.’’ Imma kif? Isma’ xi jgħid. “Biddiltli l-biki tiegħi f’ferħ, u dawwartni bil-hena minn kullimkien.’’
Jekk dan sar fl-aqwa Qaddisin, ma għandniex naqtgħu qalbna aħna msejknin u morda jekk daqqa nkunu kollna ħrara, u daqqa berdin, għax l-ispirtu t’Alla jiġi fina u jħallina skond ma jogħġob lilu. U għalhekk il-qaddis Ġobb qal: “Iżżuru għal għarrieda, u malajr iġġarrbu.’’
6. Imma fiex għandna nittamaw u fiex nafdaw, ħlief fil-ħniena kbira t’Alla u fit-tama tal-grazzja tiegħu? Għax sewwa jkolli miegħi nies tajba, jew aħwa devoti, jew ħbieb fidili, sewwa naqra kotba egħżież u sbieħ, sewwa nisma’ jew inkanta inni ħelwin u devoti; dawn il-ħwejjeġ kollha ftit ġid jistgħu jagħmluli, ftit jhennuli qalbi, jekk fija ma jkollix il-grazzja, jekk inkun mitluq fil-faqar tiegħi. Meta hekk jiġrili aħjar għalija nieħu paċenzja, u jsir minni dak li jrid Alla, u mhux dak li nixtieq jien.
7. Liema hu dak il-bniedem għalkemm tajjeb u qaddis, li kultant il-grazzja ma tħalliħx, li fih il-ħrara ma tibridx? Qatt ma nstab ebda Qaddis, għalkemm mixgħul bl-imħabba u mogħni b’dawl kbir, li darba jew oħra ma kienx tentat. U hekk jaħtieġ li jkun, għax min ma batiex b’xi salib għall-imħabba t’Alla m’hux denn li Alla jgħammar miegħu. Anzi meta nkunu ttantati, sinjal li Alla sejjer iżurna bil-hena tiegħu. Taf għaliex? Għax hu wiegħed li jħenni lil min Hu jkun bagħtlu xi dwejjaq. Infatti hu qal: “Lil min jirbaħ, nagħtiħ jiekol mis-siġra tal-ħajja.’’
8. Alla mela, isawwab fuq il-bniedem il-ħinniet tiegħu, biex aktar ikun jiflaħ jarfa’ s-slaleb, imma mbagħad jibgħatlu wkoll xi tentazzjoni, li ma jitkabbarx biħ innifsu. Id-demonju mhux rieqed, il-ġisem tagħna għadu ma ħedilx; la tibqax mela ma tlestix ruħek għall-gwerra, għax minn kullimkien inti mdawwar bl-għedewwa, li mistrieħ ma għandhomx
KAP X
Fuq li għandna niżżuħajr ‘l Alla għall-grazzja tiegħu
1. Issa xi trid tfittex il-mistrieħ, la darba int twelidt għat-taħbit? Lesti ruħek għat-tbatija, mhux għat-thennija; lesti ruħek biex tarfa’ s-salib, mhux għat-tgawdija. Liema hu dak il-bniedem, li kieku jista’, ma jgawdix flimkien it-tgawdija ta’ din id-dinja u l-hena tar-ruħ? Il-hena tar-ruħ jiskorri bil-wisq il-hena kollu tad-dinja u l-pjaċiri tal-ġisem. Infatti l-pjaċiri tad-dinja jew huma fiergħa, jew moqżieża, għaliex huma mnisslin mill-virtu u mibgħutin minn Alla fil-qlub safja. Iżda dan il-hena tas-sema wieħed ma jistax igawdiħ kull meta jrid hu, għax mingħajr xi tentazzjoni qatt ma nistgħu noqogħdu żmien twil.
2. Min iħobb jagħmel rajħ u jafda żejjed fih innifsu ma jistax ikollu fih dan il-hena t’Alla. Alla ġid kbir ikun jagħmel meta jagħti l-grazzja tal-ħlewwiet tiegħu; imma l-bnidem ħażin ikun qed jagħmel meta ma jġibx ruħu tajjeb m’Alla, u jirringrazzjaħ mill-ġid li ra minnu. U għaliex il-grazzji t’Alla m’humiex neżlin dejjem fuqna, għaliex ma nġibux ruħna m’Alla kif imiss, u ma niftakrux f’Dak li hu l-għajn tal-grazzji kollha. Għal kull grazzja mela li nirċievu, għandna nibqgħu nafuhulu. Kif lill-umli tingħata l-grazzja, hekk lill-kburi titeħidlu.
3. Minn għalija, ma rridx hena hekk kbir, li jneħħili l-indiema minn ġo qalbi; jew anqas nixtieq ikolli grazzji hekk kbar, li ma mmurx nintefaħ b’xi tjieba tiegħi, għax kos, mhux kulma hu għoli hu mqaddes; anqas kulma hu ħelu hu tajjeb; anqas kull xewqa hija safja, anqas kull ħaġa minn għalina għażiża, hija mogħġuba ‘l Alla. Nilqa’ bil-qalb il-grazzja, li għandna tagħmilni aktar umli u nitbażża’ minni nnifsi u aktar pront ma nqis xejn lili nnifsi. Min tgħallem, bid-don tal-grazzja li kellu, imbagħad tilef ġieħu, ma jissugrax igħid: Dan il-ġid għamiltu jien; – u jibda aktarx jistqarr il-faqar u x-xejn tiegħu
Agħti ‘l Alla li hu t’Alla, u żomm għalik dak li hu tiegħek. Jiġifieri irringrazzja ‘l Alla għall-grazzji tiegħu, u minn għalik għid: Jiena ħati, u ħaqqni nħallas għall-ħtija tiegħi.
4. Oqgħod dejjem fl-aħħar post, u jingħatalek l-ewwel wieħed. Kun af li ma jingħatax il-għoli mingħajr il-baxx. Dawk li huma l-aqwa qaddisin quddiem Alla., f’għajnejhom huma l-iċken u aktar ma huma kbar, aktar issibhom umli fihom infushom. Mimlijin bil-verita u bil-glorja fiergħa tad-dinja. It-tama u l-wetqa tagħhom, biss f’Alla, u għalhekk b’ebda xejn ma jitkabbru.
Dawn ukoll, li kull ġid li jaraw jafuh minn għand Alla, ma jfittxux il-glorja ta’ xulxin, biss jixtiequ dik il-glorja li hi ġejja għand Alla. Il-ħrara tagħhom hi li Alla jkun dejjem imfaħħar f’kollox fihom infushom u fil-Qaddisin kollha, u l-ħsibijiet tagħhom huma kollha fih.
5. Ifraħ mela bl-iċken grazzji, biex tkun tista’ tirċievi l-kbar. L-iċken don istmaħ bħallikieku l-ikbar wieħed; u grazzja ta’ xejn, għożżha bħala waħda kbira. Jekk inħarsu lejn il-kobor ta’ Dak li minnu ġejjin il-grazzji, insibu li ebda don ma nistgħu nsejħulu ċkejken. Kulma jingħata mill-kbir Alla, ma jistax ikun ċkejken.
U int għandek tirringrazzjaħ imqar jibgħatlek kastigi u tbatija; għax kulma jibagħtilna, għall-ġid ta’ ruħna jibagħtu. Min jixtieq li jibqa’ fil-grazzja t’Alla jqis li jifraħ meta Alla jibgħatlu l-grazzja tiegħu; jistabar, meta jogħġbu jeħodhielu; imma mbagħad ikun umli u joqgħod b’għajnejħ miftuħa, li ma jarġax jitlifha.
KAP XI
Ftit huma li jħobbu s-Salib ta’ Kristu
1. Bosta huma dawk li jħobbu s-saltna tas-sema ta’ Ġesu; imma kemm ftit huma dawk li jerfgħu s-salib tiegħu. Bosta jixtiequ l-hena tiegħu f’qalbhom; imma ftit huma li jixtiequ x-xewk. Ġesu għal fuq il-mejda miegħu jsib bosta ħbieb; imma wisq ftit għas-sawm. Kulħadd irid igawdi miegħu; u ftit jissaportu xi ħaġa għall-ftit jibqgħu miegħu sa jiġi biex jixrob il-kalċi tal-passjoni. Wisq uħud jitgħaxxqu, jistagħaġbu bil-mirakli tiegħu, imma ftit ikomplu jimxu maż-żebliħ tas-salib. Bosta nsara jħobbu lil Ġesu, imma taf sakemm? Sakemm ma jinqalax il-għawġ. Wisq uħud ifaħħruħ u jberkuħ, dment li jaraw xi ġid minnu; imma jekk u jinħeba jew jerħilhom għal ftit jaqbdu igemgmu, jew jaqtgħu qalbhom.
2. Imma min iħobb lil Ġesu, u mhux għal ebda ġid tiegħu nnifsu, jibqa’ jbierku sew fl-akbar hena, sew ukoll f’kull slaleb u f’kull dwejjaq ta’ qalb. Anzi jibqa’ dejjem ifaħħru u dejjem jirringrazzjaħ, imqar ma jogħġbux jibgħatlu ebda hena ta’ qalb.
3. Oh! Kemm hi qawwija l-imħabba safja lejn Ġesu, li ma tkunx imħallta bl-imħabba tagħna nfusna, li nfittxu fiha l-ġid tagħna! Issa ma tgħidilhomx irgħab lil dawk kollha li ma jitolbux ‘l Alla ħlief il-hena? Dawk li ma jixtiqux ħaġ’oħra ħlief il-hena tar-ruħ u li jaqbel lilhom, dawna tgħid iħobbu lil Kristu, jew lilhom infushom? Fejn issib li bniedem li jħobb ‘l Alla u jrid iserviħ, bla ma jfittex xejn lilu nnifsu?
4. Ħaġa kbira wisq jekk biex jinsab bniedem hekk? Wisq fil-bgħid tiltaqa’ ġibda ta’ xejn lejn il-Hlejjaq t’Alla. Fejn issibu bniedem hekk? Wisq fil-bgħid tiltaqa’ miegħu, fil-bgħid il-bgħid. Jekk stess il-bniedem jagħti l-għana tiegħu kollu, xejn ikun għadu ma għamel. Jekk jagħmel penitenza ħarxa, tkun għadha ħaġa wisq żgħira; u jekk jitgħallem il-għerf kollu; ikun għadu wisq fil-bgħid; jekk ikollu tjieba kbira msieħba ma’ devozzjoni l-aktar mixgħula, wisq ikun għad jonqsu, jekk tonqsu ħaġa li mingħajrha qisu ma għandu xejn. X’inhi din il-ħaġa? – Li jagħlaq għajnejħ għad-dinja, jinsa lilu nnifsu, joħroġ għal kollox minn ġewwa fiħ innifsu, u ma jżomm ebda farka mill-imħabba tiegħu. U mbagħad, meta jagħmel dak kollu li jaf li għandu jagħmel, jibda jifhimha li ma għamel xejn.
5. Jibda biex jiżen l-egħmil tiegħu, u dak kollu li jista; jissejjaħ kbir, u għandu jsibu fil-miżien ta’ ebda piż. U bil-qalb u tabilħaqq jibda jistqarr li hu ħaddiem ta’ bla ħila., bħalma qal Kristu fl-Evanġelju: “Meta tagħmlu dak kollu li hemm fil-Kamandamenti, għidu: Aħna qaddejja battala.’’ Hekk isir tabilħaqq fqir u safi fir-ruħ tiegħu, u jista; jgħid mal-Profeta: “Jiena waħdi u fqir.’’ Bniedem hekk, ħadd ma hu u la ogħla minnu, u la aqwa minnu, anqas aktar b’rajħ f’idejħ minnu. U għaliex? Għaliex għaraf jiddisprezza lilu nnifsu u l-ħwejjeġ tad-dinja, u jiġġenneb minn kulħadd.
KAP XII
It-triq tas-Salib Imqaddes hija l-vera triq
1. Bosta wħud tiġihom iebsa il-kelma: “Iċħad lilek innifsek, arfa’ salibek, u imxi wara Ġesu.’’ Imma tkun ħaġa aktar iebsa, tisma’ dik il-kelma nhar il-ġudizzju: “Morru minn quddiemi, misħutin, għall-ġewwa n-nar ta’ dejjem.’’ Min f’din il-ħajja jisma’ bil-qalb u jkompli l-kelma tas-salib, dak in-nhar ma jismax is-sentenza tad-dannazzjoni eterna.
Dan is-sinjal tas-salib jidher fis-smewwiet, meta l-Imħallef jiġi jagħmel il-ħaqq. Hemm is-servi kollha tas-salib, li mxew f’ħajjithom ma’ Kristu Msallab, jersqu wkoll b’tama kbira lejn Kristu Mħallef.
2. Issa għaliex titmeżmeż tarfa’ s-salib li bih biss tista’ tasal fis-saltna tas-smewwiet? Fis-salib is-saħħa, fis-salib il-ħajja; is-salib jeħlisna mill-egħdewwa; bis-salib Alla jibgħat fuqna l-hena tas-sema, fis-salib insibu l-hena tal-qalb; fis-salib huma miġburin il-virtu; fis-salib il-qdusija ssir perfetta. U la ssib s-saħħa ruħna, u la jista’ jkollna tama tal-ħajja ta’ dejjem, ħlief fis-salib. Arfa’ mela salibek, imxi wara Ġesu, u ssib ruħek fil-ħajja ta’ dejjem – Kristu mexa quddiemek, ikarkar salibu, u miet fuq is-salib minħabba fik biex inti wkoll tarfa’ salibek u tqis li tmut fuq is-salib. Jekk inti tmut miegħu, tgħix ukoll miegħu; u jekk tkun sieħeb fit-tbatija, ikollok ukoll sehem fil-glorja miegħu.
3. Ħares; is-salib huwa l-wetqa ta’ kollox u fil-mewt kollox jispiċċa; u triq oħra, li twasslek fil-ħajja u fil-vera paċi tal-qalb, ma tingħatax barra mit-triq imqaddsa tas-salib, li fiha kuljum tgħakkes lilek innifsek. – Mur fejn trid, fittex li trid u kemm jogħġbok….. u la ssib ‘il fuq triq ogħla u la ‘l isfel triq aktar tajba mit-triq imqaddsa tas-salib. Qalleb u qassam l-egħmil tiegħek kif trid u kif jidhirlek…… għandek issib dejjem illi xi ħaġa jaħtieġlek tbati, jew minn rajk jew bil-fors. F’kelma waħda, dejjem issib is-salib, għax jew tħoss xi wġigħ f’ġismek, jew iġġarrab xi taħwid f’ruħek.
4. Issa jerħik Alla għal ftit; issa jħabbtuk in-nies tad-dinja; u issa (u din hi l-akbar) inti tkun imdejjaq bik innifsek. U ma’ drabi hekk tista’ ssib xi ħaġa li sserrħek jew tfarrġek; għax anzi jaħtieġlek iddum tarġa’ sakem jogħġob ‘l Alla. U jekk irid Hu drabi tkun fid-dwejjaq mingħajr ebda faraġ biex hekk titlaq ruħek f’idejħ għal kollox, u biex issir aktar umli minħabba fit-taħbit. Ħadd ma jista’ jħoss sewwa ġo qalbu l-passjoni ta’ Kristu, daqs min bata ħwejjeġ bħal dawn. Kulfejn iddawwar wiċċek, mela f’kull ħin, ma ssibx ħlief is-salib. Tmur fejn tmur, ma tistax taħarbu; għaliex kullimkien tieħu miegħek lilek innifsek. Ħares ‘il fuq, jew ‘l isfel; ħares ‘il barra, jew ‘il ġewwa; kullimkien issib is-salib. Jaħtieġlek mela tieħu paċenzja kullimkien jekk trid ikollok il-paċi f’qalbek, u tkun tistħoqqlok kuruna ta’ dejjem.
5. Jekk bla tgemgim tarfa’ salibek, salibek jarfa’ lilek, u jwasslek fejn tixtieq tasal, jifġifieri fejn it-tbatija tispiċċa; dik t-tbatija li fid-dinja ma setgħet qatt taqta’. Imma jekk terfgħu fuq il-qalb, jiġrilek li tħoss aktar it-toqol tiegħu; u l-kbira hi, li jaħtieġlek bil-fors terfgħu. Jekk tneħħi salib minn fuqek, int żgur tarġa’ ssib ieħor, u aktarx itqal.
6. Ma jidhirlekx jewwilla li għandek tiskansa minn dak li ħadd s’issa ma sata’ jaħarbu? Liema qaddis għex f’din id-dinja mingħajr salib u mingħajr dwejjaq? Anqas l-istess Ġesu Kristu, Sid tagħna, ma għadda siegħa waħda bla tbatija, dment li kien ħaj. Infatti hu qal: “Kien hemm bżonn li Kristu jbati, u jqum mill-mewt; biex hekk jidħol fil-glorja tiegħu.’’ U kif mela trid int triq xort’oħra minn din it-triq miftuħa quddiemek, li hi t-triq imqaddsa tas-salib?
7. Il-ħajja kollha ta’ Kristu kienet salib u tbatija; u inti trid li jkollok il-mistrieħ u l-hena? Tiżbalja bl-ikreh jekk tfittex ħaġ’oħra ħlief it-tbatija; għaliex kollha kemm hi din il-ħajja qasira tagħna hi mimlija bil-miżerji, u mdawra bis-slaleb. U aktar ma r-ruħ tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba aktar issib slaleb itqal; għaliex il-piena li tħoss ir-ruħ mixħuta f’dan l-eżilju aktar tikber bl-imħabba.
8. Imma l-bniedem hekk, għalkemm f’bosta ħwejjeġ jinsab imsallab, għandu xi ħaġa li ssabbru u tferrħu, għax jaf li, billi jieħu paċenzja bis-slaleb tiegħu, ġid kbir ikun qed jagħmel għaliħ innifsu. Malli hu minn rajħ imidd għonqu għas-salib, l-imrar tad-dwejjaq tiegħu jinbidel f’tama ħelwa li Alla jhennih bil-grazzja tiegħu. L-aktar il-ġisem jinkedd bit-taħbit, aktar ir-ruħ titwettaq bil-grazzja li Alla jsawweb ġo fiha. Xi drabi wkoll tant tiġiħ qawwa kbira fit-taħbit u fid-dwejjaq tiegħu; tant isir iħobb ix-xebħ tas-salib tiegħu mas-salib ta’ Kristu, li jixtieq li ma jkun qatt bla niket u gwaj, għaliex aktar ma jkun jiflaħ jarfa’ slaleb tqal għal Alla, aktar jidhirlu li hu jkun maħbub minnu. Imma dan m’hux ġej mill-ħila tal-bniedem, ġej mill-grazzja ta’ Kristu. Tant hi qawwija u tant din il-grazzja fil-ġisem debboli tagħna, li hu bi ħrara wisq kbira jgħannaq u jħobb ħwejjeġ li kieku mingħalih dejjem jobgħodhom u jaħrabhom.
9. Nafuha: mhux għall-qalb tal-bniedem li jarfa’ s-salib, li jħobb is-salib, li jgħakkes lil ġismu, li jobdi dejjem b’għajnejħ magħluqa, u li jaħrab l-unuri, u li jieħu paċenzja biż-żebliħ; li xejn ma jqis lilu nnifsu u jixtieq li jkun imżeblaħ; li jifraħ b’kull dwejjaq u b’kull ħsara u li ma jixtieq ebda hena f’din id-dinja. Infatti jekk tħares ħarsa fuqek innifsek, issib li ħwejjeġ bħal dawn ma tiflaħx għalihom. Imma jekk inti titma f’Alla tingħatalek qawwa mis-smewwiet, u d-dinja u l-ġisem iġġibhom għal idejk. Anzi anqas stess mid-demonju ma tibqa’ tibża’, jekk tkun armat bil-fidi, u mżejjen bis-salib ta’ Kristu.
10. Ħejji ruħek, mela, bħala qaddej tajjeb u fidil ta’ Kristu, biex tarfa’ bil-qalb is-salib tas-Sinjur tiegħek imsallab għall-imħabba tiegħek. Ħejji ruħek għal tant għawġ u tbatija minn kull xorta f’din id-dinja mnikkta. Kulfejn tkun, ma tarax ma’ wiċċek ħlief minn dan; u kulfejn tinħeba ma ssibx ħlief minn dan. Hekk jaħtieġ li jkunu s-slaleb u t-tbatijiet, u af ma tistax teħles minnhom xort’oħra, ħlief billi titqanna bil-qalb bihom. – Ixrob bil-ferħa l-kalċi tas-Sinjur tiegħek, jekk trid li tkun ħabib miegħu, li jkollok sehem miegħu. Is-sabar stennieh minn għand Alla jagħmel minnek kif l-aktar jogħġbu. Mingħalik, midd għonqok għas-slaleb u anzi ħudhom bħala l-aqwa sabar tar-ruħ tiegħek; għaliex it-tbatijiet ta’ din id-dinja ma humiex biżżejjed, biex tkun tistħoqqlok il-glorja tal-ġenna, anqas kieku terfagħhom kollha int waħdek.
11. Meta tasal f’dan l-istat illi t-taħbit jiġik ħelu, u fih issib il-hena tiegħek għal Kristu, hemm għid li int sibt il-kwiet tiegħek, għaliex tkun sibt il-ġenna f’din l-art. Meta t-tbatija teħodha fuq qalbek, u tfittex li taħrabha, int issib ruħek wisq ħażin, u l-imrar ma jħallikx ħin wieħed.
12. Jekk toqgħod għalih u tilqa’ dak li hu s-sehem tiegħek, jiġifieri t-tbatija u l-mewt; wisq aħjar ikun għalik, u ssib is-sabar ta’ qalbek. Jekk stess titla’ sat-tielet sema bħal S. Pawl, ma għandux igħaddilek minn rasek li ma hemmx ebda tbatija iżjed għalik. “Jien nurih,’’ qal Ġesu, “kemm għad jaħtieġlu jbati għall-isem tiegħi.’’ Għad baqagħlek mela xi tbati, jekk trid tabilħaqq tħobb lil Ġesu u taqdih bla ma tehda.
13. Oh! Li kont jistħoqqlok tbati xi ħaġa għall-imħabba ta’ Ġesu! Xi glorja kienet tkun għalik! X’ferħ għall-Qaddisin kollha t’Alla! X’ġid kbir għall-proxxmu tiegħek b’dan l-eżempju tiegħek! Għax kos il-pacenzja kulħadd jaraha sabiħa, għalkemm ftit huma li jriduha għalihom. Ħaġa żgħira imbagħad li tbati xi ftit għal Kristu, la darba bosta wħud ibatu tbatijiet aqwa għad-dinja!
14. Kun af għix bħallikieku mejjet għad-dinja. U aktar ma wieħed imut għalih innifsu, aktar jista’ jibda igħix għal Alla. Ħadd ma jista’ jifhem sewwa l-ħwejjeġ tal-ġenna, ħlief min bil-paċenzja jsofri kull għawġ għal Kristu. Ebda ħaġa ma hi mogħġuba quddiem Alla, ebda ħaġa ma tagħmel ġid lil ruħna f’din id-dinja, daqs li bil-qalb inbatu għal Alla. Anzi, li kien f’idejk, aktar imissek tagħżel li tbati xi ħaġa għal Kristu milli li tgħix dejjem qalb il-hena tar-ruħ. Hekk issir tixbaħ lil Kristu u lill-Qaddisin kollha tiegħu. Mhux billi nkunu mimlijin bil-hena u bis-sabar, aħna nkunu naqilgħu l-merti u mmorru ‘l quddiem; imma billi nerfgħu slaleb tqal u nixorbu l-imrar bil-qalb it-tajba.
15. Li kien hemm xi ħaġa aħjar għar-ruħ tal-bniedem mit-tbatija. Kristu kien jurihielna bil-kliem u bl-eżempju. Anzi lid-dixxipli li marru miegħu u lil dawk kollha li jixtiequ jimxu warajh, biċ-ċar iwissihom li għandhom jerfgħu s-salib, u jgħidilhom: “Min irid jiġi miegħi jiċħad lilu nnifsu, jarfa’ salibu u jimxi warajja.’’
Inti, mela, ħija, wara li qrajt u tegħimt dan kollu, għandek tiġi fi kliemi: “Illi sforz tant tbatija jkun jisstħoqqilna nidħlu fis-saltna t’Alla.’’
IT-TIELET KTIEB
TAL-IMITAZZJONI TA’ KRISTU
Fuq il-Ħlewwiet li tħoss ruħ it-Tajjeb
KAP 1
Kristu jitħaddet minn ġewwa mal-qalb fidila
IR-RUĦ
1. Ħalli nisma’ x’jitkellem ġewwa fija s-Sid tiegħi Alla: ċċImbierka dik illi tisma’ lis-Sid tagħha jitkellem ġewwa fiha, u minn fommu tieħu l-kelma tas-sabar! Imberkin dawk il-widnejn li jiġbru l-kliem t’Alla, u mit-tlablib ta’ din id-dinja xejn ma jimpurtahom! Imberkin, iva, il-widnejn li jisimgħu, mhux il-leħen ta’ barra, imma l-verita, li tgħallimhom minn ġewwa! Imberkin dawk il-għajnejn li jingħalqu għall-ħwejjeġ ta’ barra, iħarsu biss lejn il-ħwejjeġ ta’ ġewwa! Imberkin dawk in-nies li jidħlu ġewwa fihom infushom, u li bl-opri tajba ta’ kuljum ifittxu jifhmu aktar biċ-ċar il-misterji tas-smewwiet! Imberkin dawk li jagħtu ruħhom ‘l Alla u li jħarsu ruħhom mit-tfixkil kollu tad-dinja!’’ Ifhem tajjeb dan it-tagħlim, ja ruħ tiegħi, u agħlaq il-bwieb tas-sensi tiegħek, biex tista’ tisma dak li Alla Sid tiegħek jitkellem ġewwa fik.
2. Hekk igħid il-maħbub tiegħek:ċċJiena s-saħħa tiegħek, il-paċi tiegħek u l-hajja tiegħek. Kun dejjem marbut miegħi u ssib il-paċi. Ħalli għal kollox il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, fittex dak li hu ta’ dejjem.’’ Il-ħwejjeġ ta’ hawn x’fihom ħlief qerq? U x’ġid jistgħu jagħmlulek il-ħwejjeġ kollha maħluqa jekk jitbiegħed minnek il-Kreatur tiegħek? Ixħet mela kollox wara spallejk, xteħet f’idejn il-Kreatur tiegħek, imma tabilħaqq u bil-qalb, biex tista’ tilħaq il-vera thennija.
KAP 11
Il-Verita titkellem ġewwa fina mingħajr ħoss ta’ kliem
1. Tkellem, sinjur, għax jisma’ l-qaddej Tiegħek: Jiena l-qaddej tiegħek; tini d-dehen, ħalli nifhem il-liġi tiegħek. Iġbidli qalbi lejn il-kliem ta’ fommok; jinżel bħala nida l-kliem tiegħek. Kienu għidu l-ulied ta’ Israel lil Mose: ċċtkellem inti magħna, u nisimgħu; mhux le Alla jitkellem magħna, għax immutu.’’ Imma mhux hekk nitolbok, Sinjur; anzi mal-Profeta Samweli hekk nitolbok bl-umilta kollha u b’qalbi kollha. ċċTkellem, Sinjur, ħalli jisma’ s-serv tiegħek’’ Mhux Mose jitħaddet miegħi, anqas ebda wieħed mill-Profeti, imma Int, Sinjur Alla tiegħi, li tajt id-dehen u d-dawl lill-Profeti kollha; għaliex Inti biss tista’ mingħajrhom tagħnini, u huma mingħajrek ebda ġid ma jistgħu jagħmluli.
2. Forsi l-kliem tagħhom ikun imqiegħed tajjeb; imma ma jnissilx fija l-ispirtu tiegħek.
Jitkellem sabiħ; imma lil qalbi ma jħeġġuhiex, jekk int tibqa’ sieket. Isemmgħuni, iva, il-kliem: imma lill-moħħ int trid ittiħ id-dawl. Isemmgħuni l-miżerji, imma inti tfehimhom biċ-ċar lill-maħbubin tiegħek. Igħallmuni l-Kmandamenti; imma int tgħinni biex inkomplihom. Juruni t-triq; imma int tgħinni s-saħħa biex nimxi fiha. Huma jkellmuni minn barra: imma int tgħallem, ġewwa l-qalb u tagħtiha d-dawl. Huma jsaqqu minn barra: imma l-ħajja inti tagħtiha. Il-kliem tagħhom jidħol ġol-widnejn; imma int tagħti l-fehma lis-smigħ.
3. Mhux Mose mela jitkellem miegħi, imma int, Sinjur Alla tiegħi, verita eterna, ħalli ma mmutx u ninsab siġra bla frott; għax hekk jiġrili; jekk b’widnejja nisma’ t-twissijiet, u qalbi ma tinxegħilx bl-imħabba. Iva, Sinjur ħalli nhar il-ġudizzju ma ċċanfarnix: ċċSinjur kliemi u ma għamiltux; għaraftu u ma ħabbejtux, emmintu u ma qgħadtx għalih.’’ Tkellem mela, Sinjur, għax jisimgħek qiegħed il-qaddej tiegħek; inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Tkellem, ħalli f’qalbi tnissilli kull sabar, u ħajti kollha titbiddel. Tkellem, u jkun b’ġieh u tifħir lilek għala dejjem.
KAP III
Il-kliem t’Alla għandna nisimgħuh bl-umilta
GESU KRISTU
1. Isma’, ibni, il-kliem tiegħi, kliem ta’ l-akbar ħlewwa, li jisboq il-għerf tal-għaqal u tal-għorrief kollha ta; din id-dinja. Il-kliem tiegħi hu ħajja tar-ruħ; u ma għandux jintiżen bħalma jintiżen kliem ieħor. Kliemi ma għandux jinstama’, hekk, għall-pjaċir fieragħ, imma bis-skiet u l-ġabra, bl-umilta u b’għożża kbira.
2. Jiena għidt darba: ċċImbierek dak il-bniedem, li int, Sinjur, tkun tajtu d-dehen, u għallimtu l-liġi tiegħek, biex fil-ġranet tal-hemm ittaffilu, u biex f’din id-dinja ma jitnikkitx.’’
3. Qal ukoll Alla: ċċjien sa mill-bidu għallimt lill-Profeti; u sal-lum ukoll għadni nitkellem ma’ kulħadd; imma bosta huma torox għal-leħen tiegħi, u qalbhom iebsa.’’ Bosta nies aktar jisimgħu bil-qalb lid-dinja, milli ‘l Alla; aktar jaqtgħu xewqathom, milli li jagħtu gost ‘l Alla. Id-dinja twiegħed ħwejjeġ ċkejknin, li jmorru mar-riħ, u frattant in-nies iservuha b’regħba kbira; jien inwiegħed ħwejjeġ kbar, li qatt ma jintemmu u l-qlub tal-bnedmin għalija jitnikktu. Min hu li lili jservini u jobdini f’kollox b’dik il-ħrara li biha n-nies taqdi d-dinja u l-kbarat tagħha? Istħi, Sidun igħid il-baħar. U jekk trid taf il-għaliex, oqgħod isma’. Għall-ħlas ta’ xejn, wieħed ma tiġihx tqila li jimxi triq twila; u għall-ħajja ta’ dejjem, bosta wħud kemm kemm tagħtihom qalbhom jerfgħu riġlejhom mill-art! Tħabirku għall ħlas l-aktar żgħir; għal ħabba ma jistħux ifittxu lil xulxin fil-qrati; ħaġa ta’ xejn li wieħed iwegħidhom, tarahom jitħabtu lejl u nhar għaliha.
4. Imma ara mbagħad hux għajb għalihom! Għall-ġid, li ma hemmx ma’ hiex tibdlu, għall-ħlas li ħadd ma jista’ jiżnu, għall-ġieh l-aktar kbir, għall-glorja li qatt ma tispiċċa, anqas jitħajru jbatu ħaġa ta’ xejn! Istħi int mela, qaddej għażżien u gemgumi, illi aktar huma beżlin huma biex jitilfu ruħhom, milli int biex issalva ruħek, aktar jifirħu huma bil-frugħa tad-dinja, milli tifraħ int bil-verita tiegħi. Issa huma bosta drabi jibqgħu mqarrqin fit-tama tagħhom, imma l-wegħdiet tiegħi ma jonqsux; u min jitma fija, ma jitmax fil-fieragħ. Dak li nkun għidt inkomplih: bosta imma r-ruħ tibqa’ fidila fl-imħabba tiegħi sa l-aħħar. Jiena nħallas lit-tajbin kollha; kif ukoll inġarrab il-paċenzja ta’ l-imseddqin kollha.
4. Ħażżeż kliem ġewwa qalbek, użomm miegħi bil-ħrara kollha; u fil-ġranet tad-dwejjaq issib fih il-hena tiegħek. Dak li drabi ma tifhmux waqt li tkun taqra, ‘l quddiem, waqt li jien inkun inġarrbek, għad tagħarfu, u tifhmu sewwa. Jien inġarrabhom lill-maħbubin tiegħi, daqqa bit-tentazzjoni u drabi oħra bil-hena tal-qalb. U żewġ ħwejjeġ ngħallimhom kuljum: fuq li għandhom jaħarbu l-vizzji tagħhom; u billi nħajjarhom jikbru fil-virtu tagħhom. Min jisma’ kliemi u ma jagħtix kontu, jien nagħmel ħaqq minnu fl-aħhar jum.
TALBA
Biex naqilgħu l-grazzja tad-devozzjoni
IR-RUH
6. Mulej Alla tiegħi, int hu l-ġid tiegħi kollu. U min jiena li nieħu l-ardir nitkellem miegħek? – Jien l-aktar fqir fost il-qaddejja tiegħek, u duda ta’ l-art, ifqar u iċken milli nifhem jien u milli għandi ħila ngħid. Ftakar mela, Mulej, li jiena xejn, li ma għandi xejn, li ma niswa xejn. Inti waħdek tajjeb, sewwa u qaddis; int tista’ kollox, tagħti kollox, lill-midneb biss tħallih fil-faqar tiegħu. Ftakar fil-ħniena tiegħek, u imla lil qalbi bil-grazzja tiegħek, u int lill-ħolqien tiegħek ma tridux fieragh.
7. Kif nista’ nwettaq lili nnifsi f’din il-ħajja kollha miżerja, jekk il-ħniena u l-grazzja tiegħek ma jeqfux miegħi? La ddawwarx, le wiċċek minn fuqi; la ddumx ma tiġi żżurni; la tneħħilix il-faraġ tiegħek, sabiex ruħi ma tkunx quddiemek bħala art mingħajr ilma. Mulej, għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek; għallimni ngħaddi ħajja xierqa u umli quddiem il-wiċċ tiegħek; għaliex inti l-għerf tiegħi, int, iva, li taf sewwa x’jien, u għaraftni minn qabel jien ma ġejt fid-dinja.
KAP IV
Għandna nimxu dejjem quddiem Alla bil-verita u bl-umilta
ĠESU KRISTU
1. Ibni, imxi quddiem il-għajnejn tiegħi bil-verita, u fittex dejjem lili b’qalb safja. Min jimxi quddiemi bil-verita, ebda ħsara ma tiġrilu fir-ruħ u l-verita teħilsu mill-qerq u mill-ilsna tal-ħżiena. Jekk il-verita teħilsek, inti tabilħaqq tkun sid tiegħek innifsek; u l-kliem fieragh tan-nies ma jbeżżgħekx.
IR-RUĦ
1. Iva, Mulej, hekk hu. Ikun minnikif qed tgħid int. Agħmel li l-verita tiegħek tgħallimni, tħarisna u żżommni fit-triq tas-sewwa sa ma nsalva ruħi. Hi għandha tħarisni mill-ġibdiet kollha ħżiena u mill-pjaċiri li ma jixirqux: u hekk jien inkun nista’ nimxi miegħek b’qalbi maħlula mid-dinja.
ĠESU KRISTU
2. Jien ngħallmek dak li hu sewwa, u dak li tgħid il-verita jogħġob lili. Oqgħod aħseb fuq dnubietek b’indiema kbira u b’imrar ta’ qalb, u la żżommx ruħek li int xi ħaġa jekk tagħmel xi opra tajba. Stqarr anzi li inti midneb, imxekkel u mrabbat b’bosta passjonijiet. Minnek innifsek int m’intix miġbud ħlief għax xejn, b’xejn taqa’ u b’xejn tintrebaħ, b’xejn titqawwa u b’xejn tintilef. Ma għandek xejn biex tiftaħar bik innifsek; għaliex il-ħila tiegħek hi iċken milli tista’ tifhem.
3. Milli tagħmel inti, mela, xejn ma għandek tarah kbir. Ebda ħaġa ma hi kbira jew ta’ min igħożżha u jistagħġeb biha; ebda ħaġa ma hi ta; min isemmi fuqha, ta’ min ifaħħarha u jixtieqha, barra minn dak li hu ta’ dejjem. Fuq kollox għandek tħobb il-verita eterna, u dejjem tistmerr ix-xejn tax-xejn tieghek. Minn ebda ħaġa ma għandek tibża’, xejn ma għandek tmaqdar u taħrab, daqs il-vizzju u d-dnubiet tiegħek; għandek tobgħodhom aktar minn kull ħsara li tista’ tiġrilek. X’uħud ma jġibu xejn ruħhom miegħi bis-sedqa; imma tarahom mingħajr ebda mistħija u jseksku u jridu jafu l-ħwejjeġ moħbija tiegħi, u jridu jifhmu l-misterji għoljin t’Alla., bla ma jagħtu ebda kont tagħhom infushom u tas-salvazzjoni ta’ ruħhom. Bniedem bħalhom, minħabba fil-kburija u l-kurżita tagħhom, jaqgħu bħalxej f’tentazzjonijiet u fi dnubiet kbar, għaliex jien nilqgħalhom u nerħilhom għal rashom.
4. Ibża’ mill-ġudizzji t’Alla, u mill-qilla tiegħu, li jista’ kollox. U xejn la toqgħod tħabbat moħħok fuq il-fehmiet t’Alla, imma għarbel ftit il-ħażen tiegħek, ara kemm ħwejjeġ dnibt fihom, u kemm ħwejjeġ kellek tagħmilhom u ħallejthom. X’uħud it-tjieba tagħhom tinsab fil-kotba, oħrajn fl-inkwatri tal-qaddisin, oħrajn filli jroddu s-slaleb. X’uħud isemmuni b’fommhom, imma b’qalhom wisq ftit. Imma hemm oħrajn imbagħad li moħħhom mogħni bid-dawl tas-sema u qalbhom safja, ma jixtiqux ħlief il-ġid ta’ l-eternita, jistmerru l-ħwejjeġ ta’ din l-art; u dak li jitlob il-ġisem, fuq il-qalb jagħtuhulu. Dawn jisimgħu x’jitkellem ġewwa fihom l-Ispirtu s-Santu. Hu jgħallimhom imaqdru l-ħwejjeġ tad-dinja, u jħobbu dawk tas-sema; igħallimhom jixħtu riġlejhom id-dinja, u lejl u nhar jixtiequ s-sema.
KAP V
Fuq l-egħuġubijiet li tagħmel l-imħabba t’Alla
IR-RUĦ
1. Imbierek Missier li inti fis-smewwiet, Missier Sidna Ġesu Kristu, li għoġbok tiftakar fil-faqar tiegħi. O missier tal-ħniena u Alla ta’ kull sabar tal-qalb, niżżikħajr, li għalkemm ma ħaqqni ebda faraġ, spiss thennini bil-ħlewwiet tiegħek. Imbierek u nagħtik gieh għal dejjem. Flimkien ma’ l-Iben tiegħek il-Wieħed u ma’ l-Ispirtu s-Santu, hena ta’ l-erwieħ għal dejjem u sa dejjem. Iva, Mulejja Alla tiegħi, li fil-qdusija tiegħek tant tħobbni; meta tiġi ġewwa fija, ruħi u qalbi jittajru bil-ferħ. Inti l-glorja tiegħi, int it-tama u l-ħniena tiegħi fil-ġurnata tal-hemm.
2. Imma billi għadni m’iniex qawwi sewwa fl-imħabba u lanqas ma nħossni mwettaq fil-virtu, hemm bżonn li int twettaqni u thennini. Żurni mela spiss, għallimni l-għerf imqaddes tiegħek: eħlisni mill-passjonijiet il-ħżiena, u fejjaqli lil qalbi mill-ġibdiet ħżiena kollha tagħha sabiex, imfejjaq u mnaddaf minn ġewwa, insir nista’ nħobbok, u nidħol għat-tjieba u nibqa’ nżomm sal-aħħar fit-tjieba.
3. Ħaġa kbira hija l-imħabba, ġid kbirfuq kull ġid ieħor, għaliex it-toqol m’hu xejn għaliha, u tieħu kollox bil-ferħ xorta waħda. Hi tarfa’ t-toqol bħallikieku m’hix imgħobbija, u kull imrar għaliha bnin u tajjeb. Kemm hija sabiħa l-imħabba lejn Ġesu! Hi ġġagħal lill-bniedem jagħmel ħwejjeġ kbar li dejjem iżjed jitjieb. Hi tfittex li dejjem titgħolla ‘l fuq, u l-ħwejjeġ tad-dinja ma jżommuhiex marbuta ‘l hawn isfel. Trid li tkun maħlula u mingħajr ebda ġibda lejn id-dinja, biex ġewwa qalbna d-dawl ma jiġix mikfus, u biex ma ssibx ruħha mfixkla fil-ġid, jew imnikkta fil-hemm. La fis-sema u la fl-art ma hemm ħaġa li fiha ħlewwa, qawwa, għoli, kobor, hena, milja u ġid aktar mill-imħabba: għaliex l-imħabba hija ġejja minn Alla, u l-mistrieħ tagħha ma tistax issibu ħlief f’ Alla u le fil-ħwejjeġ maħluqa.
4. Min iħobb jittajjar, jiġri, jithenna, hu maħlul minn kollox, ebda ħaġa ma żżommu. Jagħti kollox, u għandu kollox f’kollox; jiġifieri jsib il-mistrieħ tiegħu f’dak li hu l-aqwa ġid fuq kull ġid ieħor. L-imħabba bosta drabi ma tafx x’inhu qies, anzi toħroġ ‘il barra aktar milli jmissu. Tkun imgħobbija, u ma tħossx,; tbati, u ma jimpurtahiex; anzi tagħmel aktar milli tiflaħ; ebda ħaġa ma taqtgħielha qalbha u tbeżżagħha, għax anzi jidhrilha li hi tiflaħ għal kollox, li kollox jixirqilha. Tidħol għal kollox u bil-ħrara tagħha tkompli bosta ħwejjeġ li min ma jħobbx ma għandux ħila jidħol għalihom.
5. L-imħabba dejjem għassa, u fir-rqad tagħha anqas la tongħos. U la tegħija fit-taħbit tagħha, u la titqammat jekk tkun marbuta, u lanqas jagħmel biha l-biża’ imma, bħala vampa ħajja u mħeġġa, dejjem tlebleb ‘il fuq, mingħajr xejn ma jista’ jżommha. Min iħobb jaf x’isarraf u x’igħid dak il-leħen qawwi dak l-għajat, ruħ mixgħula bl-imħabba twassal sal-widnejn t’Alla. Tgħidlu: Alla tiegħi, imħabba tiegħi, Int kollok tiegħi u jien kollni tiegħek.
6. Wessagħli lil qalbi għal imħabbtek, ħalli nista’ ntiegħem il-ħlewwa li fiha l-imħabba tiegħek; u x’hena jkun għal qalbi, li nitgħargħar u ndub f’imħabbtek. Agħmel li nkun kollni kemm jien imħeġġeġ bl-imħabba tiegħek; ħalli bil-ħrara u l-għaxqa ta’ qalbi jiena ninsa lili nnifsi. Iva nkanta l-kantiku ta’ l-imħabba, nimxi warajk. Maħbub tiegħi, sa l-għoli tas-smewwiet, sa ma ruħi togħxa fit-tifħir tiegħek u tintilef fl-imħabba. Agħmel li nħobbok iżjed minni stess, anzi li ma nħobbx lili nnifsi ħlief minħabba fik; agħmel li nħobb fik lil dawk kollha li tabilħaqq iħobbu lilek, bħalma titlob il-liġi ta’ l-imħabba li tiddi bid-dawl tiegħek.
7. L-imħabba hi ħafifa, qalbha f’idejha, imseddqa, ferħana, fuq ruħha u qawwija; l-imħabba tissaporti, ma tibdilx il-maħbub tagħha, taħdem bil-għaqal, tistenna bla ma tgemem, ma tibzax u ma tfitterx qatt lilha nfisha. Malli wieħed jibda jfittex lilu nnifsu, tibda tidbiel fih l-imħabba. L-imħabba hi dejjem b’għajnejha miftuħa, imma umli; timxi dritt, ma tpaxxix lilha nfisha; moħħha ma hux fi ħwejjeġ boloh u fiergħa; bil-qies fix-xewqat tagħha, nadifa f’egħmilha, attenta li ma tittajjarx u ma tiġġerriex ‘l hawn u ‘l hemm, u dejjem għassa fuq is-sensi tagħha kollha. L-imħabba hi kollha umilta lejn is-superjuri, u l-kelma tagħhom tobdi. Min iħobb xejn ma jqis lilu nnifsu. Mimli bi ħrara lejn Alla, u ferħan bil-ġid li minnu jirċievi, jerħi dejjem ruħu f’idejh u fiħ jitma, avolja meta qalbu ma tkunx mimlija bil-ħlewwiet tiegħu: għax bla mrar ma tingħatax imħabba.
8.Min m’hux pront ibati kollox jagħmel kollox kif irid il-maħbub tiegħu, ma jixraqlux l-isem ta’ ħabib li jaf iħobb jaħtieġlu jarfa’ kull toqol u jixrob kull imrar għall-maħbub tiegħu, u jiġrilu ma għandux jiċħadlu l-imħabba.
KAP VI
Kif tiġġarrab il-vera mħabba
ĠESU KRISTU
1. Ibni, l-imħabba tiegħek għad m’hix qawwija u bil-għaqal biżżejjed. Għala, Mulejja? Għax għawġ ta’ xejn jaqtagħlek qalbek u jtellfek milli tkun bdejt, u għax int ilħiħ wisq tfittex is-sabar: Minn hu qawwi fl-imħabba, it-tentazzjonijiet ma jwaqqgħuħx, u anqas iqarraq bih il-għadu bis-sefsif tiegħu. Ħabib miegħi fil-ferħ, u ħabib fil-biki wkoll.
2. Veru ħabib ta’ l-għaqal ma jfittixx x’jagħtih dak li jħobbu, imma jfittex l-imħabba ta’ dak li jagħtih. Aktar iħares lejn il-qalb tal-ħabib tiegħu, milli jifraħ billi jagħtih; u għaliħ iħalli kollox. X’imħabba sbejħa ta’ x’uħud! Isibu l-hena tagħhom mhux filli nagħtihom, imma fija. Xejn ma jimporta, jekk xi drabi tħoss li m’intix miġbud lejja jew lejn il-Qaddisin tiegħi, kif tixtieq qalbek. Dak il-hena, dik il-ħlewwa, li kultant tħoss ġewwa fik, tkun ġejja mill-grazzja tiegħi, li nkun sawwibt ġewwa fik, biex inġagħlek ittiegħem minn hawn it-tgawdija tas-smewwiet. Imma fuq din il-ħaġa xejn ma għandek torbot wisq, għax din tiġik, skond kif jogħġob lili. Iva, għandek tikkumbatti kontra x-xewqat il-ħżiena; u tagħlaq widnejk għas-sefsif tad-demonju; b’hekk tiġi turi t-tjieba tiegħek; barra milli għad tkun imħallas ‘il quddiem.
3. Xejn, mela, la ddejjaq qalbek b’xi ħsibijiet fiergħa li jgħaddu minn moħħok. Żomm il-fehma tiegħek marbuta m’Alla, u wettaq il-proponimenti tajba tiegħek. Jekk xi drabi tħoss qalbek se ttir bl-imħabba, u minnufih tarġa’ tibred kif kienet, xejn la tifhem li dan ikun taqriq tad-demonju. Dan mhux minnek ikun ġej, ikun bagħtulek Alla bi prova: u jekk ma tiħux gost bih, u jekk tilqagħlu, għad tkun imħallas tiegħu, mhux talli ma tintilifx.
4. Kun af li l-għadu l-antik ifittex kemm jiflaħ biex jifga x-xewqat tajba tiegħek, u jbiegħdek mill-egħmil it-tajjeb kollu; jiġifieri li ma tkunx devot lejn il-Qaddisin, li ma ġġibx quddiem għajnejk il-Passjoni mqaddsa tiegħi; li ma toqgħodx tiftakar fi dnubietek; li ma tħarisx sewwa lil qalbek, u li ma tagħmilx proponiment li tiġi ‘l quddiem fit-tjieba. Jibda jġiblek f’moħħok ħafna ħsibijiet ħżiena, biex idejqek u jaqtagħlek qalbek, biex ibiegħdek mill-orazzjoni u mill-kotba tar-ruħ. L-aktar li jinkedd meta jarak tagħmel qrara tajba u umli, u mingħalik iqis ifixklek ħalli ma titqarbinx. Imma xejn la temmnu, għalkemm jibda jonsoblok ix-xbiek tat-taqriq, xejn la tqisu. Meta jġiblek f’moħħok ħsibijiet ħżiena u moqżieża, u int ma għandekx ħtija, il-ħtija ixħetha kollha fuqu, u għidlu: ċċWarrab minn ħdejja jamoqżież;
itlaqni u mur għal xogħlok; lili ma għandekx xi tridni, ja ħażin; ebda jedd ma għandek fuqi. Ġesu miegħi, jikkumbatti għalija bħala gwerrier qawwi; għalik ma hemmx ħlief il-mistħija. Irrid, iva, immut u nbati kull tbatija, imma le nagħmel dak li tgħidli int. Sikket ilsienek, tbikkem; ma rridx naf bik. Alla hu d-dawl u l-qawwa tiegħi. Minn min nibża’? Mqar mill-qtajjiet sħaħ ma nibża’ minn xejn ma naqta’ qalbi: Alla jgħinni u jifdini.’’
5. Ikkumbatti mela bħala suldat qalbieni; u jekk xi darba minħabba fid-debbulizza tiegħek taqa’, itma li jkollok grazzja ikbar u targa’ tiġik qawwa akbar milli kellek. Imma ara tinfetaħ bik innifsek u titkabbar! Fuq hekk illi bosta jitilfu t-triq it-tajba, u jġibhom f’għama li forsi ma jfiqux minnu. U int, minn dan it-telfien tas-suppervi li għandhom tama belha u żejda fil-ħila tagħhom, tgħallem oqgħod b’għajnejk miftuħa fuqek innifsek, u kun umli.
KAP VII
Il-grazzja għandna nżommuha moħbija taħt l-umilta
ĠESU KRISTU
1. Ibni, wisq kien ikun aħjar għalik li żżomm moħbija l-grazzja tiegħi. Biha xejn la toqgħod titkabbar, la ssemihiex wisq, anqas taħseb fuqha; ftakar li xejn ma ħaqqek minn dan il-ġid kollu. Meta tħoss lil qalbek ferħana bil-grazzja, xejn la timla rasek biha; int taf kemm malajr qalbek terġa’ għal li kienet. U meta l-grazzja tkun tgħammar fik, ftakar kemm tkun fqir mingħajrha.
La tmurx b’moħħok li int ilħaqt xi ħaġa għax ikollok il-ħlewwa tal-grazzja tiegħi, għaliex aktar tirbaħ fil-qdusija jekk tissabbar meta nċaħdek minnha; b’mod illi u la tħalli għaldaqshekk l-orazzjonijiet tiegħek, u anqas ma titbiegħed mill-opri tajba li tagħmel. Anzi agħmel, tibżax, mill-aħjar li tista’ u mill-aħjar li taf dak li tiflaħ; u ma għandekx għax titlaq ruħek jekk tħoss bruda u frugħa ġewwa qalbek.
2. Għax jinsabu bosta wħud li, jekk ma jiġrilhomx kollox kif jixtiequ, minnufih jitilfu sabarhom u jitilqu kollox. Imma mhux hekk għandu jkun; għax il-bniedem mhux dejjem jista’ jimxi kif irid; għaliex f’idejn Alla hu li jagħti l-grazzja tiegħu u jsabbar, meta jrid hu, kemm irid hu u lil min irid hu, u kif jogħġob lilu u mhux iżjed. X’uħud, neqsin mill-għaqal, biex intilfu? Bil-grazzja stess li Alla tahom; għax riedu jagħmlu aktar milli kienu jifilħu. Ma kinux iġibu quddiem għajnejhom il-ħila ċkejkna tagħhom; u kienu jintelqu għax xewqat ta’ qalbhom aktar milli jifilħu għalihom,. U billi dehrilhom li għandhom jilħqu aktar milli kien jogħġob ‘l Alla, dlonk tilfu l-grazzja tiegħu. Ftaqru mela u tilfu l-ġmiel ta’ ruħhom, billi dehrilhom li laħqu l-bejta tagħhom fis-smewwiet. Imma jservihom b’ġid; ħalli fil-għaks u l-faqar li fih waqgħu, jitgħallmu li ma għandhomx jittajru bil-ġwienaħ tagħhom, imma jimxu fuq it-tagħlim tiegħi u jittamaw fija. Dawk li għadhom ġodda u ma drawx għal kollox fit-triq t’Alla, bħalxejn jistgħu jitqarrqu u jintilfu jekk ma jiħdux id-dawl minn min jista’ jtihulhom, u jimxu bil-għaqal.
3.Min aktar ifittex il-fehma ta’ moħħu, jew ta’ min jista’ jagħtih id-dawl aktarx jispiċċah ħażin, jekk ma jiftaħx għajnejħ u jinża’ mill-fehma tiegħu. Ma jidhirlu li hu għaref wisq, darba fit-tant issibu joqgħod għall-fehma ta’ ħaddieħor. U għalhekk aħjar tkun taf ftit u tkun umli milli kieku qatt ikollok xmara ta’ għerf u tkun minfuħ bik innifsek: u aħjar ikollok ftit, milli jkollok wisq; għax bil-wisq għandek ħila titkabbar. Iblah hu min jagħti ruħu għall-ferħ, jinsa l-faqar li fih kien minn qabel, u ma jibżax li jitlef il-grazzja sabiħa li Alla għoġbu isawwablu f’qalbu. Anqas ma jagħmel sewwa min f’xi slaleb u f’xi tribulazzjoni jaqta’; qalbu, u fija ma jiftakarx u lanqas ma jitttama kif imissu.
4.Min fi żmien il-paċi jidhirlu li ħadd ma jista’ għalih, aktar fil-gwerra ssibu ta’ qalb ċkejkna u beżżiegh. Li kont iżżomm ruħek dejjem umli u ċkejken, u teqfilhom dejjem lill-passjonijiet tiegħek, kieku ma taqax hekk spiss fit-tiġrib u fid-dnub. Hi haġa wisq tajba li, meta l-grazzja tixgħellek ruħek bl-imħabba, taħseb ftit biex issib ruħek meta hi tħallik; u meta dan igħaddi mingħalik, tibżax, ġib quddiem għajnejk li għad jista’ jkollok id-dawl imqaddes tiegħi, u li meta nċaħħdek minnu għal xi żmien, ikun għall-ġid tiegħek u għall-glorja tiegħi.
5.Kun af li din ma tkunx ħlief prova, li aktar tiswielek milli kieku kollox jiġik għal qalbek. Għax, kos, il-merti ma jitqisux fuq li wieħed ikollu xi dehriet; fuq li qalbu tkun mimlija bil-hena tas-smewwiet, fuq li jkun għaref fl-Iskrittura Mqaddsa; jew li jkun miġjub fuq l-idejn: le, xejn minn dan kollu, imma hemm bżonn li hu jkun mimli bil-vera umilta u bl-imħabba tiegħi, li jfittex dejjem l-unur u l-glorja tiegħi biss, li jgħodd ruħu ta’ xejn; li jdaħħalha f’moħħu li hu nnifsu m’hu xejn; u li aktar jieħu pjaċir meta l-oħrajn ma jqisuhx jew igħajruh milli kieku joqogħdu jfaħħruh.
KAP VIII
Jaħtiġilna nifmuha li quddiem Alla m’aħna xejn
IR-RUĦ
1. Issa jien, ftit trab u rimed, għandi wiċċ nitkellem mas-Sinjur Alla tiegħi? Jekk ingħodd ruħi b’xi ħaġa, insib lilek quddiemi, Sinjur; u minfuq, dnubieti jixhdu xhieda sħiħa kontra tiegħi; u jien ma nistax dan niċħdu. Imma jekk jien nistqarr ix-xejn tiegħi, jekk jien ebda kont ma nagħti tiegħi nnifsi, anzi jekk jien ingħodd ruħi mat-trab, ta’ trab li jien dlonk insib il-grazzji tiegħek miegħi, u d-dawl tiegħek insibu jiddi ġewwa qalbi; u jekk jien minn qabel kont naħsibni xi ħaġa, din il-fehma tiegħi innifsi tegħreq fil-mewġ tax-xejn tiegħi, u tintemm għal dejjem. Hekk int turini x’jien, x’kont, u mnejn ġejt, għax jien xejn, u anqas kont nafu! Jekk terħini waħdi ma jibqax fija ħlief miżerji u xejn; imma jekk int iddawwar wiċċek lejja, minnufih nissaħħaħ nimtela b’ferħ ġdid. U nħossni nistagħġeb xħin naħbat naħseb, li hekk malajr int terfagħna u b’tant ħlewwa tgħannaqni, għalkemm bit-toqol ta’ dnubieti m’jiniex miġbud ħlief għall-ħwejjeġ ta’ l-art.
2. Dan taf tagħmel l-imħabba tiegħek, Mulejja, qabel xejn iżżurni mingħajr xejn ma jistħoqqli biex imbagħad tieqaf miegħi f’tant żonnijiet tiegħi, tħarisni minn tant tiġrib kbir u minn deni (nista’ ngħid) bla tarf. Meta ħabbejt iżżejjed lili nnifsi, tlift lili nnifsi; u meta fittixt lilek biss, u b’qalbi kollha ħabbejtek, sibt lili u lilek ukoll, u bil-qawwa ta’ mħabbtek irnexxieli li tant ċekkint ruħi quddiemek li sirt narani xejn. Għaliex int, o Ġesu ħelu tiegħi, tagħmel miegħi aktar milli ħaqqni, u aktar milli għandi ħila nitma jew nitolbok.
3.Tkun mela mbierek.. Mulejja Alla tiegħi, għax għalkemm ebda ġid ma ħaqqni, int, bil-kobor u t-tjieba tiegħek ta’ bla tarf, ma teħdiex tagħmel il-ġid lil min hu qalbu iebsa miegħek, lil min iżomm ruħu minnek. Rattbilna qalbna għalik, biex nagħrfu l-ġid li tagħmlilna, u nkunu umli u devoti; għaliex inti s-saħħa tagħna, il-għana tagħna u l-qawwa tagħna.
KAP IX
F’kulma nagħmlu ma għandniex infittxu ħlief ‘l Alla
1. Ibni, jien għandi nkun l-aqwa xewqa tiegħek; lili għandek tfittex fuq kollox, jekk tabilħaqq tixtieq il-hena. Jekk timxi b’dawn il-fehmiet, titnaddaf l-imħabba tiegħek, li bosta drabi hi tfittex lilek innifsek u lill-ħwejjeġ ta’ l-art. Għaliex kemm-il darba tfittex li taqta’ x-xewqat ta’ qalbek, inti dlonk jiġrilek bħal dik is-siġra, li tidbiel u tinxef. Mela kulma tagħmel agħmlu għall-unur tiegħi, għax jiena hu li kollox tajtek. F’kelma waħda, kemm ħwejjeġ tara, ftakar li huma minn ġid kbir, u għalhekk ħsiebek għandu jmur fija, li minni huma ġejjin.
2. Minni jimlew l-ilma tal-ħajja,bħalkieku minn għajn ta’ ilma ġieri, iċ-ċkejken u l-kbir, il-fqir u l-għani; u min jaqdini bil-qalb u minn rajh inħallsu bil-grazzja tiegħi. Imma mbagħad, min ifittex il-glorja u l-hena fi ħwejjeġ oħra u mhux fija, dan ma jistax ikollu l-milja tal-hena, u minflok li qalbu titwassal għall-ferħ, aktar issib x’idejjaqha u jnikkitha. Mela jekk tara xi tjieba fik, xi virtu, la tgħidx li hi ġejja minnek jew minn xi bniedem ieħor, imma mn’Alla, li mingħajru l-bniedem ebda ġid ma għandu. Jien hu li tajtek kulma għandek u li nixtieqlek li jkollok kollox, u jien għajjur u rridek tkun tafhuli f’qalbek dal-ġid.
3. Smajthiex, fhimthiex dil-verita sabiħa, li għandha tbegħidlek il-frugħa minn qalbek? Jekk fiha tilħaq tidħol il-grazzja tas-smewwiet u l-vera karita, u la tgħammar fiha l-għira u la n-niket, anqas l-imħabba tiegħek innifsek; għax l-imħabba t’Alla tirbaħ kollox u iżid fis-saħħa tar-ruħ. Jekk taf tmexxi sewwa l-ħsibijiet tiegħek, fija biss tkun tithenna, fija biss tkun tittama; għax xejn ma hu tajjeb ħlief alla, li lilu jistħoqq f’kollox u fuq kollox it-tifħir u l-barka.
KAP X
Kemm ikollna hena kbir f’qalbna, jekk nixħtu d-dinja wara spallejna biex naqdu ‘l Alla
1. Narġa’ nsejjaħlek, Mulejja, u nibqax sieket. Nersaq lejn Alla tiegħi, lejn is-Sid tiegħi, lejn is-Sultan tiegħi, li hu fil-għoli tas-smewwiet, u ngħidlu: Kemm huma kbar il-ħlewwiet li inti tfajt għal dawk li għandhom il-biża’ tiegħek! Mela x’tagħtihom lil dawk li jħobbuk, lil dawk li jaqduk b’qalbhom kollha! Le, ħadd ma jista’ jfisser il-ħlewwa li xxerred fuq dawk li jħobbuk, meta fik ikunu jaħsbu. Iva, Mulejja, meta ħlaqtni mix-xejn, meta mit-triq tad-dlam fejn jien kont miexi bgħid minnek, qbadtni minn idi u ġagħaltni nservik u nħobbok, inti wrejtni kemm hi kbira l-imħabba tiegħek lejja.
2. O għajn ta’ l-imħabba eterna, x’naqbad ingħid minnek! U kif nista’ ninsa lilek li kont tant twajjeb li tiftakar fija wara li jien kont midneb u mitluf? Int kellek ħniena minni, dnub, u kont mitluf! Int kellek ħniena minni qaddej tiegħek, aktar milli kont nitma; u għanejtni bl-imħabba u l-grazzja tiegħek, waqt li ma kienx ħaqqni. Kif nista’ npattilek għal kulma għamilt miegħi! Għax taf, Mulejja, li mhux kulħadd jista’ jħalli kollox u jagħlaq għad-dinja, u jilbes iċ-ċoqqa.
Xejn mela ma tkun ħaġa kbira li jien nservik; jaqaw mhux il-ħlejjaq kollha għandhom iservuk! Le, xejn ma hi ħaġa kbira li nservik; ħaġa kbira u tal-għaġeb hi li lili, tant fqir u ċkejken, jogħġbok tilqagħni bħala qaddej tiegħek, u tgħoddni mal-maħbubin qaddejja tiegħek.
3. Kulma għandi u kulma ninqeda bih biex inservik, kollox tiegħek, u frattant, aktar is-servini inti milli nservik jien. Tarax, is-sema u l-art li int ħlaqthom biex jaqdu l-bniedem, dejjem miegħek biex jagħmlu dak li trid minnhom. M’hux biżżejjed; int sa lill-Anġli tridhom iħarsu lill-bniedem. Imma fuq kollox imbagħad, inti stess, Mulejja, sa ridt isservi lill bniedem u wegħidt li tagħti lilek innifsek.
4. U issa jien x’nista’ nagħtik għaldal-ġid kollu li għamilt miegħi! Eh, li kont nista’ nservik sewwa mqar ġurnata waħda biss! Iva, Mulejja, inti ta’ min iservik, ta’ min jagħtik ġieh, ta’ min ifaħħrek, għal dejjem. Iva, inti s-Sid tiegħi, u jien imsejken is-serv tiegħek, u għaldaqstant jien għandi nservik b’qawwieti kollha bla ma negħja qatt infaħħrek. Hekk irrid u hekk nixtieq; u kompli int għan-nuqqas tiegħi.
5. Unur kbir, glorja kbira jaqla’ min iservi lilek, u xejn ma jqis il-ħwejjeġ kollha ta’ l-art għall-imħabba tiegħek. U dawk li joqogħdu bil-qalb għal-liġi mqaddsa tiegħek, inti tagħnihom bi grazzji wisq kbar. Dawk li minħabbha fik ma jfittxux il-pjaċir tal-ġisem isibu ġewwa qalbom il-hena, il-ħlewwiet kollha ta’ l-Ispirtu s-Santu; u dawk li għall-ġisem imqaddes tiegħek jixteħtu fit-triq tat-tbatija u xejn ma jqisu t-twegħir tad-dinja, f’ruħhom iħossu l-milja tal-mistrieħ.
6. Oh, kemm hi sabiħa u tal-hena l-ħajja ta’ dak li jservi ‘l Alla! Għalih jispiċċa l-jasar u tibda l-qdusija. Ibierek l-istat tal-patrijiet u s-sorijiet! Fih il-bniedem isir jixbaħ lill-Anġli, jogħġob ‘l Alla, jitkexkxu minnu d-demonji u jkunu l-hena tat-tajbin kollha. Oh, mela, ħajja ta; min iservi ‘l Alla, kemm int ta’ min jixtieqek u jħaddnek! Waqt li bik il-bniedem isir jistħoqqlu ġid ta’ bla tarf, jaqla’ wkoll bik hena li qatt ma jintemm.
KAP XI
Ix-xewqat tagħna jaħtiġilna rrażżnuhom
ĠESU KRISTU
1.Ibni, baqagħlek titgħallem bosta ħwejjeġ li għadek ma tafhomx sewwa.
IR-RUĦ
2. Għidhomli, Mulejja
ĠESU KRISTU
3.Ix-xewqat tiegħek, mela, għandhom ikunu skond qalbi; u hekka flok li tkun tħobb lilek innifsek inti ma tfittixx ħlief li togħġob lili. Bosta drabi tħoss xewqat li jixegħlulek qalbek u jqanqluhielek bil-għaġla, imma ara jekkk intix qiegħed tixtieq dil-ħaġa għall-unur tiegħi, jew għax jaqbel lilek. Jekk dix-xewqa tkun ta’ ġieh lili, int tintebah; għax jiġrilek x’jiġrilek tħoss ġewwa fik il-hena, imma jekk tħossok imħabbat u b’għoqla fuq qalbek, sinjal li mit-twila sal-qasira tindaħal l-imħabba żejda tiegħek innifsek.
4. La tantx mela timla rasek b’xi xewqat li jiġuk mingħajr ma tkun rajt jistgħux jogħġbu lili; li ma jkollokx ewwilla tindem minnhom ‘il quddiem, għalkemm għall-ewwel fraht bihom u dehirlek li huma kollha qdusija. Għax kull ħsieb li jidhirlek li hu tajjeb, għandek timxi miegħu b’għajnejk magħluqa; anqas kull ġibda li taħsibha ma tgħoddx għalik, ma għandekx għax twarrabha kif ġieb u laqat. Xi drabi hemm bżonn li tirregola ruħek sa fil-ħwejjeġ u fix-xewqat it-tajba, li ma jiġrilekx li billi taħseb dejjem fl-istess ħaġa, moħħok jibda jisħon; biex ma tagħtix skandlu lill-oħrajn bin-nuqqas tal-qies, u biex meta ssib min jaqaflek, ma titħawwadx minn ġewwa u tmur ukoll tiżloq.
5. Imma xi drabi jkun hemm bżonn ukoll li tagħmel forza kontra dawn ix-xewqat tiegħek u tiqfilhom u xejn la tfittex lilek jogħġbukx jew le; anzi ġġiegħel lilek innifsek toqgħod għalihom. Żomm lilek innifsek u ibqa’ żomm sa ma l-qalb tiegħek tidra toqgħod għal ftit u ma tgemgimx għal xejn b’xejn.
KAP XII
Fuq li għandna nieħdu paċenzja u rrażżnu l-passjonijiet tagħna
IR-RUĦ
1. Mulejja, milli nara, mingħajr il-paċenzja ma nista’ nagħmel xejn, għax f’din il-ħajja bosta ħwejjeġ jiġruli kontra qalbi. Nagħmel kemm nagħmel biex ingħix kwiet, jaħtieġ li dejjem inkun qalb in-niket u l-għawġ.
ĠESU KRISTU
2. Sewwa għidt, ibni. Imma jien ma rridekx tfittex paċi, li tkun bla slaleb u bla għawġ. Anzi aktar ma ssib ruħek imħabbat u mġarrab, aktar isserraħ rasek li għall-aħjar tiegħek.
Jekk jidhirlek li ma tistax tbati wisq, kif trid ‘il Quddiem issofri n-nar tal-Purgatorju! Minn żewġ ħsarat, dejjem agħżel l-iżgħar. Biex mela tista’ teħles mit-tbatija tad-dinja l-oħra, idra sofri għal Alla l-gwaj ta’ did-dinja. Ma taħsibx ewwilla li n-nies mogħtijin għad-dinja ma jbatu xejn, jew ibatu ftit! Imqar l-aktar paxxuti ssibhom ibatu xi ħaġa.
3. Imma (tiġi tgħidli), għandhom bosta pjaċiri u jagħmlu rajhom, u għaldaqstant ftit iħossuhom it-tribulazzjoniet.
4. Tajjeb qisu li hekk hu, u nagħmlu kont li jsibu dak kollu li jixtiequ, imma kemm idumu hekk? Kemm? Bħad-duħħan it-tpaxxija tagħhom, u anqas biss ma tibqa’ tifkira tal-pjaċiri tagħhom. Anzi mhux dan biss; sa f’ħajjithom stess, il-pjaċiri jgawduhom bl-imrar, bid-dieqa u t-taqtiq ta’ qalb. Mela dak stess li fih isibu l-għaxqa tagħhom jisqihom ukoll it-tazza ta’ l-imrar, u hekk jaħtieġ li jkun, ħalli la darba bhejjem fittxew il-pjaċiri jgawduhom qalb it-taħbit u t-taqtiq ta’ qalbhom.
Il-pjaċiri tad-dinja!…Eh, kemm malajr jispiċċaw u kemm huma qarrieqa! Ma fihomx ħlief suppervja u qżież. Imma bosta bnedmin, fis-sakra u l-għama tagħhom, ma jifhmuhiex din, bħala bhejjem ipaxxu ftit lil ġisimhom, joqtlu l-ħajja tar-ruħ tagħhom.
Int mela, ibni, la tikkuntentax lill-passjonijiet tiegħek, jew anqas ix-xewqat tiegħek il-ħżiena. Il-għaxqa tiegħek trid tkun f’Alla biex hu jagħtik kulma tixtieq qalbek.
5. Jekk trid li tabilħaqq tifraħ u ttiegħem il-ħlewwa tal-konsolazzjoni tiegħi, ixħet taħt riġlejk il-pjaċiri tad-dinja, infatam mit-tgawdija kollha ta’ din l-art li fix-xejn jispiċċaw, u tara kif ikollok il-barka u kif ġewwa qalbek tħossok tfur bil-hena. Aktar ma int taħrab il-pjaċiri tal-ħwejjeġ maħluqa, aktar issibhom ħelwin u kbar il konsolazjonijiet tiegħi. Imma niftiehmu, biex issib fija l-hena tiegħek, hemm bżonn bilfors issofri xi dwejjaq, xi tbatija u xi mrar. L-ewwel tħossha iebsa li titlaq id-drawwa li jkollok; imma din tirbaħha bi drawwa tajba. Tibżax, nissel f’ruħek vera ħrara, u tirbaħ lilek innifsek. Id-demonju jixgħel għalik, imma bit-talb ‘l Alla tħarrbu; u jekk tqis ma toqgħod qatt qiegħed, isib il-bieb ta’ qalbek magħluq u ma jkunx jista; jidħol f’ruħek.
KAP XIII
Ħobb oqgħod għal ħaddieħor biex tixxiebaħ lil Ġesu Kristu
ĠESU KRISTU
1. Ibni, min ma jħobbx jobdi jbiegħed minnu l-grazzja t’Alla; u min jirgħeb għal xi ħaġa għalih jibqa’ biex jitlef li jaqilgħu sħabu l-oħrajn. Min ma joqgħodx b’qalbu kollha bħala lsir għal dak li jrid minnu s-superjur, jiġifieri li l-passjonijiet tiegħu jagħilbuh. Idra, mela, obdi malajr l-ordni tas-superjuri tiegħek, jekk tridu ‘l ġismek iġġibu għal idejk u bħala lsir tiegħek. Għax meta lill-għadu ma tħalliħx jidħol ġewwa, aktar tirbħu malajr u bla tbatija. Ma hemmx għadu aktar qalil għal ruħek milli inti stess, meta tagħlaq widnejk għat-twissijiet ta’ l-Ispirtu Santu, u jekk trid toħroġ rebbieħ mill-ġisem tiegħek, jaħtieġlek tgħakkes l-ewwelnett lilek innifsek. U taf għaliex għadek ma tridx toqgħod kelma b’kelma għalih jgħidulek l-oħrajn? Għax għadek tħobb wisq lilek innifsek.
2. Jaqaw jidhirlek li ħaġa kbira, li int
ftit trab, anzi xejn, minħabba f’Alla tobdi f’kollox dak li jgħidulek oħrajn? Ġib, ġib ftit quddiem għajnejk li jien, li nista’ kollox, li jien fuq kollox, li kollox ħlaqt mix-xejn, minħabba fik sirt ilsir tal-bniedem. Ċekkint ruħi, sirt l-iżgħar fost il-bnedmin, biex bl-umilta tiegħi rrażżan is-suppervja tiegħek. Tgħallem ċekken ruħek, tajn u ħama l’int; tgħallem tbaxxa, li kulħadd jirfes fuqek. Idra iċħad il-volonta tiegħek, u midd għonqok għal kulħadd u għal kollox.
3. Ikbes bi ħrara kontra tiegħek, u la tħallix li titnissel fik il-kburija. Anzi kun umli u ċkejken, li kulħadd jirfsek bħala l-tajn fit-toroq. Int bniedem kollok frugħa, mniex qatt għandek tilmenta? Midneb imkasbar b’kull dnub, xi trid titkellem jekk xi ħadd imissek bi lsienu, int li tant drabi offendejt ‘l Alla u tant drabi ħaqqek l-infern?
Imma le; jiena ħfirtlek għax ruħek għażiża f’għajnejja; biex hekk inti tista’ tifhem sa fejn tasal imħabbti, u tagħraf kemm swejtlek; agħti ruħek darba għal dejjem għall-ubbidjenza umli, u ħu paċenzja jekk id-dinja drabi xejn ma tqisek.
KAP XIV
Biex ma nintefħux b’xi ġid li nagħmlu għandna naħsbu fuq il-ġudizzji moħbija t’Alla.
IR-RUĦ
1. Sinjur, int issamma’ f’widnejja l-ġudizzji teigħek bħala ragħda, għadmi jitheżheż bil-biża’ u t-tregħid, ruħi titkexkex. Ninbala’ meta nġib quddiem għajnejja li s-smewwiet m’humiex indaf quddiemek. Jekk int sibt xi tgħid fl-Anġli u ma ħfirtilhomx, x’ser ikun minni? Waqgħu sal-kwiekeb mis-smewwiet, u jien għandi ħila nittma fija nnifsi? Nies li dehrilna jagħmlu opri tajba, iġġarrfu u waqgħu; u oħrajn, li kienu jitpaxxew bil-ħobż ta’ l-Anġli, laħqu kielu l-ikel ta’ l-annimali moqżieża.
2. Mela Sinjur, minn fejn int titwarrab ma tinsabx qdusija. Ebda għerf ma jiswa, jekk int ma tibqax trieġi. U liema qawwa hija biżżejjed, jekk int ma tibqax twettaqha? Liema hi l-indafa li ma għandhiex tibża’, jekk mq tibqax twettaqha? Liema hi l-indafa li ma għandhiex tibża’. jekk ma tibqax tħarisha? Jista’ wieħed joqgħod għajenjh miftuħa kemm irid…xejn ma jiswielu, jekk int ma tħarsux. Jekk int terħilna, ninżlu taħt l-ilma u negħerqu; imma jekk iżżurna, nirtefgħu u ngħixu. Tabilħaqq li ma’ kull riħ induru; imma int terġa’ tixgħelna bi mħabbtek.
3. Oh, kemm għandi nara ruħi ċċkejken u nkun umli! U kemm ma għandix biex nintefaħ jekk jidhirli li qed nagħmel xi ġid! Kemm għandi mniex nistħi minni nnifsi quddiemek, Mulejja! Ħdejk ma nsibx li jien ħaġ’oħra ħlief xejn u anqas minn xejn. O toqol bla tarf! O baħar bla fini! Fejn hi mela l-glorja tiegħi moħbija? Fejn it-tama li kont nissilt fit-tjieba tiegħi? Tabilħaqq li jien m’jien xejn! Jaħasra għalija!
4.X’inhu l-bniedem quddiemek?Huwa t-tafal jista’ jitkabbar quddiem min għamlu? Qalb li tabilħaqq laħqet irtabtet ma’ Alla tista’ qatt tintefaħ bis-suppervja? Min laħaq ta ruħu ‘l Alla, anqas jekk id-dinja kollha tfaħħru, ma jintefaħ. U hekk hu; għax dawk kollha li jitkellmu, xejn ma huma; imutu huma u magħhom il-ħoss ta’ kliemhom; imma l-Verita t’Alla tibqa’ għal dejjem.
KAP XV
Kif għandna nġibu ruħna fix-xewqat tagħna
1. Ibni, f’kollox għandek tgħid hekk:ċċMulejja, jekk dan jogħġob lilek, ħalli ssir dil-ħaġa. Mulej, jekk hi ta’ glorja tiegħek, ħalli ssir fl-isem tiegħek. Mulejja, jekk tara li hi ġid tiegħi, tini grazzja li tgħaddi mingħalija ad unur tiegħek. Imma jekk tara li din il-ħaġa tkunli b’deni, u ma tkunx tisweili għas-salvazzjoni ta’ ruħi, neħħili din ix-xewqa minn qalbi.’’ Għax kun af, ibni, li mhux kull xewqa li l-bniedem jaħsibha mill-Ispirtu Santu, tkun tajba u sewwa. Hi ħaġa wisq tqila, ti tagħraf jekk hux l-ispirtu tajjeb jew il-ħażin li qed iġagħlek tixtieq dil-ħaġa u dik l-oħra, jew jekk hix ukoll l-imħabba tiegħek innifsek. Kemm u kemm baqgħu biex tqarrqu, li għall-ewwel kienu mexjin b’fehma tajba!
2. Mela kulma tixtieq qalbek u jidhirlek li hu sewwa, xtiequ u itolbu dejjem bl-umilta u bil-biża’ t’Alla: irtabat mal-volonta tiegħi, erħi ruħek f’idejja u għidli: ċċMulejja, isir minni dak li trid int. Tini dak li trid int, u kemm trid int u meta trid int. Agħmel bija kif taf u kif jogħġbok, basta jkun bi glorja tiegħek. Qegħidni fejn trid u għalija tibża’ xejn, agħmel minni li trid. Huwa jien, Mulejja, jien lest għal kollox; le ma rridx ingħix għalija, imma għalik. U mhux li nista’, jaħasra, ngħixu sew kif jixraq lil nisrani!’’
TALBA
Biex Alla jagħtina grazzja li ngħixu għal qalbu
IR-RUĦ
3. Maħbub Ġesu tiegħi, tini l-grazzja tiegħek, biex hi tkun miegħi, u taħdem miegħi, u tibqa’ miegħi sal-aħħar. Agħmel li jien dejjem nixtieq u rrid dak li jogħġob lilek. Il-volonta tiegħek tkun tiegħi; anzi kulma rrid nixtieq li tkun ridtu int qabel, ħalli dejjem naqbel miegħek f’kulma rrid. Trid u ma tridx int…irrid u ma rridx jien; u nixtieq li ma nkunx nista’ rrid u ma rridx ħlief dak li trid jew ma tridx int.
Tini grazzja li mmut għall-ħwejjeġ kollha tad-dinja; agħmel li l-pjaċir tiegħi jkun li minħabba fik inkun imżeblaħ u ma nkun magħruf minn ħadd. Tini grazzja li l-aqwa xewqa tiegħi tkun li qalbi fik biss issib il-mistrieħ u l-paċi tagħha. Iva; inti l-vera paċi tal-qalb, int waħdek is-serħan tagħha, barra minnek ma hemmx ħlief għali u taħbit. F’din il-paċi, Mulejja, jiġifieri fik, li waħdek int l-aqwa ġid tiegħi u ta’ dejjem, irrid insib il-mistrieħ tiegħi.
KAP XVI
Il-veru hena biss f’Alla għandna nfittxuh
IR-RUĦ
1. Kulma nista’ nixtieq, kull hena li moħħi jista’jaħseb, mhux f’dil-ħajja għandi nistenna li nsibu, iżda fl-oħra. Kieku stess il-pjaċiri u t-tpaxxija kollha tad-dinja nista’ ngawdihom waħdi, jiena naf li żmien twil ma nistax ingawdihom. Mela int, ruħ tiegħi, ma tistax issib is-sabar u l-hena tiegħek sewwa ħlief f’Alla, li jhenni ż-żgħar u jferraħ l-umli. Stenna ftit, ruħ tiegħi, sakemm iseħħu l-wegħdiet t’Alla; stenna, u fis-smewwiet issib il-kotra ta’ kull ġid. Jekk inti tirgħeb wisq għall-ħwejjeġ ta’ din l-art titlef il-ħwejjeġ eterni tas-smewwiet. Ta’ did –dinja nqeda bihom għax bilfors imma xtieq ta’ l-oħrajn b’qalbek kollha. Ebda waħda mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, avolja tajba, ma tista’ xxebbgħek, għax int ma kontx maħluqa biex tgawdi dawn il-ħwejjeġ.
2. Kieku stess kemm-il ħaġa tajba maħluqa kienet tiegħek, ma tista’ qatt tkun f’siktek għal kollox. Il-hena u t-tgawdija tiegħek kollha tinsab f’Alla li ħalqek; ifhimha tajjeb: dan ma jkunx hena kif jaħsbu u jiftaħru bih dawk il-għomi li jħobbu d-dinja; imma kif jistennewh il-veri nsara, u kif ġa ippruvawh sa minn dil-ħajja n-nies it-tajba, li għandhom qalbhom safja, li bil-ħsibijiet tagħhom igħixu fis-smewwiet. Il-konsolazzjoni ta’ l-art fix-xejn u malajr tispiċċa; il-vera konsolazzjoni hi dik li l-Verita stess ġewwa fina tnisslilna. Min hu ruħ tajba, kull fejn imur, jieħu miegħu l-konsolazjoni tiegħu – lil Ġesu –u jgħidulu; ċċMulejja, Ġesu tiegħi, kun miegħi kull ħin u kullimkien. Il-hena tiegħi għandu jkun dan: li ndarri ‘l qalbi li ma tfittix is-sabar minn bnedmin bħali. U jekk stess tonqosni l-konsolazzjoni tiegħek, agħmel li l-akbar hena tiegħi jkun dan: li nagħmel rajk, u li l-egħmil tiegħi ikun jogħġob lilek. Għax int, Mulejja, ma tibqax dejjem qalil għalina, u anqas ma tibqa’ theddidna għal dejjem.’’
KAP XVII
Inħabirku biex nogħġbu ‘l Alla biss
ĠESU KRISTU
1. Ibni ħallini nġib ruħi miegħek kif jidhirli, jiena naf x’inhu li jiswielek. Inti taħseb ta’ bniedem, u bosta drabi toqgħod għal li jiġbduk il-passjonijiet tiegħek.
IR-RUĦ
2. Sewwa qed tgħidli, Mulejja ! Aktar taħseb u tħabrek int, milli nista’ naħseb u nitħabat jien nnifsi. Fuq ir-ramel jibni min ma jerħix ruħu f’idejk. Mulejja, agħmel bija int dak li jogħġbok, basta l-volonta tiegħi tkun marbuta sewwa ma’ tiegħek, għax tagħmel minni li tagħmel għalija ma jistax ikun ħlief ġid. Jekk jogħġbok thennili lil qalbi, niżżikħajr, u jekk tridni nkun imħabbat, tkun imbierek għal mija u elf darba.
ĠESU KRISTU
3. Ibni, hekk għandek iġġib ruħek, jekk trid timxi miegħi. Għandek tkun pront għat-tbatija, daqs kemm għat-tgawdija. Il-faqar u l-għaks ifraħ bihom xorta waħda daqs kieku ġid u għana.
IR-RUĦ
4. Mulejja, dak kollu li jogħġbok tibgħatli, bil-pjaċir noqgħod għalih għall-imħabba tiegħek. Il-ġid u d-deni, il-ħelu u l-morr, is-sabar u d-dwejjaq neħodhom xorta waħda mn’idejk; u f’kulma jiġrili dejjem niżżikħajr. Eħlisni minn kull dnub u mill-bqija, ma nibżax u la mill-mewt u anqas mill-infern. Ħalli jiġu fuqi s-slaleb kollha, xejn ma jagħmluli, basta ma tkeċċinix minn quddiemek għala dejjem, u ma tħassarnix mill-ktieb tal-ħajja ta’ dejjem.
KAP XVIII
It-tbatijiet ta’ did-dinja għandna noqogħdu għalihom bil-qalb it-tajba.
ĠESU KRISTU
1. Ibni, jien inżilt mis-sema biex insalva lilek, u ilbist il-miżerji tiegħek, mhux għax kelli bżonn, iżda għax tant ħabbejtek. Biex hekk int titgħallem il-paċenzja u biex il-miżerji ta’ dil-ħajja ma tgemgimx minnhom. Minn xħin twelidt sa mitt fuq is-Salib, ebda siegħa ma bqajt bla tbatija. Minn ħwejjeġ tal-ħajja sibt ruħi nieqes għal kollox; taqsis fuqi kull ħin kont nisma’, ħammart wiċċ; rajt minn kollox, u ħadt paċenzja. Għamilt mirakli, u pattewli bid-dagħa; għallimt u għalija ma kellhomx ħlief tagħjir.
IR-RUĦ
1. Sinjur, la darba int sofrejt daqshekk f’ħajtek, l-aktar biex tkompli r-rieda ta’ Missierek, hu xieraq li jien, midneb kif jien, nieħu paċenzja billi jiġrili, kif jogħġob lilek u li jien narfa’ t-toqol ta’ din ħajti kollha miżerji, sakemm trid int. Għax għalkemm din il-ħajja jidhrilna li hi qalila, bil-grazzja tiegħek issir għalina ta’ mertu kbir; u bl-eżempju tiegħek u tal-Qaddisin tiegħek, il-ħila tagħna, għalkemm ċkejkna, titwettaq u moħħna jaqla’ dawl akbar. Anzi dil-ħajja aktar hi ħienja milli kienet fil-Liġi l-antika, meta l-bwieb tas-smewwiet kienu għadhom magħluqa, u sa t-triq tal-ġenna kienet donnha miksija bid-dlamijiet, u ftit nies kienu jħabbtu rashom fuq is-saltna tas-smewwiet. Għaliex anqas it-tajbin stess ta’ dak iż-żmien li kellhom isalvaw, ma kienu jistgħu jidħlu ġewwa s-saltna tas-sema qabel il-Passjoni u l-mewt imqaddsa tiegħek.
2. Kemm mela jmissni nirringrazzjak li għoġbok turi lili u lill-fidili kollha t-triq tas-sewwa li twassal għas-saltna tiegħek ta’ dejjem! Iva, Mulejja, ħajtek hi t-triq tagħna; nimitaw il-paċenzja imqaddsa tiegħek u naslu għandek, li int il-kuruna u l-ħlas tagħna. Li ma kontx imxejt int quddiem u għallimtna bl-eżempju tiegħek, min kien sa jimxi fit-triq tiegħek? Eh, kemm u kemm bnedmin kienu jibqgħu lura u bogħod minnek li ma kellhomx l-eżempju tiegħek li jmexxihom! Ma tarax? Smajna b’tant mirakli u bit-tagħlim tiegħek, u nibqgħu berdin; x’kien ikun minna li ma kellniex tant dawl li jmexxina wrajh?
KAP XIX
Jeħtigilna nieħdu paċenzja b’kulma nsibu ruħna fiħ. Liema hu l-veru bniedem tal-paċenzja
ĠESU KRISTU
1. X’inhi tgħid, ibni? Ħares lejn it-tbatijiet tiegħi u tal-Qaddisin, u xejn la toqgħod tgemgem iżjed; għadek ma wasaltx biex xerridt demmek. Ftit hu dak li qed tbati int, ħdejn dak li għaddew minnu tant Qaddisin, ittantati b’kull mod, imħabbtin u mdejqin minn kullimkien. Għandek mela ġġib quddiem għajnejk it-tbatijiet ħorox li jsofri ħaddieħor, biex tiegħek tħosshom ħfief; u jekk inti ma ssibhomx ċkejknin, agħti l-ħtija lilek innifsek, li ma tiħux paċenzja bihom. Imma sewwa jkollok slaleb żgħar sewwa kbar, qis li terfagħhom bil-paċenzja.
2. Aktar ma tħejji ruħek tarfa’ t-tbatija bil-paċenzja, aktar issib ruħek tajjeb u jkollok mertu; għax aktar taħseb u titħarreġ fiha, aktar issibha ħafifa milli tiġi fuqek għal għarrieda. Anqas ma għandek tgħid: Dil-ħaġa ma nistax insofriha minn dal-bniedem; din ma niflaħx għaliha; dak għamilli ħsara kbira u jgħajjarni bi ħwejjeġ li qatt biss ma għaddewli minn moħħi; ħalli jaħqarni ħaddieħor, li ma jifhmux x’jiġifieri l-virtu tal-paċenzja u minn min għad tkun imħallsa; jaraw biss lejn wiċċ min jagħmilhom id-deni u x’deni jagħmlilhom.
3. Ma jinsieħx bniedem tal-paċenzja min jieħu paċenzja kemm jidhirlu u b’min jogħġbu. Veru bniedem tal-paċenzja ma jħarisx minn min hu maħqur; jekk minn min hu fuqu, minn min hu ta’ mparu, jew minn min hu anqas minnu; jekk minn bniedem tajjeb jew minn wieħed ħażin. Kemm-il darba bniedem ikun jagħmillu xi tort, għalkemm kbir, jieħu kollox bil-ferħa mn’idejn Alla, u jgħoddu b’mertu kbir; għax ebda ħaġa, avolja ċkejkna; ma tkunlu mingħajr mertu quddiem Alla, la hu jkun qagħad għaliha għall-imħabba tiegħu.
4. Ħejji mela ruħek għall-gwerra jekk trid toħroġ rebbieħ. Jekk ma tikkumbattix, ma taqtax il-kuruna tal-paċenzja; jekk ma tridx tbati, sinjal li ma tridx anqas il-kuruna. Imma jekk inti tixtieq il-kuruna, ikkumbatti b’ħiltek kollha u ħu paċenzja b’kollox. Jekk int ma titħabatx, anqas tasal fil-mistrieħ, u jekk ma tikkumbattix anqas tista’ toħroġ rebbieħ.
IR-RUĦ
5. Sinjur, dak li ma niflaħx għaliħ bħala bniedem, agħmel li nista’ nkomplih bil-grazzja tiegħek. Inti taf kemm hi ċkejkna l-ħila tiegħi; u li malli jinqalagħli ftit tal-għawġ, dik is-siegħa naqta’ qalbi. Agħmel li kull salib li jogħġbok tibgħatli nsibu ħelu, anzi li nixtiequ; għaliex hu ta’ ġid kbir għar-ruħ li nbati u nkun imħabbat minħabba fik.
KAP XX
Hawn il-bniedem jistqarr id-debbuliżża tiegħu u l-miżerji ta’ dil-ħajja
IR-RUĦ
1. Nistqarr kontra tiegħi stess in-nuqqas tiegħi; nistqarrlek, Sinjur, iċ-ċokon tiegħi. Bosta drabi ħaġa ta’ xejn tneħħili l-almu u tnikkitli qalbi. Inwaħħal f’moħħi li nżomm qawwi; imma malli tiġi fuqi tentazzjoni ħafifa, ma nibqax iżjed jien. Bosta drabi ħaġa ta’ xejn iġġibli tentazzjoni l-aktar qawwija, u waqt li jien jidhirli li xejn ma jista’ għalija, għax forsi ma jkolli ebda tentazzjoni, jiġrili li żiffa l-aktar ħafifa twaqqagħni.
2. Ara ftit mela, Sinjur, il-faqar tiegħi, ħares lejn id-debbuliżża tiegħi; inti taf biżżejjed kemm hi kbira. Ħenn għalija; eħlisni mill-għama, ħalli ma nibqax fih imwaħħal, minsi minn kullimkien. Taf x’inhu li ta’ sikwit tweġġagħli qalbi u jimlieha bil-biża’ quddiemek? – Li tant hi ċkejkna l-ħila tiegħi, ma niflaħx nagħleb il-passjonijiet tiegħi. U għalkemm jiena ma nagħtihomx dejjem wiċċ, dil-gwerra tgħajjini, ma niflaħx għaliha; u jagħtini l-biki, biki ta’ dieqa, meta nara li jaħtieġli ngħix dejjem f’dil-gwerra. U ħaġ’oħra wkoll turini, kemm tabilħaqq xejn ma niflaħ, li ċerti ħsibijiet ħżiena aktar jidħlu malajr ġewwa moħħi milli joħorġu.
3. Iddew, mela, Alla ta’ Israel li tista’ kollox; inti li tant tħobb ir-rwieħ tal-fidili tiegħek; ħares lejn it-taħbit u d-dwejjaq tiegħek; ieqaf miegħu fil-bżonnijiet kollha li jinsab fihom. Wettaqni bis-saħħa tas-smewwiet, biex il-bniedem ix-xiħ, jiġifieri dal-ġisem tat-trab, li s’issa ma qagħadx għal kollox għal li titlob minnu r-ruħ tiegħu ma jiħux ir-riħ fuq; għax sakemm nibqa; nieħu n-nifs f’dil-ħajja kollha hemm, jaħtieġ li jien inkun bix-xabla misluta għalih. – Jaħasra, x’ħajja hi din tagħna; li ma fihiex ħlief slaleb u għawġ; u kulfejn iddawwar wiċċek ma ssibx ħlief xbiek u egħdewwa! Tkun għadha kif għaddiet tribulazzjoni jew tentazzjoni… u fil-Hin tiġi l-oħra wrajha; anzi fil-waqt stess, l-imsejken bniedem għadu jikkumbatti mal-waħda, u f’daqqa jsib ruħu f’elf taħbit ieħor.
4. U kif tista’ tħobbha ‘l dil-ħajja, kollha mrar, gwaj u miżerji? Anzi kif tista’ tissejjaħ ħajja, meta hi ma tagħtix ħlief mewt u għaks? U b’dan kollu ssib min iħobbha u min irid jithenna fiha. Kuljum nisimgħu min jilmenta mid-dinja; li hi qarrieqa, li hi kollha frugħa; imma mbagħad, lil dawn stess issibhom qalbhom marbuta magħha, għax il-ġibdiet tal-ġisem għandhom jedd kbir fuqhom. Xi ħwejjeġ iġagħluna nħobbu d-dinja; oħrajn inisslu fina mibegħda lejha. Iġagħluna nħobbuha l-imħabba ta’ ġisimna, ir-regħba ta’ l-għajnejn u kburitna, li rridu nitkabbru billi għandna; imma mbagħad il-għali u l-miżerji li jħallu warajhom dawn it-tlieta, iġagħluna nobogħdu d-dinja u nixbgħu minnha.
5. Imma, jaħasra, x’għama hu dan tagħna! Dal-ftit ta’ pjaċir qarrieq jieħu tiegħu fuq dik ir-ruħ li ma tkunx daqet il-ħlewwa t’Alla, u anqas ma tkun rat il-ġmiel li l-virtu tnissel ġewwa l-qalb; u la tkun marbuta mad-dinja, jidhrilha li l-veru hena jinsab filli tikkuntenta xewqatha. Imma dawk li jobogħdu d-dinja minn qalbhom u jfittxu biss li jservu ‘l Alla, dawn jafu x’jiġifieri l-ħlewwa divina li Alla wiegħed lil min jiċħad id-dinja. Dawn jaraw ukoll aħjar minn ħaddieħor kif id-dinja hi miexja mgħawweġ, u kemm hi mqarrqa.
KAP XXI
Għandna nfittxu s-serħan f’Alla u f’ebda ħaġ’oħra
IR-RUĦ
1. O ruħ tiegħi, f’kollox u fuq kull ħaġa itma dejjem f’Alla għaliex hu l-mistrieħ tal-qaddisin. Tini grazzja, Ġesu ħelu u maħbub tiegħi, li nistrieħ fik fuq kull kreatura, li ma nfittixx saħħa u ġmiel, glorja u unuri, qawwa u dinjita, għerf u moħħ jilħaqli, ġid u għana, ferħ u thenninja, tifħir u fama, ħlewwa u tgawdija, tama, wegħdiet, merti u xewqat. Agħmel li nħobb lilek aktar minn kemm doni tagħtini u xxerred fuqi; aktar minn kull għaxqa u ferħ, li l-moħħ tal-bniedem jista’ jaħseb u jġarrab; li nħobbok ukoll aktar mill-Anġli u l-Arkanġli, u l-eżerċiti kollha tas-smewwiet; aktar mill-ħwejjeġ kollha li jidhru u li ma jidhrux, f’kelma waħda, aktar minn dak kollu li m’hux int, o Alla tiegħi.
2. Iva, Sinjur Alla tiegħi! Għax int tajjeb fuq kollox, inti waħdek il-għoli, inti waħdek il-qawwi, inti waħdek ma għandek bżonn ta’ ħadd u timla kollox bik; inti waħdek kollok ħlewwa u kollok hena, inti waħdek kollok ġmiel u mħabba, inti waħdek kollok kobor u glorja fuq kollox u inti fik il-ħwejjeġ kollha li huma tajba, li kienu, huma, u jkunu fit-tjieba tagħhom sewwa. Mela, dak kollu li inti tagħtini, turini jew twegħdni, ikun wisq ħaġa ċkejkna u lil qalbi ma jistax jikkuntentaha, jekk int ma turinix u ma tagħtinix lilek innifsek; għax dil-qalb imsejknin tiegħi, ma tistax issib il-veru mistrieħ, anqas tkun kuntenta sewwa, ħlief biss jekk tistrieħ fik, u jekk ma togħliex ‘il fuq mid-doni tiegħek u mill-ħwejjeġ kollha maħluqa.
2. O Ġesu għarus maħbub tiegħi, li tħobb bi mħabba pura, Int li għandek il-jedd fuq il-kreaturi kollha, oh, li kont nista’ jkolli l-ġwienaħ tal-vera liberta, ħalli ntir u niġi nistrieħ fil-ħdan tiegħek! Meta nkun nista’ naħseb biss fik u nara kemm inti ħelu, o Sinjur Alla tiegħi? Meta nkun nista’ ninġabar fik kolli kemm jien, biex mimli bl-imħabba tiegħek anqas biss ma naħseb fija nnifsi; imma nħobb lilek biss, b’qalb, b’moħħi u b’kulma fija, u mhux b’dik l-imħabba li tħobbok aktarx il-bnedmin? Issa Sinjur, ma nagħmilx ħlief nolfoq u nibki l-hemm li fih ninsab. U kif le, jekk f’dal wied tad-dmugħ ma nsibx ħlief gwaj, li bla ebda mistrieħ ihemmni, ibikkini u sad-dawl inseħħili, li jfixkilni, u jitlifni li jiġbidni u jorbotni biex hekk ma nkunx nista’ nersaq lejk u nitħaddan miegħek, bħalma għandhom ix-xorti l-Qaddisin tas-sema?
Oh, li kien mela jmisslek qalbek il-lfiq tiegħi u l-hemm li fih tinsab ruħi!
3. O Ġesu, dija tas-sebħ ta’ dejjem, faraġ tar-ruħ f’dan l-eżilju, fommi hu sieket quddiemek, imma s-skiet tiegħi jkellmek. Kemm sejjer jiddawwar ma jiġi s-Sid tiegħi Fittex ejja, Sinjur, għand is-serv fqir tiegħek u ferrħu; midd idek u eħlisni minn kull hemm. Ejja, ejja, għax mingħajrek ebda ġurnata anzi ebda siegħa ma nista’ nkun moħbi mistrieħ; għax inti l-ferħ tiegħi; għax int trid tkun, biex insib il-għaxqa tiegħi. Ma tarax fiex ninsab, f’liema kalzri jien magħluq, u b’liema ktajjen jien imgħobbi? Biex neħles minn dan kollu, tħares int lejja bil-ħlewwa, li thennini bid-dawl tal-preżenza tiegħek.
5. Ħalli ħaddieħor ifittex minflokok kulma jrid; mingħalija la togħġobni u la tkun togħġobni ebda ħaġa ħlief int, Alla tiegħi, tama tiegħi, salvazzjoni tiegħi eterna. Ma niskotx, ma nehdiex nitolbok, qabel ma naqla’ l-grazzja tiegħek, qabel ma tkellimni int f’qalbi.
ĠESU KRISTU
6. Hawn jien; ġejtek, la għajjatli. Id-dmugħ tiegħek, ix-xewqa ta’ ruħek, il-lfiq u l-indiema ta’ qalbek ġibduni u ġibuni sa ħdejk.
IR-RUĦ
7.Sinjur, jien għajjattlek u xtaqt ingawdik, hawn jien biex nitlaq kollox għalik, għax int ħeġġiġitni biex infittxek. Tkun imbierek, mela, Sinjur, talli kellek dit-tjieba għas-serv tiegħek, fil-kotra kbira tal-ħniena tiegħek. U x’jista’ jgħid aktar quddiemek das-serv tiegħek, ħlief jiċċekken aktar quddiemek, x’ħin jiftakar fil-ħażen u x’xejn tiegħu? Għax f’kemm hemm egħġubijiet fis-sema u fl-art, xejn ma jista’ jixxebbaħ lilek. L-egħmil tiegħek hu kollu tajjeb, il-ġudizzji tiegħek kollha sewwa, u l-għerf tiegħek imexxi kollox. Tkun mela mfaħħar u mgħolli, o Għerf ta’ Missierek; ifaħħruk u jbirkuk il-fomm tiegħi u ruħi, flimkien mal-ħlejjaq kollha.
KAP XXII
Hawn il-bniedem jiftakar fil-ġid kollu li jirċievi minn għand Alla
IR-RUĦ
1. Iftaħli qalbi, Sinjur, ħalli tifhem il-liġi tiegħek; u għallimni nimxi fit-triq tal-kmandamenti kollha. Agħmel li jiena nagħraf ir-rieda tiegħek u li bil-qima kollha niftakar fil-ġid kollu li għamilt miegħi sew ġenerali sew ukoll partikulari, biex mil-lum ‘il quddiem inkun nista’ niżżik ħajr għalih. Jiena nagħraf u nistqarr li ma nistax nirringrazzjak sewwa anqas mill-iċken ġid li għamiltli. Għaċ-ċokon tiegħi, ma kien ħaqqni ebda wieħed mid-doni li tajtni; u meta nġib quddiem għajnejja l-għoli tiegħek, inħossni nintilef fil-kobor tiegħek.
2. Kulma għandna f’ruħna u f’ġisimna; kulma jinsab fina minn barra u minn ġewwa; il-ġmiel kollu li tajtni bħala bniedem u bħala ruħ li tixbaħ lilek; kollha huma doni tiegħek, u jgħallimna msebbħuh bħala għajn ta’ tjieba, ħlewwa u qdusija, li minnha nieżel fuqna dan il-ġid kollu. Għalkemm wieħed jinsab imżejjen b’bosta doni, u l-ieħor b’inqas, sewwa dawn u sewwa dawk huma kollha doni tiegħek; u kieku ma kontx inti ma kienx jista’ jkollna anqas il-ftit. Dak li tajtu bosta doni, ma għandux għax jintefeh bih innifsu, jew anqas jitkabbar u jżeblah lill-oħrajn għax l-ikbar u l-aħjar bniedem hu dak li jżomm ruħu bi ċkejken, u li jirringrazzja lilek bl-umilta kollha u bid-devozzjoni. U min iżomm ruħu bl-iżgħar fost kulħadd, min igħid li hu ma ħaqqux li int tagħnih bid-doni tiegħek, dan ikun qiegħed jistiednek biex aktar tagħtih.
3. Min imbagħad tagħtih doni żgħar, ma għandux għax igemgem jew jilqagħhom fuq il-qalb, anqas għandu għax igħir għal min hu mogħni aktar minnu; anzi għandu jservik aktar bil-qalb, u jfaħħar kemm jiflaħ it-tjieba tiegħek, li biha tqassam b’idejk fuq il-bnedmin, bla ma tħalli lil ħadd mingħajr sehmu. Kollox hu ġej minn għandek; f’kollox mela jmissek kull tifħir. Int taf x’jaqbel tagħti lil kull wieħed minna; inti taf għala lil wieħed jixraq li tagħtih iżjed u lil ieħor anqas; inti għandek tarah dan u mhux aħna; għax inti tagħraf kemm ħaqqu kull wieħed minna.
4. U għalhekk, Sinjur Alla tiegħi, jiena nikkonsidera li jkun b’ġid għalija, li ma tagħtinix wisq minn dawk id-doni, li jagħmluni nidher kbir fid-dinja, u li jaqilgħuli tifħir qarrieq, ħalli xħin inġib quddiem għajnejja l-faqar u x-xejn tiegħi, mhux li ma nagħtix, jew insewwed u naqta’ qalbi; imma anzi nifraħ u nithenna; għaliex int, o Alla ħanin, iżżomm bi ħbieb u b’servi tiegħek il-foqra, l-umli u dawk li huma mżebilħin mid-dinja. Xhieda jagħtuna ta’ dan kollu l-Appostli tiegħek, li inti għamilthom irwejjes fuq il-bnedmin kollha. Frattant għaddew ħajja l-aktar umli u moħbija bla tgemgim, anqas biss jafu x’inhu għilt u qerq. Anzi tagħhom kien li jaraw minn kull xorta ta’ żebliħ għall-isem tiegħek; u l-ħwejjeġ kollha li l-bnedmin jobogħduhom, huma kienu jħaddnuhom bl-akbar ħrara.
5. Mela min tabilħaqq iħobbok u jafjistma l-ġid li int tagħmillu b’ebda ħaġa ma għandu jifraħ daqskemm b’li sseħħ il-volonta tiegħek fih, u li jsir minnu dak kollu li jogħġob lilek, tjieba eterna. Anzi tant għandu jkun kuntent u ferħan b’din il-volonta tiegħek fih, li għandu jixtieq li jkun l-iċken, daqs ħaddieħor jixtieq li jkun l-akbar; li jikkuntenta bl-aħħar post daqs kieku bl-ewwel; li jixtieq jara ruħu mżeblaħ u mċekken u la msemmi u la mfaħħar, daqs kemm ħaddieħor jixtieq l-unuri u l-glorja tad-dinja. Għaliex il-volonta tiegħek u l-ħrara għall-unur tiegħek għandha tingħadd qabel kollox; u dawn iż-żewġ ħwejjeġ aktar għandhom iħennu lill-bniedem u jogħġbuħ mid-doni kollha li tajtu u li tista’ tagħtiħ.
KAP XXIII
Fuq kollox, erba’ ħwejjeġ huma li jnisslu l-paċi.
ĠESU KRISTU
1. Ibni, issa rrid ingħallmek it-triq tal paċi u tal-vera liberta, li qalbek tkun maħlula.
IR-RUĦ
2. Sinjur, agħmel fija dak li qed tgħid. B’ferħ kbir nismagħha dil-ħaġa.
ĠESU KRISTU
3. Qis mela, ibni, li aktar tagħmel dak li jriduk l-oħrajn, milli li trid int. Agħżel dejjem li jkollok il-ftit u mhux il-wisq. Fittex dejjem l-aħħar post, li tkun taħt kulħadd. Xtieq dejjem u itlob li l-volonta ta’ Alla ssir sħiħa fik. B’dawn l-erba; ħwejjeġ l-bniedem jilħaq il-paċi u l-kwiet.
IR-RUĦ
4. Sinjur, dan li għidtli, għalkemm kliem ftit, fih perfezzjoni kbira. Diskors qasir, iva! imma mimli bil-għerf u kollu frott ta’ qdusija. U jien li kont nista’ dejjem u f’kollox nimxi fuq dan it-tagħlim tiegħek ma kontx għal ħaġa ta’ xejn nitnikket. Infatti, kemm-il darba nitbegħren jew nitlef il-paċenzja, insibu li jiena nkun tbegħidt minnu. Mela int, li tista’ kollox u li ma tridx ħlief il-ġid ta’ l-erwieħ, kattar fija l-grazzja tiegħek, ħalli nkompli kliemek u nħabrek għas-salvazzjoni tiegħi.
TALBA
Kontra l-ħsibijiet ħżiena
5. Sinjur, tiegħi, la titbegħidx minni! Alla tiegħi, ħares lejja u għinni, għaliex qamu għalija bosta ħsibijiet u biża’ li jnikktuli lil qalbi. Kif nista’ ngħaddi ġon-nar u ma nittifisx? Kif neħles minnhom dawn il-ħsibijiet?
ĠESU KRISTU
6. Kif? – Jiena nimxi quddiemek, u lill-imkabbrin tad-dinja nċekkinhom. Niftaħ il-bieb tal-ħabs u nurik il-misterji tiegħi l-moħbija.
IR-RUĦ
7. Iva, Sinjur, kif qed tgħid, agħmel miegħi; u l-ħsibijiet ħżiena jaħarbu minn quddiem wiċċek. F’dan biss tinsab it-tama u s-sabar tiegħi, li f’kull tribulazzjoni niġri għal għandek; noqgħod żgur fuq il-wegħdiet tiegħek, ingħajjatlek mill-qiegħ ta’ qalbi, u nistenna bil-paċenzja sakemm jogħġbok thennini.
TALBA
Biex naqilgħu d-dawl tal-moħħ
8. Ġesu tiegħi kollok tjieba, agħtini d-dawl, ibgħat id-dija tiegħek ġewwa fija, u warrab minn ġewwa qalbi d-dlamijiet kollha. Tara kif il-ħsibijiet tiegħi huma mxerrda; agħtini l-ġabra u għakkes it-tentazjonijiet li ħadu l-jedd fuqi. Idħol inti għalija bil-qawwa tiegħek, u rażżan fija dawn il-ġibdiet il-ħżiena li ħadu tagħhom fuq il-ġisem tiegħi: ħalli bil-qawwa tiegħek inħoss il-paċi, u t-tifħir jinstama’ ġewwa l-agħmara mqaddsa, jiġifieri ġewwa l-kuxjenza safja. Samma’ l-kmand tiegħek lir-rjieħ u d-dgħaben; għid lill-baħar: Oqgħod; u lir-riħ: Orqod; u taqa’ kalma l-aktar kbira dik is-siegħa.
9. Ibgħat id-dawl u s-sewwa tiegħek, ħalli jagħtu d-dawl lill-art; għax jiena qisni art fiergħa u mudlama dment li int ma tagħtinix id-dawl. Sawwab fuqi l-grazzja tiegħek; saqqili ‘l qalbi bin-nida tas-smewwiet; xerred l-ilma tal-ħrara, ħalli jieħu r-ruħ il-wiċċ ta’ l-art, u hi tagħti frott tajjeb. Serraħli moħħi mgħobbi bit-toqol tad-dnubiet, u iġbidli x-xewqat kollha tiegħi lejn is-sema; ħalli xħin intiegħem il-ħlewwa tal-ġenna, insir nistmerr u saħansitra anqas irrid naħseb fil-ħwejjeġ ta’ l-art.
10. Ifridni, ofroqni mill-hena tal-ħlejjaq kollha li ftit tista’ ddum; għax ebda ħaġa maħluqa ma tista; tikkuntenta u xxabba’ sewwa x-xewqat tiegħi. Orbotni miegħek b’rabta ta’ mħabba li b’xejn ma tinħall; għax int waħdek biżżejjed għal min iħobbok, mingħajrek kollox frugħa.
KAP XXIV
Ma għandniex għax noqogħdu naraw fuq il-ħajja ta’ l-oħrajn
ĠESU KRISTU
1. Ibni, la tkunx kurjuż u la titgħabbiex b’salib ħaddieħor.X’jimpurtak minn dan jew minn dak l-ieħor? Int imxi warajja. X’jimpurtak jekk dak hux magħmul hekk jew xorta oħra: jew dak l-ieħor kif iġib ruħu jew jitħaddet? Int ma għandekx tagħti kont ta’ l-oħrajn, imma biss tiegħek innifsek. Għaliex mela titgħabba bihom il-ħsibijiet ta’ l-oħrajn?
Jien hu li naf lil kulħadd, u nara kulma jsir taħt ix-xemx, naf x’jiżen kull bniedem, x’jaħseb, x’jixtieq, u x’inhi l-fehma tiegħu. U għalhekk dawn il-ħsibijiet kollha ħallihom għalija: aħseb għal rasek. U min ma għandux sabar, ħsieb ruħu: ġurnata għad idur b’rasu għal dak kollu li għamel u ħaseb, għaliex bija ma jistax tqarraq.
2. La timliex moħħok billi xi bniedem kbir ikun iġibek, anqas billi tkun midħla ta’ bosta nies, anqas billi x’uħud ikun jħobbuk. Dawn il-ħwejjeġ ixxerdulek moħħok, u f’qalbek iġibulek id-dlamijiet.
Kemm kont nitħaddet miegħek bil-qalb u ngħarrfek il-misterji tiegħi, li kont toqgħod tismagħni meta niġi nżurek, u int tiftaħ qalbek miegħi!
Dejjem aħseb għal li jista’ jiġri, tehdiex titlob, u kun fommok sieket.
KAP XXV
Liema hi l-vera paċi tal-qalb u l-vera tjieba
ĠESU KRISTU
1. Ibni, jiena darba kont għidt lil tax-xirka tiegħi: Inħallilkom il-paċi tiegħi: il-paċi li nagħtikom jien m’hix bħal dik li tagħti d-dinja. Issa l-paċi kulħadd jixtieqha; imma mhux kulħadd iħabrek għal dawk il-ħwejjeġ li jistgħu jġibuhielu. Il-paċi tiegħi hija għal dawk li għandhom l-umilta u l-ħlewwa tal-qalb. Mela int, jekk il-fehma ta’ moħħok tkunx taqbel ma’ dak tisma’ minni u timxi fuq it-tagħlim tiegħi, int, tibżax, paċi jkollok.
IR-RUĦ
2. Għidli mela x’għandi nagħmel.
ĠESU KRISTU
3. F’kull ħaġa li tagħmel, jew li tgħid, oqgħod b’għajnejk miftuħin fuqek innifsek u ara jekk il-fehma ta’ moħħok tkunx taqbel ma’ dak li jogħġob lili, b’mod illi barra minni, u la tixtieq u anqas tfittex ebda ħaġa. Dak imbagħad li jagħmlu u jgħidu l-oħrajn, la tiżnux kif ġieb u laħaq u kif igħidlek moħħok: u ħwejjeġ li ma jimpurtakx minnhom, tindaħalx fihom. Jekk iġġib ruħek kif qed ingħidlek, wisq ftit u darba fit-tant qalbek titlef il-mistrieħ tagħha. Imma niftiehmu, imbagħad la tistenniex li ma għandu jkollok qatt xejn li jħabbtek, li ma tħossx x’iweġġgħek jew f’ġismek jew f’qalbek. Dan ma tistax tagħtih dil-ħajja, imma l-oħra tal-mistrieħ ta’ dejjem.
U ħaġ’oħra: ara taħseb li sibt il-vera paċi jekk jidhirlek li ma għandek xejn x’itaqqlek; jew li inti sejjer tajjeb, jekk ma jkollok ħadd kontra tiegħek; jew li t-tjieba tiegħek xejn ma jonqosha, jekk tara li kollox ikunlek kif tixtieq qalbek. Anqas għandek iddaħħal f’moħħok li int sirt aħjar milli kont, jew li int l-aktar maħbub minn Alla, jekk tħoss f’qalbek devozzjoni kbira u ħlewwa. Dan ma jfissirx li ruħek tkun tħobb tabilħaqq il-virtu; u mhux b’daqshekk int tgħaddi ‘l quddiem fil-virtu u ssir tajjeb.
IR-RUĦ
3. Biex mela, Sinjur?
ĠESU KRISTU
5. Billi toffri lilek innifsek b’qalbek kollha lill-volonta t’Alla, billi ma tfittixx lilek innifsek u la fil-ħwejjeġ żgħar jew anqas fil-kbar, u la f’dil-ħajja u la fl-oħra. Mela, jiġrilek x’jiġrilek, sewwa ta’ ferħ u sewwa ta’ għali għandek dejjem b’wiċċ ferħan xorta waħda tibqa; tafhuli, u tiżen kollox b’miżien wieħed.- Li kont dejjem xorta waħda qawwi fit-tama tiegħek, kieku qalbek dejjem lesta ssofri tribulazzjoni akbar, avolja jien noftmok għal ftit mill-ħlewwiet tiegħi; li kont f’kull ħaġa li jiġrilek, ma tgħidx: Jien ma ħaqqnix inbati daqshekk, anzi f’kulma nibgħatlek, tgħid li jien qiegħed nagħmel is-sewwa, u tfaħħar l-isem tiegħi u tbierku, int tkun qiegħed timxi fit-triq vera u dritta tal-paċi, u għandek titma (u ma jfallilekx) u li għad tara l-wiċċ tiegħi u tithenna. Jekk imbagħad tilħaq tasal li ssir tobgħod sa barra lilek innifsek, kun żgur li hemm ikollok l-akbar mistrieħ tar-ruħ, daqs kemm jista’ jitgawda f’dil-ħajja.
KAP XXVI
Fuq il-ġmiel tar-ruћ mifhuma minn kull rabta tad-dinja.
IR-RUĦ
1. Sinjur, m’hix ћaġa ta’ xejn illi wieћed igћix moћћu dejjem fil-ћwejjeġ tas-sema, u li, gћalkemm qalb it-taћbit tad-dinja, igћi bћal kieku ma gћandux ћsibijiet ta’ hawn; u mhux le bћal wieћed ta’ bla kont, imma qalbu maћlula minn kollox, li ma jirtabatx b’ġibda żejda ma’ ebda ћlejqa.
2. Nitolbok, Sinjur tal-ћniena, li teћlisni mill-ћsibijiet żejda ta’ din id-dinja, ћalli ma nsibx ruћi fit-tfixkil. Agћmel li ġismi ftit ћwejjeġ jitlobni, ћalli ma nsirx ilsir tal-ġibdiet tiegћu; li ruћi ma ssibx x’ifixkilha, ћalli ma naqtax qalbi, negћja u naqa’ f’nofs ta’ triq. M’jiniex ingћidlek, le, gћax dawk il-ћwejjeġ li l-frugћa tad-dinja b’rebgћa kbira tixtieqhom, imma gћal dawk il-miżerji, li huma l-kastig tal-bnedmin kollha, li tant itaqqlu u jgћajju r-ruћ tal-qaddej tiegћek, u ma jћalluhiex tilћaq il-vera paċi kif kieku tixtieqha.
3. O Alla, ћlewwa bla tarf, biddilli fi mrar it-tpaxxija kollha tal-ġisem, li ma tbegћdnix mill-imћabba tal-ћwejjeġ ta’ dejjem; u billi ġġagћalni nћobb pjaċiri ta’ ftit ћin, tista; tkun it-telfien ta’ ruћi. O Alla tiegћi, tћallix lil ġismi u lil demmi joћorġu rebbieћa fuqi; jew li d-dinja u l-frugћa tagћha tqarraq bija, u d-demonju u l-malazzja tiegћu ixebbgћuni. Agћtini l-qawwa biex nieqfilhom, il-paċenzja li nsofri kollox; u ћila li ma naqax gћalihom. U flok il-pjaċir tad-dinja, agћtini l-grazzja ћelwa ta’ l-Ispirtu Santu tiegћek; minflok l-imћabba tiegћi nnifsi, nissel fija l-imћabba ta’ l-isem tiegћek.
4. Gћal dik ir-ruћ li hi kollha ћrara gћalik, l-ikel, ix-xorb, ilbies u l-ћwejjeġ l-oћra, kollha li jitlob il-ġisem, huma toqol u tfixkil. Tini grazzja li dawn il-ћwejjeġ ninqeda bihom biss kemm jagћtiġuli u mhux li nirgћeb gћalihom. Li ma nfittex ebda ћaġa minn dawn ma jistax ikun gћax bћala ћaj gћandi nitmantna; imma mbagћad li nirgћeb gћal ћwejjeġ żejda, jew li fihom it-tpaxxija, il-liġi mqaddsa tiegћek ma tridux, gћax inkella l-ġisem jirvella kontra r-ruћ. Nitolbok mela, Sinjur, li kif ninsab hemm bejn in-nar u l-ilma, tmexxini u twiżinni l-id imqaddsa tiegћek, biex ma noћorġx mit-triq.
KAP XXVII
Fuq li l-imћabba tagћna nfusna tbegћidna mill-ġid tar-ruћ
ĠESU KRISTU
1. Ibni, jekk trid taqla’ kollox minn gћand Alla; trid tibda biex tagћti ruћek b’kollox ‘l Alla, mingћajr ma żżomm ebda ћaġa gћalik. Kun af li l-imћabba tiegћek innifsek aktar tagћmillek gћajb minn kull ћaġa tad-dinja. Skond ma ћaġa tkun tћobbha u tinġibed lejha, qalbek tirtabat magћha. Jekk l-imћabba tiegћek tkun safja, u mingћajr ebda rabta ma’ ћwejjeġ oћra, qalbek ma tkunx ilsira tad-dinja. Ħaġa li ma tistax tkun tiegћek, li ma tgћoddx gћalik, la tixtiqhiex; u tbiegћed minn dak li jista’ jkunlek bi tfixkil u jtellfek il-paċi tal-qalb. Narah ġenn li inti ma terћix f’idejja b’qalbek kollha lilek innifsek u kulma tixtieq jekk ikollok.
2. Gћala ssewwed qalbek fuq kull xejn? Gћaliex titgћabba u tinkedd bil-ћsibijiet żejda? Oqgћod gћal dak li nitlob minnek jien, u xejn ma jkun jonqsok. Int, issa trid dil-ћaġa u issa dik; issa tixtieq tkun hawn, issa hemm, tfittex it-tpaxxija tiegћek, u li kollox jirnexxilek skond xewqtek, imma b’daqshekk qatt ma ssib il-mistrieћ u l-paċi, gћax kull ћaġa gћandha l-imma tagћha; u tmur fejn tmur, gћandek tiltaqa’ ma’ min imerik.
3. Taf x’inhu li jista’ jnissel fik il-paċi? Mhux li ћaġa tfaddalha jew tkattarha; imma li xejn ma tqisha u teqridha minn ġo qalbek. U tifhimx li qed ngћidlek biss għall-ġid u gћall-gћana; gћandek tifhem ukoll regћba ta’ l-unuri u tat-tifћir tan-nies; ћwejjeġ fiergћa u li jintemmu mad-dinja. Ftit jew xejn jiswielek li tkun qiegћed f’lok gћal qalbek, jekk ruћek m’hix imћeġġa bil-ћrara; u l-paċi li tkun tfittex fil-ћwejjeġ tad-dinja ftit iddum tgћammar fik, jekk int ma torbotx qalbek ma’ tiegћi. Jiġifieri jekk inti ma tinġabarx fik innifsek billi tbiddel minn post gћal ieћor xejn ma jiswielek, gћax malli ssib ruћek f’tentazzjoni u ma tilqgћalhiex, issib ruћek fit-tfixkil l’int deherlek li ћrabt minnu, u xi ftit agћar ukoll.
TALBA
Biex naqilgћu l-indafa tal-qalb u l-gћerf tas-sema
IR-RUĦ
4. Sinjur, wettaqni fil-ġid bil-grazzja ta’ l-Ispirtu Santu. Qawwili din ruħi sabiex qalbi ma timteliex bi ħsibijiet u taqtiq bla bżonn, u ma tkunx ilsira ta’ xewqat ta’ bosta ħwejjeġ, sewwa ċkejknin u sewwa kbar; u jien nifhimha tajjeb li kollox jispiċċa, u li jien ukoll nispiċċa; għax mis-sema ‘l isfel xejn ma għandu ħajja twila, u kollox hu frugħa, u niket tar-ruħ. Kemm tabilħaqq hu għaref min jifhimha hekk!.
5. Agħtini, sinjur il-għerf tas-smewwiet, ħalli nitgħallem infittex u nsib lilek fuq kollox, bik nitpaxxa u lilek inħobb fuq kollox; u mill-bqija l-ħwejjeġ maħluqa nistmahom skond ma ħaqqhom u kif jitlob il-għerf tiegħek. Tini għaqli biżżejjed biex nagħlaq widnejja għat-tifħir u nista’ nkompli b’wiċċ il-ġid fit-triq it-tajba li ma ndurx mar-riħ ta’ kull kliem, li ma nagħtix widen għas-sefsif ta’ min ifaħħarni. B’hekk biss nieħu sabar b’min ilumni. Dan hu għaqal kbir; li ma tħallix titqanqal minn kull kelma ta’ tifħir, u lanqas ma toqgħod tisma’ kliem fieragh. U b’hekk tkun tista’ timxi dejjem aktar ‘il quddiem.
KAP XXVIII
Fuq dawk li jqassu fuq in-nies
ĠESU KRISTU
1. Ibni, la tarahiex kbira jekk in-nies ma jżommukx tant b’tajjeb, jew jaqilgћu fuqek li ma jogћġbokx. Anzi jaћtieġlek illi int iddaћћalha f’moћћok li żżomm ruћek b’agћar milli jistmawk l-oћrajn, u temmen li ma tingћatax ћila iċken minn tiegћek.
Jekk f’qalbek ikollox il-ћajja tal-grazzja tiegћi, ma tantx toqgћod tћabbat rasek bi kliem ћaddieћor, gћax il-kliem itir bћal żiffa.
Hu gћaqal kbir li f’xi burraxxka li tinqalagћlek, toqgћod sieket u tfittex lili, bla ma tћares x’igћidu n-nies.
2. Il-paċi tiegћek ma gћandekx tfittixha filli jgћidu n-nies fuqek; gћaliex sewwa jgћidu l-ġid u sewwa d-deni, tibqa’ li kont. Il-vera paċi u l-ġieh fejn jinsabu ћlief fija? Min ma jfittixx li jogћġob lill-bnedmin, u ma jibżax x’ћin ma jimxix gћal qalbhom, isib mistrieћ kbir. Kemm taћwid ta’ qalb, kemm tixrid ta’ moћћ jingћataw, taf mniex inhuma ġejjin? Mil-imћabba żejda u mill-biża’ bla bżonn.
KAP XXIX
F’kull gwaj li ninsabu fih, għandna nsejħu ‘l Alla u nbirkuh
IR-RUĦ
1. Ikun imbierek għal dejjem l-isem imqaddes tiegħek,, Mulejja, l’int għoġob tibgħatli dan is-salib. Naħrab minnu, jien ma nistax; imma anqas ma nista’ ma nirrikorrix għal għandek sabiex tgħinni, biex hekk nerfgħu bil-ħeffa. Sinjur, tara f’liema baħar ninsab’ qalbi ebda faraġ ma għandha; u l-gwaj li fih ninsab, ebda nifs ma jagħtini. X’ingħidlek mela, Missier maħbub tiegħi? Jiena ninsab f’bosta dwejjaq; eħlisni minn dan il-waqt! U ġejt nitolbok issa, biex glorja akbar tingħatalek la darba int tkun umiljajtni u ħlistni. Iddew mela, Sinjur, eħlisni; fil-faqar tiegħi x’nista’ nagħmel? U mingħajrek fejn immur? Tini l-paċenzja, Sinjur, f’waqt it-taħbit tiegħi. Għinni, o Alla tiegħi; u ma nibżax jekk inkun imsallab kemm inkun.
2. Fratttant, filli ninsab fih, x’naqbad ingħid? Sinjur, ikun dak li trid int. Jien imħabbat u msallab, iva; imma ħaqqni, jaħtieġli mela nsofri; u jalla nieħu kollox bil-paċenzja, sa ma tgħaddi din ir-rewwixta, u l-hemm għalija jispiċċa.
L-id tiegħek hija qawwija, biżżejjed hi biex teħlisni minn dit-tentazzjoni wkoll, u biex traqqad il-qilla tagħha, ħalli ma jiġrilix li nibqa’ minn taħt għal kollox. Bosta drabi ma’issa lura hekk ukoll għamiltli. Alla tiegħi, ħniena tiegħi. U daqskemm hi tqila għalija, daqshekk ieħor hi ħafifa għalik din it-tibdila tal-lemenija tal-kbir Alla.
KAP XXX
Fuq li għandna nitolbu l-għajnuna ‘l Alla, u nittamaw li nerġgħu naqilgħu l-grazzja tiegħu
ĠESU KRISTU
1. Ibni, jien hu dak Alla li nagħti l-qawwa fil-jum tat-taħbit. Ejja għal għandi kulmeta tinsab imħabbat. Taf x’inhu l-aktar li jtellfek il-paċi u l-ħlewwa tas-smewwiet? Li int ma tantx tagħti ruħek malajr għat-talb. Għax int qabel ma titlobni bil-qalb, moħħok li tfittex il-paċi fil-ħwejjeġ maħluqa u l-pjaċiri tad-dinja. Imma, dawn ftit u xejn igħoddu għalik.
Ifhimha tajjeb; jien waħdi hu li neħles lil dawk li jittamaw fija; u barra minni ma hemmx u la għajnuna tajba u la tiskir li jiswa, u anqas tiswija li ddum. Imma fl-aħħar wara li tgħaddi t-taħbit, qawwi qalbek u twettaq mill-ġdid bid-dawl tal-ħniena tiegħi; għax jien ninsab ma’ ġenbek (igħid Alla) biex insewwi l-ħsarat kollha mill-bidu sal-aħħar, anzi xi ħaġa aktar milli hemm bżonn.
2. Liema hi l-ħaġa li jien ma nistax nagħmilha? Ħsibtnix jaqaw bħal dak li jgħid bosta kliem u egħmil ta’ xejn? Fejn hi t-tama tiegħek? |omm dejjem fil-fehma tajba bla ma tarġa’ lura. Ħu paċenzja u kun qalbek qawwija; il-ħlewwa tiegħI tinżel fuqek fil-waqt. Stennieni, tibżax, stennieni; jiena niġi u nfejqek. Din li qiegħda tħabbtek mhix ħlif tentazzjoni, u dal-biża’ fuqek kollu biża’ għalxejn. Xi trid toqgħod taħseb x’għad igħaddi mingħalik? B’daqshekk ma tagħmilx ħlief izzid swied il-qalb fuq swied il-qalb. Kull ġurnata li tisbah għandha l-gwaj tagħha. Barra milli xejn ma jiswielek hija bluha li tibża’ jew tifraħ billi għad jista’ jiġrilek; għax forsi minn dan kollu ma jkun xejn.
3. Imma naf; il-bniedem hu magħmul hekk, li l-ħsibijiet ta’ moħħu jħawduh; u min iħalli l-għadu tiegħu jilgħab bih u jdawru kif irid hu, juri li ħila u saħħa ċkejkna għandu. Għax dal-għadu ma jimpurtaħx li jqarraq u jgħaddi ż-żmien bik bi ħwejjeġ minnhom u mhux minnhom; u anqas li jaqtagħlek qalbek billi jġagħlek tħobb dak li issa naraw, jew tibża’ minn dak li għad irid jiġi. Xejn mela ma għandha għax titħawwad qalbek, anqas għax tibża’ emmen fija, u itma’ fil-ħniena tiegħi. Meta taħbat jidhirlek li tbegħidt minnek, jien aktarx inkun ma’ ġenbek; meta jidhirlek li kulma int għamilt tqisu mitluf għal kollox, wisq drabi tkun qiegħed fit-triq li fiha tista’ taqla’ merti akbar. Mhux għax xi drabi jiġrilek kontra li trid qalbek għandek tifhem li kollox mitluf. U anqas għandek tieħu l-ħwejjeġ kif jaħsel igħidlek moħħok dak il-ħin; u meta tiġik xi tribulazzjoni, tiġi mnejn tiġi; la taqtax qalbek, bħalkieku m’hemmx tama iżjed li teħles minnha.
4. Jekk jien xi darba nibgħatlek għal żmien xi salib, jew inkella nċaħħdek għal ftit mill-ħlewwa tiegħi, la ddaħħalx f’moħħok li jien tlaqtek għal kollox; billi hekk jaħtieġ tasal fis-saltna tas-smewwiet. U oqgħod żgur li sewwa lilek u sewwa lis-servi tiegħi kollha jkunilkom ġid akbar li tkunu mħabbtin, milli kieku jiġri kollox kif tixtiequ. Jien nagħraf il-ħsibijiet moħbija ta’ qalbek u naf li hu ġid kbir għal ruħek li kull tant inħallik mingħajr il-ħlewwiet tas-sema; għax kieku jiġik dritt, għandek mnejn titkabbar jew tifrah bik innifsek, u taħseb li int dak li m’intix. Dak li tajtek, nista’ neħodhulek; u nista’ narġa’ nagħtihulek kull meta jogħġobni.
5. Meta nagħtik, inkun tajtek minn tiegħi; meta neħodlok, ma nkunx ħadtlek tiegħek; għax il-grazzi kollha u d-doni kollha l-aktar sbieħ, tiegħi huma. Jekk qatt nibgħatlek xi salib jew xi għawġ, la teħodhiex bi kbira, anqas la taqta’ qalbek; għax jiena nista’ malajr inħaffek minn kull toqol anzi inbiddihulek f’ferħ. U kun af li jien inkun nagħmel is-sewwa, u li int imissek tibqa’ tafhuli meta nġib ruħi miegħek hekk.
6. Jekk tieħu l-ħwejjeġ kif imiss u ma jkollokx għamad fuq għajnejk, int ma jmissek qatt tant issewwed u taqta’ qalbek; anzi aktar tifrah u tirringrazzjani. Anzi dan għandu jkun l-aqwa ferħ tiegħek, li nibgħatlek xi hemm, u ma nibżax għalik. Infatti jien lid-dixxipli maħbuba tiegħi għidtilhom darba; “Kif ħabbni Missieri nħobbkom jien.” U frattant jien ma għargħarthomx fil-pjaċiri tad-dinja, anzi bgħatthom jikkumbattu; tajthom mhux l-unuri tad-dinja, imma ż-żebliħ tan-nies; mhux it-tpaxxija tal-qgħad, imma taħbit bla tarf; ma rħejtilhomx jistrieħhu, anzi ridt li huma jrodduli bosta frott billi jbatu u jieħdu paċenzja. – Ftakar, ibni, ftakar f’dak-kliem.
KAP XXXI
Ma għandna xejn inqisuhom il-ħwejjeġ maħluqa kollha, jekk irridu nirtabtu ma’ min ħalaqhom
IR-RUĦ
1. Sinjur, tabilħaqq li għandi bżonn ta’ grazzja wisq akbar, jekk irrid nasal fejn ebda bniedem, ebda ħaġa maħluqa ma tista’ iżomm iżjed. Sakemm xi ħaġa tibqa’ żżommni marbut, jien ma nistax intir sewwa għal ħdejk. Kien jixtieq itir bla xkiel dak li kien igħid:’’Min itini l-ġwienaħ bħal ħamiema, ħalli ntir u nsib il-mistrieħ tiegħi?’’ Min għandu paċi akbar minn dak il-bniedem li għandu qalbu safja? U min hu aktar f’siktu minn dak li f’did-dinja ma jixtieq xejn? Jaħtieġlu mela l-bniedem jogħla, li jittajjar ogħla mill-ħwejjeġ maħluqa; li jinsa għal kollox lilu nnifsu bla ma jiftakar xejn fid-dinja; u li jifhimha sewwa ‘’Int ħlaqt kollox u xejn ma hawn fost il-ħlejjaq kollha li jlaħħaq mal-ġmiel tiegħek. Min hu maħlul mill-kreaturi kollha, jista’ jagħti ruħu sewwa għall-ħwejjeġ t’Alla; u għalhekk ftit jinsabu li l-ħsibijiet tagħhom huma fik biss, għaliex ftit huma dawk li jinfatmu għal kollox mill-ħwejjeġ li jgħaddu u jmorru, mill-ħwejjeġ maħluqa.
2. Biex ikun dan, taħtieġ grazzja wisq kbira, li tarfa’ r-ruħ u tgħolliha aktar ‘il fuq mnejn tilħaq hi. U hekk il-bniedem ma jkollux il-ħsibijiet tiegħu ‘l fuq: jekk ma jkunx maħlul mill-kreaturi kollha u marbut kollu kemm hu m’Alla, jista; jkun għaref kemm ikun, jista’ jkollu d-doni li jkollu, dan ftit jew xejn jiswielu. Jibqa’ ċkejken żmien twil, jibqa’ jkarkar ma’ l-art min iħobb ħwejjeġ oħra barra minn dak li waħdu hu ġid bla tarf, ġid ta’ dejjem. Dak kollu li m’hux Alla, xejn ma hu u b’xejn għandu wieħed iqisu.
. Tgħaddi differenza kbira bejn il-għaqal ta’ ruħ devota u mogħnija bid-dawl tas-sema u bejn il-għerf ta’ wieħed li għadda ħajtu fuq il-kotba u l-istudju. Il-għerf li Alla jibgħat minn fuq, hu wisq isbaħ u ogħna minn dak il-għerf li l-bniedem jiġbor sforz tant tbatija u tagħlim.
3. Bosta wħud jixtiequ jagħmlu l-orazzjoni bil-ħrara, imma mbagħad ma jagħmlux dak li hemm bżonn biex iseħħ dan fihom. L-aktar ħaġa li tfixkel u ttellef hi li nħallu lil qalbna titqanqal u tinġibed lejn il-ħwejjeġ ta’ did-dinja, u li xejn ma ngħakksu lilna nfusna.
Kif aħna mela? Liema spirtu hu li qed imexxina? X’inhu li rridu? Tassew li aħna nies tar-ruħ; u frattant x’nitħabtu għall-ħwejjeġ li fix-xejn jispiċċaw, u l-ħsibijiet tagħna huma kollha fihom; imbagħad il-ħwejjeġ ta’ ruħna rari naħsbu fihom u anqas kif imissna.
4. Jaħasra għalina! Kif nidħlu għal ftit fina nfusna, dik is-siegħa nerġgħu nxerrdu l-ħsibijiet tagħna ‘l hawn u ‘l hemm u l-egħmil tagħna ma ngħarbluħx bir-reqqa li taħtieġ. Ma nfittxu xejn qalbna fejn kienet mixħuta, u ma nibkux it-tkasbir tagħha. – Id-diluvju kien ġie, għax kulħadd kien tħassar u għaweġ it-triq tiegħu. Meta l-ġibdiet ta’ qalbna jkunu ħżiena, l-għemil tagħna jitħassar ukoll. Biss qalb safja tista’ tagħti frott ta’ ħajja tajba.
5. Tarana nsaqsu: Dak x’għamel? – Imma mbagħad ftit jiġina f’moħħna li nsaqsu jekk it-tali hux f’saħħt għani, sabiħ, jinqalax, jekk jiktibx tajjeb, jekk ikantax sabiħ, jekk hux gwapp fis-sengħa; imbagħad ħadd ma jfittex jara jekk hux mogħni bil-paċenzja u l-umilta, jekk hux bniedem tar-ruħ miftum mid-dinja. Il-bniedem iħares lejn il-qoxra ta’ barra; imma r-ruħ tħares lejn r-ruħ tiegħu. Il-bniedem wisq drabi jitqarraq; imma r-ruħ titma f’Alla biex ma titqarraqx.
KAP XXXII
Għandu l-bniedem igħakkes lilu nnifsu u jinfatam mix-xewqat ħżiena
ĠESU KRISTU
1. Ibni, ma tistax tkun bla xkiel għal kollox, jekk ma tiċħadx f’kollox lilek innifsek. Jinsabu marbutin bħala lsiera dawk kollha li jħobbu lilhom infushom, ix-xħaħ, il-kurjużi, ix-xalaturi, dawk li jfittxu dejjem it-tpaxxija, bla ma jimpurtahom xejn mit-tagħlim ta’ Ġesu Kristu; u dejjem jaraw x’jaqilgħu biex jaqtgħu xewqathom. Imma dak kollu li m’hux ġej mn’Alla jisfa’ fix-xejn.
|omm mela f’moħħok dal-ftit kliem, li fiħ x’ittiegħem: ‘’Ħalli kollox u ssib kollox; keċċi r-rebgħa u ssib il-mistrieħ.’’ – Xtarru tajjeb f’moħħok: u meta tkun għamilt kif għidtlek, hemm issir tifhmu sewwa.
IR-RUĦ
2. Sinjur, din m’hix ħaġa ta’ ġurnata, jew xi logħob tat-tfal; f’dawn l-erba’ kelmiet tinsab miġbura l-perfezzjoni tan-nies tar-ruħ.
ĠESU KRISTU
3. Ibni, ma għandekx għax taqta’ qalbek meta tisma’ kif inhuma mixjin in-nies it-tajba; anzi aktar għandek tħabrek biex tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba, jew għall-anqas tnissel xewqa kbira li tiġi ‘l quddiem! Eh! Li kont tasal f’dan l-istat li ma tħobbx lilek innifsek, imma li toqgħod biss għal dak li rrid jien u li jrid dak li jien tajtek bħala missier tiegħek, kieku wisq aktar issir togħoġobni, u ħajtek kont tgħaddiha kollha fil-hena u l-paċi. Għad baqagħlek bosta ħwejjeġ x’tarmi wara spallejk; u jekk ma tagħmilx hekk minħabba fija, int ma taqlax dak li titlob.
Isma; minni: ixtri minn għandi d-deheb imgħoddi min-nar, ħa’ tistagħna, jiġifieri l-għerf tas-Sema; u itfa’ taħt saqajk il-ħwejjeġ kollha tad-dinja. Għal dal-għerf għandek tħalli l-għerf l-ieħor tad-dinja u ma toqgħodx tfittex li togħġob lin-nies, jew anqas li tagħti gost lilek innifsek.
4. Jiena ġa għidtlulek; dak kollu li n-nies igħożżuh u jistmawh, ixtri bih ħwejjeġ li ftit jew xejn huma stmati. Niftiehmu; il-veru għerf tas-sema. Issa dan, id-dinja mhux tistmaħx, anzi tiddisprezzah, u kważi nsietu; dal-għerf ma jintefaħx bih innifsu, anqas ifittex li jkun imfaħħar f’did-dinja, dal-għerf jfaħħruh b’fommhom, imma mbagħad ħajjithom xejn ma taqbel miegħu; dan hu dik il-ġawhra tant fina li bosta moħbija għalihom.
KAP XXXIII
Fuq kemm tbiddel il-qalb tal-bniedem. Dak li nagħmlu jrid ikun bil-fehma li nogħġbu ‘l Alla
ĠESU KRISTU
1. Ibni, dak li titlob qalbek issa xejn la torbot fuqu; minn hawn u ftit ieħor għandek mnejn taħsibha xort’oħra. Sakemm tibqa’ ħaj, int dejjem tbiddel il-ħsieb tiegħek; tixtieq ħaġa u tarġa’ ma tridhiex; għax issa ferħan, u issa qalbek sewda: issa kollok kwiet, u issa mħawwad; issa devot, u issa biered; issa bieżel, u issa għażżien; issa tqil, u issa ħafif.
Imma min għandu l-għaqal u mkisser sewwa fir-ruħ, ma ssibux idur ma’ kull riħ ma jimpurtaħx qalbu għalfejn hi miġbuda, anqas li r-riħ fiha jilgħab ‘l hawn u ‘l hemm; biss iqis li l-fehma ta’ moħħu twasslu fejn jixtieq hu. Għaliex b’dan il-mod jista; wieħed jibqa’ dejjem sod fil-fehmiet tajba; jiġrilu x’jiġrilu, dejjem il-ħsibijiet u l-fini tiegħu huma fija.
2. Aktar ma l-fehma tkun safja, mingħajr taħlit ta’ ħwejjeġ barranin, aktar wieħed jista’ jimxi fiż-żgur qalb it-taqlib tad-dinja. Imma bosta wħud għandhom għajnejhom imgħammdin b’xi fehma oħra minni; issib min jieqaf, jogħxa fuq ħaġa li tagħtih gost; għax rari biex issib qalb li fiha ma tidħol ebda xejn l-imħabba tagħha nfisha. Hekk fiż-żmien ta’ ilu, il-Lhud marru f’Betanja għand Marta u Marija, mhux biss minħabba f’Ġesu imma biex jaraw lil Lazzru wkoll.
Mela hemm bżonn li l-fehma tkun safja; hemm bżonn li ma tkunx imħallta bi ħwejjeġ oħra; li ma tkunx imgħawġa ; li tkun tħares biss lejja, bla ma xejn jista’ jfixkilha.
KAP XXXIV
Min iħobb ‘l Alla fuq kollox ma jsib xejn ohla minnu
IR-RUĦ
1. Inti hu Alla tiegħi, u għalija inti kollox. X’irrid aktar? X’nista’ nixtieq ohla minnek? O kelma kollox ħlewwa, għal min iħobb il-Verb etern, mhux lid-dinja u l-ħwejjeġ li fiha!
Alla tiegħi li fik insib kollox. Għal min jaf jifhem dal-ftit hu biżżejjed; u min jaf iħobb, jithenna jgħidhom u jtennihom. Fejn tkun int, kollox hena; fejn ma tkunx int, kollox dwejjaq. Int issabbar il-qalb; int issawwab il-paċi u l-ferħ. Int kollox iġġagħlu jiġina ħelu, u ġġagħalna nfaħħruk f’kollox. Mingħajrek ebda ħaġa ma tista’ ddum tingħoġob; u biex ħaġa tagħtina gost u thennina, hemm bżonn li fil-qalb ikun hemm il-grazzja tiegħek u li hi tkun mogħnija bil-għerf tiegħek.
2. Min isib fik il-hena tiegħu fiexjista’ ma jiħux gost? U min ma dieqx il-ħlewwa ta’ mħabbtek, liema ħaġa tista’ thennih? Imma l-għorrief tad-dinja, u dawk li jfittxu l-pjaċiri tal-ġisem, dawn ma jistgħux itiegħmu l-għerf tiegħek; għax il-għerf tagħhom hu kollu frugħa, u l-pjaċiri tagħhom ma jġibux ħlief mewt. Imma dawk li jiddisprezzaw id-dinja, u jikkastigaw lil ġisimhom, biex jimxu wrajk, dawn huma veri għorrief għaliex iħallu l-qerq għall-verita, u l-ġisem għar-ruħ. Dawn jafu x’jiġifieri Alla: u jekk fil-kreaturi jsibu xi ġid, iservi biex huma jfaħħru lil Dak li ħalaqhom. X’għandhom x’jagħmlu ma’ xulxin il-ħlewwa ta’ min ħalaq, u ta’ ħaġa maħluqa ta’ l-eternita u taż-żmien, tad-dawl u tad-dawl li ġej minnu?
3. O dawl etern, li tikfes kull dawl ieħor maħluq, ibgħatli d-dija tiegħek mill-għoli tas-smewwiet, ħalli ddawwalli l-qiegħ ta’ qalbi. Saffi, ferraħ dawwal u agħti l-ħajja lir-ruħ tiegħi, kif inhu u sa fejn jilħaq; ħalli nirtabat miegħek b’tant ferħa kbira li noħroġ barra minn għaqli. Meta, meta tasak dik is-siegħa ħienja u mixtieqa, li int ix-xebbagħni bik innifsek, li fik insib kulma nixtieq? Sakemm dis-siegħa tasal, ebda ferħ ma jista’ jkun fil-milja tiegħu fija.
Eh! Kemm jisgħobbija, xħin niftakar li l-bniedem l-antik (il-passjonijiet ħżiena tiegħi),għadu m’hux imrażżan għal kollox, għadu ma mietx tassew! Għadu b’leħħa kbira jnissel fija xewqa bil-maqlub milli trid ir-ruħ, iqajjimli gwerer ħorox fija, u ma jħallix lil ruħi bis-sabar tagħha.
4. Imma int għandek jedd fuq il-baħar, u traqqad il-mewġ tiegħu, qum u għinni. Ħarrab lil dawn in-nies (il-passjonijiet) li ma jridulix ħlief gwerra; ħarrabhom bil-qawwa tiegħek. Uri, iddew, il-kobor tiegħek, għaliex ma għandix f’min nitma u fejn nistkenn, ħlief għandek, Mulejja Alla tiegħi.
KAP XXXV
F’dil-ħajja bħalxejn jista’ wieħed jaqa’ fid-dnub
ĠESU KRISTU
1. Ibni, f’dil ħajja kulħadd jista’ jsib ruħu f’xi tentazzjoni; mela dment li int fuq l-art, għandek dejjem bżonn ta’ l-armi tar-ruħ. Int miexi qalb l-egħdewwa li jinbxuk minn hawn u minn hemm; mela jekk ma tiħux miegħek kulfejn tmur it-tarka tal-paċenzja, f’qasir żmien tindarab.
Imma hemm ħaġ‘oħra. Jekkma torbotx ferm qalbek miegħi,b’fehma soda u qawwija li ssofri kollox minħabba fija, int ma jkollokx ħila tilqa’ b’sidrek dawn il-battalji qawwija, anqas tista’ tilħaq il-glorja tal-beati. Jaħtieġlek mela tissaporti kollox b’qawwa kbira, u b’ħiltek kollha teħodha ma’ l-egħdewwa kollha; għax għal min joħroġ rebbieħ hemm il-premju; u għal min jirtema, għaks u faqar.
2. Jekk il-mistrieħ tfittxu f’dil ħajja, kif fi ħsiebek tasal fil-mistrieħ ta’ dejjem? Għandek tħejji ruħek għal mistrieħ kbir, imma għal-paċenzja kbira. Il-vera paċi tfittixhiex fuq l-art, iżda fis-smewwiet; mhux fil-bnedmin, anqas fil-kreaturi l-oħra, imma f’Alla biss. Għall-imħabba t’Alla għandek mela tissaporti kollox bil-qalb. – tbatijiet, uġigħ, tentazzjonijiet, inkejja, dwejjaq, għaks, mard, tagħjir, malafami, ċanfir ta’ wiċċ, mistħija, twiddib, żebliħ. Dan kollu jgħinek biex tikber fik il-virtu, iħarrġek fit-triq ta’ Kristu u jinsiġlek kuruna għas-smewwiet. Jien il-ftit tat-taħbit inħallsu bi ħlas ta’ dejjem; u l-ftit tal-mistħija f’did-dinja, bi glorja bla tarf.
3. Taħseb int li l-ħlewwiet tas-sema għandhom jinżlu fuqek kulmeta trid int? Il-Qaddisin tiegħi, mhux dejjem, le, kien ikollhom dan il-hena; anzi dejjem kienu jkunu ttantati u mħabbtin, u f’baħar ta’ dwejjaq. Imma b’kollox kienu jieħdu paċenzja, u aktar kienu jirtabtu miegħi, milli jħobbu lilhom infushom; għax kienu jafu li t-tbatijiet tad-dinja xejn m’huma ħdejn il-glorja li bihom jistgħu jirbħu fis-smewwiet. Kif trid li int jkollok hekk malajr dawk il-grazzi, li lil bosta oħrajn ma tajthomlhomx ħlief wara tant biki u taħbit? Ixxennaq dejjem għal Alla, rabbi l-ħila u l-qawwa, la taqtax qalbek u minni la titbegħidx, anzi b’ġismek u ruħek aħdem għall-glorja t’Alla. Jiena nħallsek bil-bosta; jiena nkun miegħek fid-dwejjaq tiegħek.
KAP XXXVI
Xejn ma jgħodd li n-nies jaħsbu ħażin fuqna
ĠESU KRISTU
1. Ibni, orbot ruħek b’tama kbira f’Alla, u tibżax milli jaħsbu l-bnedmin fuqek meta l-kuxjenza tgħidlek li inti nadif u safi. Hu ġid u xorti kbira li jiġrilek hekk; u min hu ta’ qalb umli u jitma aktar f’Alla milli fih innifsu, xejn ma jaraha bi kbira. Bosta wħud għandhom ilsienhom twil; u għalhekk ftit huma ta’ min jemminhom. U ħaġa oħra: anqas jista’ jkun li togħġob lil kulħadd. Tarax: San Pawl, għalkemm kien ifittex li jogħġob lil kulħadd għall-imħabba t’Alla, ftit kien jimpurtah x’jaħsbu u x’igħidu fuqu n-nies.
2. Għas-salvazzjoni u għall-ġid ta’ l-oħrajn għamel kemm sata’ u kemm felaħ; u b’dan kollu ma baqgħux ma qalgħux fuqu li riedu. Kien jerħi ruħu f’idejn Alla, li jaf kollox, u iddefenda ruħu bl-umilta u l-paċenzja mill-ilsna, mill-ilsna ta’ dawk li jaħsbu ħażin, li jħobbu jqassu, li jitilqu l-kliem kif jidhrilhom. Imma ġew ukoll waqtiet li hu ċanfarhom nies bħal dawn sabiex min moħħu ma jilħaqlux ma jimliex rasu b’dan il-kliem tagħhom.
3. Int taf int x’int: għala tibża’ minn bniedem li għandu jmut! Illum ħaj, għada ma jsebbaħx. Ibża’ mn’Alla, u mill-bnedmin ma tibqax tibża’. X’jista’ jagħmillek dak il-bniedem bi kliemu u bit-tagħjir? Aktar jagħmel deni lilu nnifsu, inkella lilek; u jkun min ikun, ma jistax jaħrab mill-ħaqq t’Alla. Int żomm dejjem ‘l Alla quddiem għajnejk u tislithiex mal-ġellieda. U jekk stess f’dil-ħajja tidher iċċekkint jew issofri xi mistħija li ma tkunx tisħoqqlok, la toħodhiex bi kbira, u la titlifx is-sabar tiegħek, ħalli ma ċċekkinx il-kuruna tiegħek. Għandek, iva, tħares Lejja fis-smewwiet, għax niksta’ neħilsek minn kull mistħija u minn kull tagħjir, u nħallas lil kulħadd skond egħmilu.
KAP XXXVII
Għandna nerħu ruħna f’idejn Alla, biex qalbna tkun maħlula minn kollox
ĠESU KRISTU
1. Ibni, insa lilek u ssib lili: Qis li għalik ikun kollox xorta waħda, la tirtabatx mal-ħwejjeġ tad-dinja, u tirbaħ dejjem. Hekk kif tagħlaq għajnejk għall-ħwejjeġ tad-dinja u tinsa lilek innifsek il-grazzja tiegħi tiżdied fik.
IR-RUĦ
2. Sinjur, kemm-il darba, u f’liema ħwejjeġ għandi nerħi ruħi f’idejk u ninsa lili nnifsi?
ĠESU KRISTU
3. Dejjem, u f’kull ħin; sew fil-ħwejjeġ żgħar u sew fil-kbar. Ma nħalli barra xejn; jien irrid insibek miftum minn kollox, għaliex inkella kif tista’ tkun tiegħi u jiena tiegħek, jekk int ma tinżax mill-volonta tiegħek minn barra u minn ġewwa? Aktar ma dan iseħħ fik malajr, tant aħjar għalik; u aktar ma tiċħad lilek innifsek sewwa u bil-qalb, aktar tista’ togħġobni u aktar tista’ tirbaħ.
4. X’uħud jerħu ruħhom f’idejn Alla, tabilħaqq; imma jżommu xi teftifa għalihom. Dawn issibhom dejjem jaħsbu fl-affarijiet tagħhom, għax ma jkollhomx vera tama f’Alla. Oħrajn ukoll l-ewwel joffru ruħhom għal kollox, imma mal-ewwel tentazzjoni li tiġihom jerġgħu għal li kienu; u dawn ftit jistgħu jgħaddu ‘l quddiem fil-virtu. Dawn ma jistgħu jkollhom qatt qalbhom maħlula, u anqas qatt ma jgawdu l-ħlewwa li ġġib il-grazzja tiegħi, meta tgħammar fil-qalb tal-bniedem. Hemm bżonn li jerħu ruħhom f’idejja għal kollox, u qabel xejn joffru ruħhom lili kuljum bħala vittma, għax inkella ma nistax, u la issa u la qatt, insir ħaġa waħda magħhom.
5. Għidtlek bosta drabi u narġa’ ngħidulek: Erħi ruħek f’idejja, ħalli nieħu ħsiebek jien, u paċi kbira jkollok ġo qalbek. Agħti kollox għal kollox, la tirgħeb għal ebda ħaġa. La titlob xejn, irtabat miegħi għal kollox li xejn ma jkun jista’ jqanqlek; u jien inkun tiegħek. Qalbek tkun maħlula, u d-dlamijiet ma jqarrqux bik. Għal dan għandek tħabrek, dan itlob, u dan xtieq; sabiex, miftum mill-ġid tad-dinja, tista’ timxi wara Ġesu; sabiex tista’ tmut għalik innifsek u tgħix miegħi għala dejjem. Hemm jispiċċawlek il-ħsibijiet kollha li ma għandekx xi tridhom, dawk li jħawdulek u jkasbrulek moħħok, u l-ħsibijiet għall-ħwejjeġ tad-dinja. Hemm imutlek il-biża’ żejjed u miegħu l-imħabba żejda tiegħek innifsek.
KAP XXXVIII
Kif għandna nġibu ruħna tajjeb u fit-tiġrib infittxu ‘l Alla
ĠESU KRISTU
1. Ibni, hawn għandhom ikunu l-ħsibijiet tiegħek kollha, li kulfejn tkun, f’kulma tagħmel, f’kulma jgħaddi minn moħħok, int tkun maħlul minn kollox u għal kollox, b’rajk f’idejk, u ebda ħaġa ma tkun imjassar magħha, li tkun sid tal-egħmil tiegħek, u mhux xi lsir tal-passjonijiet tiegħek. Qis li ħadd u ebda ħaġa ma jkollha jedd fuqek, ħalli jkollok dik ix-xorti sabiħa li għandhom l-ulied t’Alla li ssibhom miftumin minn kollox; li jirfsu fuq din l-art, imma l-ħsibijiet tagħhom fis-sema; li l-ħwejjeġ ta’ din l-art iħarsu lejhom b’għajnhom ix-xellugija, u tas-sema bil-leminija; illi l-ħwejjeġ ta’ hawn ma jiġbduhomx biex iħobbuhom, anzi huma jiġbdu lilhom biex jinqdew bihom għall-fehmiet li għalihom ġew maħluqin mn’Alla li ma ħalaq xejn għal xejn.
2. Jekk kulma jiġrilek ma tħarisx lejh skond ma jidher minn barra; jekk dak li tara jew li tisma; ma tifliħx bil-għajnejn tal-ġisem; imma f’kull ħaġa li jiġrilek tersaq minnufih bħal Mose, lejn it-tabernaklu u titlob id-dawl ‘l Alla u hemm tisma’ x’iwieġeb Hu, hemm titgħallem biżżejjed fuq bosta ħwejjeġ li tinsab fihom, u li għad jiġu fuqek. Infatti Mose, kemm-il darba kellu bżonn ta’ xi dawl u ta’ xi għajnuna, it-Tabernaklu fittex; u biex jeħles minn kull tiġrib mill-ħażen tal-bnedmin, fittex il-wetqa tiegħu fit-talb. Hekk ukoll int għandek fis-skiet ta’ qalbek, u titlob aktar bil-ħrara il-għajnuna t’Alla. U għalhekk kif naqraw fl-Iskrittura, Ġoswe, u wlied Israel qarrqu bihom il-Gabaoniti, għax ma marrux minn qabel jaraw Alla x’jgħidilhom; u ġew imqarrqin mill-ħniena falza, billi mlew rashom bil-kliem ħelu ta’ l-għedewwa.
KAP XXXIX
Il-bniedem m’għandux ikun ilħih f’ebda ħaġa
ĠESU KRISTU
1. Ibni f’kull ħaġa li jkollok, ħallini dejjem nagħmel jien; jien, tibżax, immexxi kollox għall-aħjar fil-waqt tiegħu. Ħallini nagħmel jien, imbagħad tara kif kollox ikun għall-ġid tiegħek.
IR-RUĦ
2. Sinjur, jien bil-qalb kollha nitlaq ruħi f’idejk; għax jien naħseb kemm naħseb ftit nista’ insewwi għalija nnifsi. Eh, li kont tagħtini grazzja li ma nħabbatx moħħi wisq fuq li għad jista’ jiġrili, imma nerħi ruħi li jsir minn f’kollox kif jogħġob lilek.
ĠESU KRISTU
3. Ibni, bosta drabi l-bniedem wisq jitħabat sa ma jaqla’ dak li jkun jixtieq; imma mbagħad, meta dil-ħaġa tkun tiegħu jibda jaraha xort’oħra; għaliex il-qalb tal-bniedem ma tistax iddum miġbuda żmien twil fejn ħaġa waħda; issibha illum tħobb ħaġa u għada oħra. Mela min jiċħad u jgħakkes lilu nnifsu, avolja fi ħwejjeġ żgħar, ma jkunx jagħmel ħaġa ta’ xejn.
4. Il-vera perfezzjoni tal-bniedem hi din li jiċħad lilu nnifsu; u l-bniedem li jasal f’dan, ma għandu għax jibża’ minn xejn aktar.
Imma l-għadu l-antik, li jħobb ifixkel il-ħwejjeġ tajba kollha, ma jeħdux jittanta; lejl u nhar idur u jonsob ix-xbiek, biex jara jistax iqarraq b’min hu b’għajnejh magħluqa, u jdaħħlu ġewwa x-xibka tiegħu. U għalhekk qal Alla: ‘’ Ishru u itolbu li ma taqgħux fit-tiġrib.’’
KAP XL
Il-bniedem ma għandu minnu nnifsu ebda ġid, u anqas ma jista’’ jiftaħar bl-ebda ħaġa
IR-RUĦ
1. Sinjur, x’inhu l-bniedem, biex int tiftakar fih? Jew l-iben tal-bniedem, biex int iżżuru? X’sata’ ħaqqu l-bniedem biex tajtu l-grazzja tiegħek?
Sinjur, u jien x’jedd għandi ngemgem, jekk inti tinsieni? Jew kif nista’ mmur nistaqsik għaliex ma tagħmilx li nitolbok? Anzi nista’ naħseb ġewwa fija u ma jkunx ifallili u ngħid: Sinjur, jiena m’jien xejn, jien ma nista’ xejn; minni nnifsi ma fini ebda ġid; anzi f’kollox għandi n-nieqes, u niġbed lejn ix-xejn. U li ma kienx għax tgħinni int, u f’qalbi tagħtini d-dawl, kieku nibred għal kollox u nsir bla kont.
2. Imma int, Sinjur, dejjem int l-istess u tibqa’ għal dejjem tajjeb, sewwa u qaddis; tibqa’ tagħmel u tqassam kollox bit-tjieba, bis-sewwa, bil-qdusija u bil-għerf. Imma jien, li aktar jien miġbud għall-imgħaweġ milli għas-sewwa, qatt ma nżomm żmien twil f’ħaġa waħda, għaliex seba’ żminijiet jew seba’ tibdiliet igħaddu minn fuqi. U għalhekk wisq aħjar ikun għalija meta jogħġbok tmidd idejk fuqi tgħinni; għax int waħdek hu li ma għandekx bżonn ta’ ħaddieħor biex tgħinni u twettaqni; b’mod illi wiċċi ma jinbidilx iżjed, u qalbi tingħata lilek waħdek u fik tistrieħ.
3. Mela li kelli tabilħaqq il-ħila ma nagħtix kont iżjed tal-hena li qatt jista’ jagħtini bniedem ieħor, jew biex naqla’ l-virtu tad-devozzjoni, jew inkella għax inħoss x’iġagħalni nfittex lilek (għax ebda bniedem ma jista’ jhennili sewwa lil qalbi), kieku nista’ nittama fil-grazzja tiegħek, u nifraħ bil-ħlewwa li tkun sawwabt ġewwa fija.
4. Niżżikħajr, Sinjur, għax minn għandek nafu kemm-il ġid jiġrili. Jiena ħdejk m’jiniex ħlief frugħa u xejn, bniedem li ndur ma’ kull riħ u ta’ ħila wisq ċkejkna. Biex mela nista’ nitkabbar, jew għaliex irrid li nkun imsemmi? Bix-xejn? Frugħa kbira tkun din tiegħi. Anzi ngħid iżjed glorja belgħa bħal din, hi pesta u ntiena, frugħa l-aktar kbira; għaliex tbegħidna mill-vera glorja, u nżajna mill-grazzja tas-smewwiet.
Dment li l-bniedem jagħti gost lilu nnifsu, ma jistax jogħġob lilek; dment li jintefaħ
bit-tifħir tal-bniedem, tkun qed jinfatam mill-veri virtujiet.
5. Il-vera glorja, il-ferħ imqaddes, hu dan, li l-bniedem jiftaħar bik u le bih innifsu; li jifrah bl-isem tiegħek, mhux bil-virtu tiegħu; u li ma jitgħaxxaqx f’ebda kreatura, ħlif imħabba fik. Ħalli jkun imfaħħar ismek, mhux ismi; ħalli jitfaħħru l-opri tiegħek, u mhux tiegħi; ħalli jkun imbierek l-isem imqaddes tiegħek, u lili ma għandu x’iridni ebda xejn it-tifħir tan-nies. Int biss il-glorja tiegħi, int il-ferħ ta’ qalbi. Bik nitkabbar u bik nifraħ ħajti kollha; mingħalija ma nfaħħarx fija nnifsi ħlief il-miżerji tiegħi.
6. Il-glorja li jista’ jagħti bniedem lil ieħor, ħalli jfittxuh bejniethom dawk li jriduha; jiena nixtieq dik il-glorja li Alla biss jista’ jagħtiha. Il-glorja tal-bnedmin, l-unuri ta’ hawn, il-għoli tad-dinja, dawn meta nxebbaħhom mal-glorja tiegħek ta’ dejjem insib li m’humiex ħlief frugħa u bluha.
O verita tiegħi u ħniena tiegħi, Alla tiegħi. Trinita mbierka! Lilek biss jingħata tifħir, ġieh, qawwa u sebh għal dejjem ta’ dejjem.
KAP XLI
Għandna nixħtu taħt riġlejna l-unuri ta’ did-dinja
ĠESU KRISTU
1. Ibni, xejn la tagħti jekk tara li d-dinja lilek iżżebilħek ‘l isfel. Arfa’ qalbek lejja fis-smewwiet, u xejn ma tibqa’ taraha bi kbira li l-bnedmin fid-dinja jżebilħuk.
2. Sinjur, aħna fil-għama, u ftit irridu biex il-frugħa tqarraq bina. Jekk niżen bil-miżien tas-sewwa lili nnifsi, jaħtieġli ngħid li ebda ħadd ma għamilli qatt deni, li għalih nista’ bir-raġun nilminta minnek. Anzi billi dnibt bosta u dnibt ikreh kontra tiegħek, imissni li l-kreaturi jduru kollha kontra tiegħi. Mela lili jmissni li bil-qalb li jmaqdruni u jzebilħuni, u lilek tifħir, ġieh u sebh. U jekk jien ma nħejjix ruħi nsofri bil-qalb li nkun imżeblaħ u mitluq minn kulħadd, li nkun meqjus bħala xejn, ma nkun nista’ qatt ikolli l-paċi tal-qalb u l-wetqa, fija ma nistax ikolli d-dawl tiegħek tar-ruħ, anqas nista’ ningħaqad miegħek għal kollox.
KAP XLII
Il-paċi ta’ qalbna mhux fuq il-bnedmin għandna nibnuha
ĠESU KRISTU
1. Ibni, jekk trid issib il-paċi tiegħek f’xi bniedem bħalek, għax issibu jogħġbok, jew għaliex tħobb toqgħod miegħu, int ma tkun sod f’xejn u ssib ruħek imħawwad; imma jekk tfittex lill-Verita dejjem ħajja u li qatt ma tispiċċa, tara kif, sew jekk imutlek ħabib, u sew jitilqek, qalbek ma teħodhiex bi kbira żejjed.
Int għandek tħobb fija u minħabba fija lill-ħabib tiegħek, u wkoll kemm-il ħaġa tidhirlek tajba, jew li hi għażiża għandek f’dil-ħajja. Kull ħbiberija, jekk ma tkunx marbuta miegħi, u la tiswa xejn, anqas iddum żmien twil; u l-imħabba li ma tkunx imgħaqqda bija m’hix safja jew qawwija. L-imħabba ta’ ħbiebek trid tqisha bħal imbiegħda minn qalbek, u trid tixtieq tista’ tgħix mingħajr il-hena tagħhom, safejn jiġi minnek, biex ma ssibx ruħek imfixkel fl-imħabba t’Alla. Aktar ma bniedem jaħrab mill-hena li tagħti d-dinja, aktar jersaq lejn Alla. U aktar ma jniżżel ‘l isfel lilu nnifsu u jżomm ruħu bi ċkejken, aktar jogħla quddiem Alla.
2. Min imbagħad, xi ġid ċkejken li jkollu, jifhem li jkun ġej minnu, ma jħallihiex tinżel fih il-grazzja t’Alla; għaliex il-grazzja ta’ l-Ispirtu Santu dejjem tfittex qalb umli. Li kellek ħila ċċekken lilek innifsek, sa tasal fix-xejn, u tinfatam mill-imħabba tal-ħwejjeġ kollha maħluqa, kieku tara kif inxerred fuqek il-kotra tal-grazzja tiegħi. Meta tmur b’moħħok fil-kreaturi, ma tistax tibqa’ tara aktar lil min ħalaqhom.
Jekk tilħaq tidra trażżan lilekinnifsek f’kull ħaġa minħabba fil-kreatur tiegħek, int tkun tista’ tagħraf lili. Ħaġa tkun ċkejkna kemm tkun, jekk int tħobbha u tħares lejha mhux kif imiss, tbiegħdek mill-ogħla ġid, li hu jien, u tħassarlek qalbek.
KAP XLIII
Il-Għerf ta’ did-dinja kollu frugħa
ĠESU KRISTU
1. Ibni, xejn timla rasek bi kliem sabiħ u għaref tal-bniedem. Kun af li s-saltna t’Alla m’hijiex fill-kliem, imma fil-qdusija. Kun b’widnejk miftuħa għall-kliem tiegħi, li jixgħel il-qalb u jagħti d-dawl lill-moħħ; li jnissel l-indiema, u ħlewwa kbira jġiblek. Qatt ma għandek taqra ktieb b’xi fehma li toħroġ aktar ta’ għaref u ta’ bil-għaqal milli kont. Qis li tmewwet fik id-drawwiet ħżiena; dan aktar jiswielek milli kieku ssir tagħraf bosta ħwejjeġ tal-għerf.
2. Inqisu li inti taqra u ssir taf bosta ħwejjeġ; dan kollu xejn ma jgħodd, għax jaħtieġlek dejjem tfittex f’ras il-għajn. Jiena hu li ngħallem il-għerf lill-bnedmin, u lit-trabi nagħtihom dehen akbar milli bniedem jista’ jgħallem. Dik ir-ruħ, li jien nitkellem magħha, malajr joktor fija l-għerf u wisq tiżdied fiha l-qdusija.
Ħażin jaħbtu dawk li jseksku
U jridu jitkixxfu ħafna ħwejjeġ, u ftit li xejn iqisu li jitgħallmu kif iservuni! Għad jiġi żmien, iva, li jidher l-Imgħallem ta’ l-imgħallmin, Kristu, Sid l-Anġli, biex jisma’ l-lezzjoni ta’ kulħadd, jiġifieri biex jgħarbel lil kull wieħed. Dak in-nhar Ġerusalemm tinfela tajjeb b’dawl il-musbieħ, u dak li hu moħbi fid-dlamijiet jiġi mxandar u lsien in-nies jiskot.
3. Jien hu li f’qasir żmien ingħolli ‘l fuq il-moħħ umli, li b’hekk isir jifhem veritajiet eterni aktar milli kieku jdum iħabbat rasu għaxar snin fl-iskejjel. Fejn ingħallem jien, u la jinstama’ agħjat ta’ kliem u la fehmiet ma jaqblux, u la pika, anqas ġlied ta’ min jirbaħ lil sieħbu. Jiena hu li ngħallmek tagħlaq għajnejk għal ħwejjeġ ta’ l-art; tistmerr dil-ħajja; tixtieq il-ġid etern; titgħaxxaq bil-ħwejjeġ ta’ dejjem; taħrab l-unuri; tieħu paċenzja bi lsien in-nies; tqiegħed it-tama tiegħek kollha fija; ma tixtieq xejn ħlief lili; u tinxegħel għalija bl-imħabba fuq kollox.
4. Għax kien hemm xi ħadd li ħabbni sa fejn tista’ tilħaq imħabba ta’ bniedem, u jien għallimtu wisq ħwejjeġ għoljin, u għerf tal-għaġeb stama’ minn fommu. Aktar tgħallem billi rema kollox wara spallejh jew billi tgħallem mill-għerf.
Jien lil x’uħud nitħaddet magħhom kif nitħaddet ma’ kulħadd, u lil x’uħud, għalihom waħidhom; lil x’uħud nidhrilhom mill-bogħod bħala sinjal jew eżempju, imma lil oħrajn nurihom il-misterji tiegħi b’dija l-aktar kbira. Il-kotba dejjem jitkellmu xorta waħda; imma mhux lil kulħadd igħallmu xorta waħda; għaliex jiena hu li ngħallem il-verita, li nissonda, l-qlub, li nifhem il-ħsiebijiet, li nnebbeh ir-ruħ bl-egħmil it-tajjeb, u li nagħti lil kulħadd skond ma jidhirli jistħoqqlu.
KAP XLIV
Ma għandniex niregħbu għall-ħwejjeġ tad-dinja
ĠESU KRISTU
1. Ibni, f’bosta jaħtieġlek tqis li ma tarax, u tagħmel ruħek b’mejjet fuq din l-art, bħalikieku mingħalik id-dinja msallba u mejta. Jaħtieġlek ukoll tkun għal bosta ħwejjeġ, taħseb aktarx x’inhu li jista’ jagħtik il-paċi. Aħjar iddawwar għajnejk minn fuq xi ħaġa li ma togħġobx, u tħalli lil kulħadd bil-fehma tiegħu, milli toqgħod tagħti ruħek għat-tmerija u l-ġlied. Jekk tkun sewwa m’Alla, u dejjem tiftakar li hu għad irid igħarblek, ma teħodhiex bi kbira li titlaqhom jirbħuk.
IR-RUĦ
2. O Sinjur, fiex wasalna? Nibku ħsara ta’ did-dinja, għal ftit qligħ nitħabtu u niġġerew, imbagħad il-ħsara ta’ ruħna ninsewha għal kollox, u jekk naħsbu fuqha fl-aħħar ta’ ħajjitna. Ħsiebna fi ħwejjeġ li ftit jew xejn jistgħu jiswewlna, biex dawk li jaħtieġu fuq kollox inħalluhom fil-ġenb bħalikieku xejn. Dan hu l-bniedem; jagħti ruħu għal kollox, għall-ħwejjeġ tad-dinja, u jekk ma jiftaħx għajnejh minnufiħ jibqa’ marbut magħhom għal dejjem.
KAP XLV
Mhux lil kulħadd jaħtiġilna nemmnuh, u kemm ma trid xejn biex tonqos bil-kliem
IR-RUĦ
1. Idħol għalija, Sinjur, fil-hemm tiegħi għaliex il-għajnuna tal-bniedem m’hix ħlief frugħa. Kemm drabi, lil min kont nifhem li hu fidil ma ħadt xejn minnu! U kemm drabi, min ma kelli ebda tama fih, qabeż għalija! Mela ibleh hu min jitma fil-bnedmin, waqt li t-tajbin, minnek, o Alla, jistennew il-ħniena. – Tkun imbierek, Sinjur Alla tiegħi, f’kulma jiġrilna. Il-ħila tagħna hi ċkejkna wisq, u fit-tjieba ftit inżommu; u għalhekk b’xejn nitqarrqu u ma’ kull riħ induru.
2. Liema hu dak il-bniedem li għandu ħila joqgħod b’għajnejh tant miftuħa fuqu nnifsu, li darba jew oħra ma jsibx ruħu mqarraq jew f’xi dieqa? Imma min jitma fik, o Sinjur, u jfittxek b’qalb safja u nadifa, ma jaqax tant malajr; u jekk stess jiġi xi salib fuqu, ikun tqil kemm ikun, int minnufih teħilsu, jew tagħtiħ is-sabar tiegħek, għax int ma tafx titlaq lil min jitma fik sal-aħħar. Ħabib li jibqa’ fidil mal-ħabib tiegħu f’kulma jiġrilu, hu ħaġa wisq fil-bgħid. Int, Sinjur, int waħdek fidil f’kollox, u barra minnek ma jingħatax ieħor.
3. Oh, kemm kellha għaqal dik ir-ruħ qaddisa li qalet: ‘’Ir-ruħ tiegħi ngħaqdet u twettqet f’Ġesu Kristu.’’ Eh li kont hekk jien ukoll, kieku ma tantx qalbi ttaqtaq bil-biża’ tal-bnedmin, u anqas it-taqsis tan-nies ma tantx jagħmel bija. Min hu dak li jista’ jara d-deni li jista’ jiġi fuqu, u jiskansa ruħu minnu? Jekk id-deni li nkunu lmaħnieh ġej fuqna minn qabel, bosta drabi ma neħilsux minnu, kif ma jhemmniex bl-aħrax id-deni li xejn ma nkunu bsarna bih? Imma għala, msejken li jien, ma ħadtx aktar ħsieb tiegħi nnifsi? U għala emmint, mort tibla’ l-kliem tan-nies? Imma bnedmin aħna, u xi bnedmin – li b’xejn nirtebħu, avolja bosta wħud iżommuna b’tajbin u jsejħulna anġli.
Lil min nemmen, Sinjur, ħlief lilek? Inti Verita li ma tqarraqx u ma tistax tqarraq. Inżid ingħid: kull bniedem hu giddieb; ħiltu ċkejkna; fehemtu fjakka; fl-anqas ħaġa jiżloq, l-aktar fil-kliem, ara kemm li jekk stess is-sewwa jidher pinġut fuq wiċċu, bil-kemm il-kemm għandna nemmnuħ.
4. Kemm għamilt sewwa, Sinjur, meta wissejtna li ma nafdawx fil-bnedmin, li l-egħdewwa tal-bniedem huma fih innifsu, u anqas ma għandna nemmnu ‘l min jiġi jgħidilna; ‘’Kos, arah hawn , jew arah hemm.’’ – tgħallimt spejjeż tiegħi; imma ħalli, bosta jservi biex aktar niftaħ għajnejja, u ma narġax għall-għama li kont fih. La titkellimx (igħidli xi ħadd). Kun fommok sieket, ara turih lil xi ħadd dak li għidtlek! Frattant jien inħit ħalqi, għalija kollox midfun, imbagħad hu jitlaq ilsienu, jibda jxandar ma’ kullimkien dak li kien qalli ma nurix; iqarraq bih u bija, u jħallini.
Minn bnedmin bħal dawn minn kliem bħal dan eħlisni, Mulejja, tini grazzja li ma niltaqax magħhom, li ma jiġrili qatt hekk lili wkoll. Tini grazzja li lsieni ma jgħidx ħlief is-sewwa, li ma jaqbilx il-kliem: il-kliem b’żewġt uċuh biegħdu minni. Jien imbagħad, li ma rridx insib ruħi fih, għandi nħares ruħi minnu b’għajnejja miftuħa.
5. Kemm kont ingħix bil-kwiet, kemm kien ikun aħjar għalija, li fuq in-nies ma nitħadditx; li ma mmurx ngħidha lil min insib quddiemi, li ma niftaħx qalbi ma’ kulħadd, li dejjem inqis li int taqrali qalbi, li ma nbiddilx fehemti ma’ kull kliem li nisma’, u li nixtieq li fija jsir dejjem kif int trid, sew minn ġewwa u sew minn barra!
Sabiex il-grazzja tas-sema tibqa’ tgħammar fina, jaħtieġ li aħna ma nifittxux nuru ruħna u niskansaw minn kull ħaġa li biha nistgħu nagħtu wisq fil-għajnejn, u fil-ħin inħabirku b’ħilitna kollha għal dawk il-ħwejjeġ li jistgħu ibiddlulna ħajjitna u jnisslu fina d-devozzjoni.
Kemm deni kien għal bosta nies, li t-tjieba tagħhom ġiet magħrufa u mfaħħra qabel il-waqt. U kemm swielhom lil oħrajn li żammew il-grazzja u t-tjieba tagħhom moħbija f’din il-ħajja ta’ tfixkil, li tinsieh tentazzjoni u gwerra mill-bidu sal-aħħar tagħha!
KAP XLVI
Meta iqumu għalina l-ilsna l-ħżiena, għandha t-tama tagħna tkun f’Alla
ĠESU KRISTU
1. Ibni, kun qawwi u itma fija; x’inhu l-kliem ħlief kliem? Itir mar-riħ, imma lill-ġebel xejn ma jagħmilllu. Jekk għandek id-dnub, arak if tagħmel fittex biddel ħajtek; imma jekk ma tafx li għandek ebda ħtija, ftakar, ftakar li l-kliem tan-nies għandek tissaportih bil-qalb it-tajba għall-imħabba t’Alla.
Ħaġa żgħira li tieħu paċenzja bil-kliem, la darba ma għandekx ħila toqgħod għas-swat. U għaliex ħwejjeġ hekk żgħar jagħmlu tant bik, ħlief għax għadek marbut mad-dinja, u għax timla rasek aktar milli jmissek billi jgħidu l-bnedmin? Int taraha bi kbira u ma tridx tkun miżmum ħażin man-nies, u għalhekk ma tħobbx min iwiddbek min-nuqqas tiegħek u tfittex dejjem tistkenn wara sebgħek.
2. Imma agħti daqqa ta’ għajn sewwa lejk innifsek, u għandek issib li għadha ħajja fik id-dinja u l-imħabba belha li togħġob lin-nies. La darba għadek taraha bi kbira meta jsemmulek fuq in-nuqqas tiegħek, jiġifieri m’intix tabilħaqq umli, u li ma mittx sewwa għad-dinja; li d-dinja għadek miġbud lejha. Imma isma’ l-kliem tiegħi; imbagħad ma jkunx jimpurtak minn għaxart elef diskors tan-nies. Arax infatti; b’kemm-il lsien in-nies taqla’ fuqek, x’deni jista’ jagħmillek, jekk terħilu jgħaddi mar-riħ, u ma tqisux? Jista’ b’daqshekk jaqlagħlek xagħra waħda minn rasek?
3. Min ma jżommx qalbu miġbura ġewwa fih, u ma jżommx ‘l Alla quddiem għajnejh, b’kelma li jgħidu fuqu n-nies, jintilef. Iżda min jitma fija, u ma jixtieqx li jgħix skond il-fehma ta moħħu, ma jħabbattx rasu fuq li jgħidu n-nies. Għax jien hu li nagħraf u nagħmel ħaqq ta’ kulma hu moħbi; jien naf kif saret it-tali ħaġa; jien naf min hu dak li għajar u min hu l-imgħajar. Minn fommi ħarġet dik il-kelma, għax bis-sensja tiegħi ħarġet dik il-ħaġa; ħalli jiġu magħrufa l-ħsibijiet ta’ bosta qlub. Jien għad nagħmel ħaqq mill-ħati u minn min m’hux; imma qabel xejn nagħmel
dan, jogħġobni nġarrab lill-wieħed u lill-ieħor.
4. Ix-xhieda tal-bnedmin bosta drabi tqarraq; il-ħaqq tiegħi hu minnu, u jibqa’ dejjem li hu, bla xejn ma jista’ jbiddlu. Minn xi drabi ma jiġix magħruf, jew f’xi ħwejjeġ jagħarfuh x’uħud biss; imma qatt ma jiżbalja u anqas jista’ jiżbalja, avolja f’għajnejn il-boloh ma jidhrilhomx li sewwa. Mela, kulmeta d-dinja taħseb ħażin fuqek, fittex lili, u xejn la toqgħod għal li jgħidlek moħħok. – Min hu tajjeb xejn le ma jitħawwad, meta Alla jħalli li tiġrilu xi ħaġa: u jekk fuqu jingħad xi kliem b’ieħor, ma tantx jeħodha bi kbira. Imma mbagħad anqas għandu għax jifrah żejjed jekk in-nies iżżomm miegħu. Iġib quddiem għajnejh li jien naf x’hemm fil-moħħ; u li jien ma niqafx f’dak li jaraw in-nies. Għaliex tarax; ħaġa li fil-fehema tan-nies hi ta’ min ifaħħarha, bosta drabi għajnejja jsibu fiha xi ħtija.
IR-RUĦ
5. Sinjur Alla, imħallef tas-sewwa, kollok qawwa u sabar, li taf il-bniedem kemm hu ta’ ħila ċkejkna, u kemm hu miġbud għall-ħażen; kun int il-qawwa tiegħi u t-tama tiegħi f’kollox; għaliex mingħalija xejn ma ninqala’! Int taf dak li ma nafx jien; u għalhekk, kulmeta jħammruli wiċċi jmissni mniżżel rasi u ruħi u nieħu kollox bil-paċenzja. Aħfirli, Sinjur kollok ħniena, ta’ kemm-il darba ma ġibtx ruħi hekk; u darb’oħra tini l-grazzja li nirbaħ lili nnifsi. Aktar tiswieli, biex naqla’ l-maħfra, il-ħniena kbira tiegħek, mit-tjieba kollha li naħseb li għandi, biex ingħatti u naħbi lili nnifsi ingħid li jien safi: għax li ma kinitx il-ħniena tiegħek, ebda bniedem ma jista’ jgħaddiha ħafif quddiem il-għajnejn tiegħek.
KAP XLVII
Biex naqilgħu l-ħajja l-ħajja ta’ dejjem jaħtiġilna nerfgħu s-salib
ĠESU KRISTU
1. Ibni, ma għandhomx igħajjuk it-tbatijiet kollha li sofrejt għalija, u anqas jaqtgħulek qalbek id-dwejjaq; ftakar fil-kelma li tajtek li għandha twettqek u tagħtik is-sabar f’kulma ssib ruħek fih. Jiena għandi biżżejjed mnejn inħallsek u wisq aktar minn kemm ħaqqek.
Inti mhux għal dejjem, le, għandek tibqa’ imħabbat u mnikket. Ħu paċenzja ftit ieħor, u tara kif malajr jispiċċa l-hemm tiegħek kollu. Għad tiġi siegħa li jispiċċaw għalik it-taħbit u t-tbatija. Dak kollu hu ħaġa ta’ xejn.
2. Agħmel dak li għandek tagħmel, aħdem ta’ fidil fil-qasam tiegħi; jien inkun il-ħlas tiegħek. Ikteb, aqra, kanta, olfoq, oqgħod sieket, itlob, issaporti bil-qawwa l-għawġ kollu; il-ħajja eterna hi ta; min jikkumbatti għaliha b’kull mod u kontra l-aqwa egħdewwa.
Ġurnata, li Alla jaf meta hi, għad
tiġik il-paċi; u dik il-ġurnata ma jkunx fiha nhar u lejl kif issa, imma jkun dawl għal dejjem, dija bla tarf, paċi ta’ dejjem, u mistrieħ li ma jistax jintilef. Hemm ma tibqax tgħid: ‘’Min jeħlisni minn dal-ġisem li l-mewt għandha l-jedd fuqu?’’ U anqas tibqa’ titniehed: ‘’Eh, jaħasra kemm sa jitwal dat-turufnament tiegħi?’’ Il-mewt tinqered fl-abbissi, u għat-tajjeb ikun hemm thennija għala dejjem xorta waħda, bla ebda niket, bla taqtiq ta’ qalb, u tgawdija bla mrar, bi ħbiberija l-aktar ħelwa u sabiħa mal-Qaddisin.
3. Eh, li kont tista’ tara l-kuruni eterni li għandhom il-Qaddisin fis-sema; u li kont biss tista’ taf f’liema glorja jinsabu dawk li fid-dinja ma kellhomx ħlief żeblih, li kemm kemm in-nies kienu jriduhom ma’ dwarhom. Kieku minnufih tumilja ruħek sal-art, u aktar tagħżel lit kun ilsir ta’ kulħadd, milli tkun tikkmanda fuq wieħed biss. Kieku ma tixtieqx li tgħaddi ħajtek fit-tgawdija; anzi li tarak tbati f’ġieh Alla; u ma tarax ġid akbar milli tkun miżmum bħala xejn mill-bnedmin.
4. Ah, li kont tilħaq tifhem dan kollu: li kien jidħollok sewwa ġo qalbek! Kont kieku tilmenta mqar darba biss? U għall-ħajja eterna mhux kull tbatija għandu wieħed isofri? Jaqaw hi ħaġa żgħira li wieħed jitlef jew jirbaħ is-saltna t’Alla? Arfa’ mela għajnejk lejn is-sema. Hemm issib lili, u miegħi l-qaddisin kollha tiegħi. Ħajjithom ma kinetx ħlief battalja waħda l-aktar kiefra; imma issa huma qegħdin igawdu kull xorta ta’ thennija, u qegħdin fil-mistrieħ tas-saltna ta’ Missieri.
KAP XLVIII
Fuq il-jum ta’ dejjem u n-niket ta’ dil-ħajja
IR-RUĦ
1. O hena ta’ min igħammar fil-Belt tas-smewwiet! O jum ta’ Eternita, kollok dija! Int ebda lejl ma jdallmek, imma l-Verita eterna dejjem tiddi fuqek; jum dejjem ħieni, jum li xejn ma jista’ jtellfek, u li qatt ma jitbiddel.
Oh, li kien fl-aħħar jiddi dan il-jum, u li kienu jispiċċaw għalijal-ħwejjeġ kollha ta’ did-dinja! Dal-jum jiddi b’dija li qatt ma tehda fuq il-Qaddisin; imma aħna li għadna fuq din l-art, ma nilmħuħx ħlief mill-bgħid; u bħalikieku minn bejn żġieġa.
2. L-anġli u l-Qaddisin jafu jgħidu x’hena fih dak il-jum, u wlied Eva jibku u jolfqu l-imrar ta’ dil-ħajja. Il-ġranet ta’ dil-ħajja huma qsar, mimlijin b’kull gwaj, għali u mizerji; u fihom id-dnubiet ikasbru ruħ il-bniedem, il-passjonijiet idejquh, il-biża’ jħabbtu, il-ħsibijiet jgħajjulu moħħu, il-kurżita xxiegħlu, il-frugħa tgħabbih, id-dlam jagħmih, it-taħbit ikissru, it-tentazjonijiet igħajjuh, it-tpaxxija tħallih bla ħila ta’ xejn, u l-faqar igħakksu.
3. Meta, meta jispiċċaw dal-gwajjijiet kollha? Meta neħles mill-jasar ikreh tad-dnub? Meta, Sinjur, inkun nista’ ma naħsibx ħlief fik? Meta nista’ nithenna bik sewwa? Meta inkun maħlul għal kollox u bla xkiel ta’ xejn f’ruħi u ġismi? Meta nista’ ngawdi l-paċi soda, bla taħwid u bla biża’, paċi minn ġewwa u minn barra, paċi sħiħa minn kullimkien?
O Ġesu kollok tjieba, meta jkunu jistgħu għajnejja jithennew bik għal dejjem? Meta nista’ nitgħaxxaq bis-sebh tas-saltna tiegħek? Meta f’kull ħaġa inti tkun għalija kollox? Meta nkun miegħek fis-saltna tiegħek li inti ħejjejt għall-maħbubin, tiegħek sa minn dejjem? Inħossni fqir u turufnat f’art l-egħdewwa, u fiha ma nsibx ħlief gwerer kuljum u deni bla tarf.
4. F’dan wied id-dmugħ ibgħatli int xi ħlewwa, dewwili n-niket tiegħi; ma nixtieqx ħlief lilek, ma nitnehidx ħlief għalik. Dak kollu li d-dinja ġġib quddiemi biex thennini, ma nsibux ħlief toqol. Nixtieq bi ħrara kbira li nħaddnek miegħI; imma nara li ma nistax nilħqek. Kieku rrid nirtabat biss mal-ħwejjeġ tas-sema; imma jerġgħu jiġbduni ‘l isfel il-ħwejjeġ tad-dinja u l-passjonijiet ilħaħ. Ruħi trid kieku ttir ‘il fuq mid-dinja; imma ġismi jarġa’ kontra qalbi, jassarni għal kollox. U hekk, imħabbat dejjem, jaħtieġli neħodha miegħi nnifsi; sirt niddejjaq minni nnifsi, għax ruħi ttellagħni ‘l fuq u ġismi jniżżilni ‘l isfel bit-toqol tiegħu.
5. Oh kemm inbati u x’nara, meta fit-talb tiegħi nkun naħseb fi ħwejjeġ tas-sema, u l-ħsibijiet tad-dinja jiġu qatta quddiem moħħi? Imma int, o Alla tiegħi, la titbegħidx minni, u la titwarrabx mis-serv tiegħek fil-qilla tiegħek; ibgħat il-leħħa tad-dija tiegħek, u keċċi dawn il-ħsibijiet kollha qarrieqa; waddab il-vleġeġ u jgħibu ix-xbihat kollha li jġibli quddiemi l-għadu tiegħi. Iġborli fik is-sensi tiegħi kollha; tini grazzja li ninsa d-dinja, u li bla reqqa ta’ qalb nixħet wara spallejja anzi taħt riġlejja t-tifkira tal-ħwejjeġ ta’ l-art.
Għinni int, o Verita eterna,sabiex ebda frugħa ma tagħmel bija. Kun miegħi, o ħlewwa tas-smewwiet, u ħarrab minn quddiemek kull ħaġa li m’hix safja. Aħfirli, u jkollok ħniena minni, ta’ kemm-il darba fit-talb tiegħi ħsibt fi ħwejjeġ oħra li m’humiex int. Iva, nistqarr minn qalbi, li moħħi hu dejjem imxerred ‘l hawn u ‘l hemm. Infatti bosta drabi, m’jiniex fejn ninsab b’ġismi, aktarx inkun fejn inħalli jeħduni l-ħsibijiet tiegħi. Fejn ikun moħħi ninsab jien; u moħħi jkun fejn tkun il-ħaġa li nħobb. Ħaġa li togħġobni minnha nfisha, jew inkun imdorri biha, f’dik l-ewwel ma jmur moħħi.
6. U dan u li lilek, o Verita eterna, ġagħlek tgħid biċ-ċar:’’Fejn ikun it-teżor tiegħek, hemm ukoll tkun qalbek.’’ Jekk jiena nħobb is-sema, jekk inħobb id-dinja, nithenna bil-pjaċiri tad-dinja, u nistmerr l-imrar tagħha. Jekk inħobb il-ġisem, ma nġibx quddiem għajnejja ħlief il-pjaċiri tal-ġisem; jekk inħobb lil ruħi, il-pjaċir li naħseb biss fil-ħwejjeġ tar-ruħ; għax jien inħobb nitħaddet u nisma; ‘l min jitħaddet fuq dawk il-ħwejjeġ li magħhom qalbi tkun marbuta; u ħsibijiet bħal dawn dejjem moħħi mimli bihom.
Imbierek imma hu dak il-bniedem li minħabba fik, o Sinjur, jitlaq il-ħwejjeġ kollha maħluqa, li dejjem iċaħħad lilu nnifsu u għall-imħabba tiegħek igħakkes il-ġibdiet il-ħżiena tal-ġisem, sabiex b’ruħ safja t-talb tiegħu jitla’ kollu ħeġġa sa quddiemek; u hekk, wara li jkun ħeles minn barra u minn ġewwa mill-ħwejjeġ kollha ta’ din l-art, għad jistħoqqlu li jidħol mal-kori ta’ l-anġli iegħek ifaħħrek għal dejjem.
KAP XLIX
Fuq ix-xewqa tal-ħajja eterna, u fuq il-glorja li hi mwiegħda lil min iħabrek għaliha
ĠESU KRISTU
1. Ibni, meta tħoss li niżlet fik mill-għoli tas-sema x-xewqa tat-tgawdija eterna, u tixtieq li ruħek toħroġ minn dal-ġisem tat-trab, ħalli tista’ titgħaxxaq bid-dija tiegħi mingħajr dell u anqas tibdil, wassa’ aktar qalbek, u bix-xewqat tiegħek kollha ilqa’ dan ir-raġġ imqaddes.Irringrazzjah b’kemm ittik qabek lill-Ġid bla tarf, li għoġbu jagħtik dil-grazzja, iżurek b’tant imħabba, jixgħellek qalbek b’tant ħrara, iwieżnek b’tant qawwa kbira, ħalli t-toqol tiegħek ma jkarkrekx lejn l-art. U la tmurx b’rasek li dan ġralek minn jeddek jew bil-ħidma ta’ moħħok, imma għax hekk għoġob lill-ħniena tiegħi, u għax jien ħaristek ħalli int tkattar fil-virtu u fl-umilta, biex tħejji ruħek għall-kumbatt li ġej, ħalli bil-wetqa kollha ta’ qalbek tirtabat miegħi, u tfittex li sservini bi ħrara l-aktar mixgħula.
2. Ibni, iva, bosta drabi n-nar iħeġġeġ; imma l-vampa ma tlebibx ‘il fuq mingħajr duħħan. Hekk ukoll ix-xewqat ta’ x’uħud huma mħeġġa għall-ħwejjeġ tas-sema u frattant it-tentazzjonijiet tal-ġisem ma jħalluhomx kwieti għal kollox: għalhekk mhux kulma jitolbu b’xewqa kbira, jagħmluh biss għall-glorja t’Alla. Hekk huma spiss ix-xewqat tiegħek, li għalik kienu tant insistenti; għax ħaġa li fiha tindaħal l-imħabba tiegħek innifsek ma tistax tkun bla tebgħa u tajba minn kollox.
3. Itlob mhux dak li jagħti gost lilek u ma jkiddekx, imma dak li jista’
jogħġob lili u jagħtini ġieh, għax jekk tara sewwa l-ħwejjeġ, ir-raj tiegħek u dak kollu li tista’ tixtieq, għandek iġġennbu biex timxi kif nikkmanda jien.
Ix-xewqat tiegħek għarafthom jien, u l-ilfiq tiegħek ta’ sikwit smajtu. Li kien mingħalik kieku ġa tinsab fil-glorja ta’ wlied Alla; kieku ġa qiegħed tgawdi l-agħmara eterna, il-ġmiel tal-ġenna mimlija b’kull thennina; imma għadha ma wasletx din is-siegħa, għadu għalik żmien ieħor, żmien ta’ gwerra, tat-tbatija u t-tiġrib. Iżjed: inti tixtieq li tkun mimli bil-ġid fuq kull ġid ieħor. Imma dan ma jistax ikunlek f’did-dinja. ‘’ Jien hu dan il-ġid – igħid Alla – stennieni sa ma tiġi s-saltna tiegħi.’’
4. Hemm bżonn li inti tkun imġarrab iżjed fuq din l-art; bżonn li titgħarbel iżjed. Tiġik kultant xi ħajta dawl tal-hena; imma qatt ma jkun li inti tgawdi hena sa barra. Twettaq, mela, u kun qawwi ħalli tista’ tagħmel u ssofri dak li lilek, bħala bniedem, ma jistax jogħġob. Jaħtieġlek issir il-bniedem ġdid, titbiddel fi bniedem ieħor, jaħtieġlek ta’ sikwit tagħmel li ma tridx, u ma tagħmilx li jogħġbok. Dak li jridu l-oħrajn, taraħ iseħħ, u dak lit rid int, ma jgħaddix ‘l quddiem. Il-kliem ta’ l-oħrajn jiġi mismugħ, u meta tgħid ħaġa int, bħalikieku ma għidt xejn. L-oħrajn jitolbu u jaqilgħu, inti titlob u ma taqlax.
5. L-oħrajn jissemmew ma’ kullimkien; u int anqas biss ħadd ma jsemmi ismek. Issa jqabbduhom jagħmlu ħaġa u issa oħra u inti titħalla fil-ġenb bħalikieku m’int tajjeb għal xejn. Dana għandu bilfors iweġġagħlek qalbek, u tkun ħaġa kbira jekk ma tgemgimx. Min hu serv t’Alla fi ħwejjeġ bħal dawn juri hux tassew fidil lejh: jiċħad lilu nnifsu u jmur kontra x-xewqat tal-volonta tiegħu.
Jekk hemm ħaġa li fiha għandek tmut għalik innifsek, tafx liema hi? Meta jkollok tara u ssofri ħwejjeġ li ma taħmilhomx; l-aktar imma meta jġagħluk tagħmel ħwejjeġ li jidhirlek li m’hemmx għalfejn, jew ta’ xi ksir ir-ras. U hemm ħaġ‘oħra. Inti billi qiegħed taħt il-kmand ta’ ħaddieħor, jaħtieġlek toqgħod għalih, għalkemm tiġik tqila li trid timxi għall-qalb ta’ ħaddieħor, u r-raj tiegħu ma tqisu xejn.
6. Ġib imma quddiem għajnejk, ibni, li dit-tbatija ma ddumx ma tispiċċa, u li l-ħlas tagħha jkun bla tarf. Jekk taħseb f’dan, xejn ma tħoss tqil, anzi l-paċenzja tiegħek titwettaq. Għal ħaġa ċkejkna li f’din il-ħajja tiċħad lilek innifsek, li ma tgħaddix tiegħek, fis-sema ssib kulma trid u kulma tista’ tixtieq qalbek u hemm ikollok kull xorta ta’ ġid, bla biża’ li qatt tista; titilfu; hemm il-volonta tiegħek tkun ħaġa waħda ma’ tiegħi b’mod illi ma tkun ma tkun tixtieq ebda ħaġa barra minni, jew għalik waħdek: u la ħadd ikun imerik u anqas igemgem minnek; u la ħadd iżommok, u anqas ħadd ma jfixklek; imma kulma tixtieq, ikunlek, u hekk qalbek tkun dejjem kuntenta, bla xejn ma jkun jonqosha.
Fil-ġenna nħallsek bil-glorja għaż-żeblih lit kun rajt; id-dwejjaq nibdilhomlok f’ferħ, u l-akbar post fis-saltna ta’ dejjem. Hemm tara kemm tkun swietlek l-obbidjenza; hemm, għall-paċenzja li tkun għext umli lejn min hu fuqek, inti jkollok kuruna tal-glorja.
7. Baxxi mela rasek bl-umilta kollha taħt l-idejn ta’ kulħadd, u xejn tfittex min hu li jkun ikkmandak. Imma l-aktar qis li tieħu paċenzja u tagħmel b’qalbek kollha kulma jitolbuk u kulma juruk li jridu minnek; tfittixx jekk ikun akbar minnek, iċken minnek jew bħalek. Ħalli dan ifittex ħaġa u dak oħra; ħalli t-tali jkun imfaħħar elf għal elf darba; inti għandek tifraħ, mhux b’din anqas b’dik il-ħaġa, imma billi tara lilek innifsek imżeblaħ, billi tagħmel il-volonta tiegħi u tagħtini ġieh. Int dan għandek tixtieq, li sewwa fil-ħajja jew wara mewtek, dejjem tagħti ġieh ‘l Alla.
KAP L
F’kull hemm li jinsab fih il-bniedem, għandu jerħi ruħu f’idejn Alla
IR-RUĦ
1. Sinjur Alla, Missier imqaddes, tkun imbierek issa u għal dejjem; għaliex kif trid int isir, u kulma tagħmel int hu kollu tajjeb. Fik għandu jifraħ is-serv tiegħek, mhux fih innifsu, anqas f’ebda ħaġa oħra; għaliex int waħdek int il-veru ferħ, int it-tama u l-kuruna tiegħi, int il-hena u l-ġieħ tiegħi, Mulejja. Kulma għandu s-serv tiegħek, mhux minn għandek ġiebu, għalkemm ma kienx ħaqqu? Kulma tajtni u kulma għamilt miegħi, hu kollu tiegħek. Jiena fqir u mrobbi fit-tbatija minn żgħużiti, u bosta drabi ruħi tant tiddejjjaq li tibki biki tad-dmugħ, u drabi oħra, titħawwad u tibża’, minħabba fil-passjonijiet li jkunu sejrin jagħilbuha.
2. Jiena nixtieq il-hena tal-paċi, u nitolbok il-paċi ta’ l-ulied tiegħek, li inti tpaxxihom, bid-dawl tal-ħlewwa tiegħek. Jekk tagħtini l-paċi, jekk int tnissel fiha l-hena mqaddes, ir-ruħ tas-serv tiegħek timtela b’kant tal-ħlewwa, tfaħħar l-isem tiegħek b’imħabba mixgħula . Imma jekk int tħallini, bħalma tilħaq tagħmel bosta drabi, ma tkunx tista’ din ruħi timxi fit-triq tal-kmandamenti tiegħek. Imma b’dan kollu, aktar inħabbat fuq sidri u noqgħodlok għarkubbtejja quddiemek, għax ma għadnix bħalma dari, meta d-dawl tiegħek kien jiddi fuqi, u taħt id-dell tal-ġwienaħ tiegħek kont inħossni meħlus mit-tentazzjonijiet li kienu jaħbtu għalija.
3. Missier kollok sewwa u ta’ min ifaħħrek għal dejjem, waslet is-siegħa li s-serv tiegħek ikun imġarrab. Missier li tmissek kull imħabba, hi ħaġa xieraq li s-serv tiegħek isofri xi tbatija f’din is-siegħa. Missier li ħaqqek qima għal dejjem, waslet fuqi dik is-siegħa minnek magħrufa sa minn dejjem, li fiha s-serv tiegħek jinkedd għal ftit żmien minn barra f’ġismu, ħalli mbagħad igħix miegħek għal dejjem minn ġewwa fil-qalb tiegħu. Ħalli għal ftit ikun imżeblaħ, imrażżan u xejn meqjus mill-bnedmin; ħalli, iva, il-passjonijiet u l-mard iħabbtuh; basta ma’ sebħ id-dawl il-ġid ikun miegħek, u jithenna fid-dija tas-smewwiet. Missier tal-qdusija, inti hekk ikkmandajt u hekk ridt, u kif għidt int hekk għadda mingħalija.
4. Din ħI l-grazzja li jkollu min hu ħabib miegħek – li jbati u kun imħabbat minħabba fik, u kemm-il darba u minn kemm-il bniedem jidhirlek int. Xejn ma jsir fid-dinja mingħajr il-għaqal u l-għerf tiegħek li kollox imexxi. Ġid kien għalija, Sinjur, li umiljajtni; ħallini nitgħallem nagħraf is-sewwa tiegħek, u nkeċċi minn qalbi l-kburija u r-riħ żejjed. Swieli li bil-mistħija ħammartli wiċċi, ħalli meta jkolli bżonn x’isabbarni, lilek infittex u mhux lill-bnedmin. U tgħallimt ukoll ħaġa oħra minn dan kollu – li nibża’ mill-ġudizzji tiegħek li ebda ħadd ma jista’ jagħrafhom. Nara infatti li inti tgħakkes ħin wieħed it-tajjeb u l-ħażin, imma kollox bis-sewwa u bil-ħaqq.
5. Niżżikħajr li ma ħfirtix il-kastigi li kien ħaqqni, imma niżżilt idek fuqi u bl-imrar kollu sqejtni duluri u bgħattli niket niket minn barra u minn ġewwa. Minn kull ma hemm fis-sema u fl-art, ebda ħaġa ma tista’ ddewwili din qalbi, ħlief int biss. Mulejja, Alla tiegħI; tabib ta’ l-erwieħ, li twaġġa’ u ddewwi, tniżżel sal-qiegh u tarġa’ ttalla’ fil-wiċċ. It-tagħlim tiegħek għandu jiftaħli għajnejja, u s-swat tiegħek igħallimni.
6. Missier maħbub tiegħi, f’idejk ninsab jien: inbaxxi għonqi taħt l-ħatar tal-kastig tiegħek, ħalli niftaħ għajnejja. Niżżel daqqiet tiegħek fuq dahri u fuq għonqi, ħalli t-tagħwiġ u l-ebusija tiegħi inġibhom għal rajk. Agmilni dixxiplu tiegħek tajjeb u umli kif int għandek ħila tagħmel lili u ‘l ħaddieħor, ħalli f’kollox nimxi għal qalbek. Nerħi ruħi u kulma fija f’idejk, ħalli ġġibni fit-triq tas-sema, għax aħjar inkun ikkastigat hawn, milli fid-dinja l-oħra. Inti taf kollox ħaġa b’ħaġa, u f’ruħ il-bniedem xejn ma hemm moħbi għalik. Int taf, x’inhu dak li jiswieli għall-ġid tiegħi, u kemm iservu s-slaleb biex jitneħħa s-sadid tad-drawwiet ħżiena. Tini grazzja li jsir minni dak li jogħġob lilek, u la tħarisx b’għajnejn tal-qilla lejn il-ħajja tiegħi midinba, li ħadd ma jafha tajjeb u bir-reqqa ħliefek.
7. Agħmel, Mulejja, li jien inkun naf dak li għandi nkun naf, li nħobb dak li għandi nħobb, li nfaħħar dak li jogħġob lilek l-aktar; li nżomm ma’ dak li hu għażiż għalik; li nobgħod dak li għajnejk ma jaħmluhx. Tħallinix nifhem il-ħwejjeġ skond kif jaraw għajnejja minn barra, anqas nitħaddet skond ma nisma’ b’widnejja, kif jagħmlu n-nies ta’ bla għaqal: imma tini grazzja li nara kollox kif imissni, jiġifieri nagħżel minn xulxin il-ħwejjeġ tar-ruħ u fuq kollox infittex dak li l-aktar jogħġob lilek.
8. Il-bnedmin bosta drabi jitqarrqu filli jgħidilhom moħħhom; u jitqarrqu wkoll il-bnedmin tad-dinja, li jħobbux ħlief dak li jaraw
b’għajnejhom. Bniedem, li minn bniedem ieħor ikun miżmum bi kbir, b’daqshekk isir aħjar milli jkun? Bit-tifħir ta’ xulxin jiġri li qarrieq iqarraq b’qarrieq ieħor, kburi jqarraq b’ieħor, għama jqarraq b’ieħor, marid iqarraq b’ieħor; u dan it-tifħir barra minn żmienu ma jagħmilx ħlief igħarraq. San Franġisk, fl-umilta tiegħu kien igħid, li bniedem hu kbira daqs kemm jarawh għajnejh u xejn aktar.
KAP LI
Meta ma nistgħux nagħmlu l-ħwejjeġ kbar, għandna nqisu li nagħmlu ż-żgħar
ĠESU KRISTU
1. Ibni, inti ma tistax iżżomm dejjem qalbek mixgħula bix-xewqa tal-virtu, anqas moħħok medhi bil-ħsibijiet tal-ġenna; imma jaħtieġlek kultant, billi int ġej minn għajn imdardra, tinżel niżla ‘l isfel, u tarfa’ t-toqol ta’ dil-ħajja kollha miżerji, avolja kontra qalbek u bi tbatija. Sakemm ruħek tibqa’ marbuta ma’ ġismek, it-toqol u d-dwejjaq ta’ qalb ma jonqsukx. Sakemm ruħek tibqa’ f’ġismek, ikollok spiss tolfoq bit-toqol ta’ ġismek li ma jħallikx tittendi bla ma tehda għall-ħwejjeġ tar-ruħ, u taħseb fi ħwejjeġ t’Alla.
2. Meta jiġrilek hekk, għandek taqbad tagħmel xi opri tal-umilta, tedha b’xi ħidma, u titfarraġ b’xi egħmil tajjeb. Għandek b’tama kbira tistenna li niġi jien fik inżurek u nagħtik il-grazzja tas-sema; tieħu paċenzja bit-turufnament tiegħek u bil-għaja ta’ moħħok, sakemm narġa’ nżurek darb’oħra, u neħilsek mid-dwejjaq tiegħek kollha. Jien inġagħlek tinsa t-tbatija kollha u tgawdi s-serħan tal-qalb. Niftaħlek quddiem għajnejk il-ġmiel ta’ l-Iskrittura mqaddsa, sabiex b’qalbek mixgħula tibda timxi b’ħeffa kbira fit-triq tal-kmandamenti tiegħi. Hemm tibda tgħid:’’Ħaġa wisq żgħira huma t-tbatijiet ta’ dil-ħajja, ħdejn il-hena li hemm lesta għalina, kif Alla għad jurihielna.’’
KAP LII
Ma għandniex indaħħlu f’moħħna li ħaqqna ngawdu l-hena t’Alla imma li jmissna t-tbeżbiż
IR-RUĦ
1. Sinjur,ma ħaqqnix li tagħtini l-konsolazzjoni tiegħek, jew li żżurli qalbi
bil-grazzja tiegħek; u għahekk, meta tħallini fil-faqar tiegħi, sewwa tkun tagħmel miegħi. Kieku stess kont nista’ nxerred dmugħ daqs kemm fih ilma l-baħar, ma jkunx ħaqqni li int ixxerred il-ħlewwa tiegħek fuqi. Le: ma ħaqqnix ħlief li tikkastigani u tbeżbiżni; għaliex inqastek bosta drabi u nqastek bl-ikreh, u f’bosta ħwejjeġ dnibt. Jekk inġib dan kollu quddiem għajnejja, nara li ma ħaqqnix anqas l-iċken waħda mill-konsolazzjonijiet tiegħek.
Imma int, Sinjur tal-ħniena u Kollok ħlewwa, li ma tridx li l-bniedem magħmul mill-idejn tiegħek jintilef; biex turi l-kobor tat-tjieba tiegħek, tiftaħ idejk tal-ħniena, u tagħti l-hena tiegħek lis-serv tiegħek, avolja xejn ma ħaqqu mill-hena li l-ħwejjeġ tad-dinja ma jistgħux jagħtuh. Għaliex il-hena tiegħek ma għandu x’jaqsam xejn mal-hena kollu li jistgħu jagħtu l-bnedmin tad-dinja bi kliemhom.
2. U jien x’ġid hu li għamilt, Sinjur, biex tagħtini l-konsolazzjoni tiegħek tas-sema? Jien ma niftakarx li qatt għamilt ebda ġid: naf iva li dejjem kont miġbud għad-dnub, u ftit li xejn ħabrikt biex inbiddel ħajti. Daqshekk hu u ma nistax niċħad. Jekk ingħid xort’oħra, int tiqafli kontra tiegħi u ma jkolli qatt min jaqbeż għalija.
Jien x’ħaqqni għal dnubieti, ħlief l-infern u nar ta’ dejjem? Nistqarr is-sewwa u ngħid, li ħaqqni nkun imżeblaħ u mkagħbar minn kulħadd u li ma jmissnix inkun magħdud ma’ l-ulied tajba tiegħek. U għalkemm kontra qalbi dan qiegħed nistqarru, aktar jaqbilli nqerr dnubieti, biex aktar nista’ naqla’ l-maħfra tiegħek tal-ħniena.
3. X’naqbad ingħid, ħati kif jienu kollni mistħija? Ma għandix ħila niftaħ fommi u nitkellem, ħlief dil-kelma. ‘’Dnibt, Mulejja, dnibt; ikollok ħniena minni, aħfirli ftit, ħalli nibki dnubieti qabel ma mmur fl-art il-mudlama, miksija bid-dell tal-mewt.’’
X’inhu li int tant tixtieq mill-ħati u mill-imsejkenn midneb, ħlief li hu jindem u jumilja ruħu għad-dnubiet tiegħu? Mill-vera ndiema u min-niket tal-qalb titnissel it-tama tal-maħfra; biha r-ruħ imħawda ssib il-paċi tagħha, tarġa tinqala’ l-grazzja mitlufa, il-bniedem jeħles mill-qilla tad-dinja l-oħra u jiltaqgħu wiċċ ma’ wiċċ, b’bewsa tal-qdusija, Alla u r-ruħ niedma.
4. L-indiema tad-dnubiet imsieħba ma’ l-umilta, o Sinjur, hija sagrifiċċju wisq mogħġub quddiemek; il-fwieħa tagħha hija quddiemek oħla mill-fwieħa ta’ l-inċens. Din kienet dak l-ungwent ħelu, li bid ridt li riġlejk l-imqaddsa jiġu midluka; għaliex int qatt ma dawwart wiċċek minn qalb niedma u umli.
L-indiema hi l-kenn tagħna biex nistkennew minn wiċċ il-qilla tal-għadu. Biha l-bniedem jaqta’ d-drawwiet ħżiena kollha, u jissaffa mit-tkasbir kollu li bih tkasbar.
KAP LIII
Il-grażżja t‘Alla ma tingħatax lil dawk li jħobbu d-dinja
ĠESU KRISTU
1. Ibni, il-grazzja tiegħi hija wisq għażiża; ma taħmilx li titħallat ma’ ħwejjeġ barranin, anqas mal-ferħ tad-dinja. Jaħtieġlek mela teqred minn qalbek dak kollu li jista’ jtelliflek il-grazzja, jekk int trid li hi tgħammar fik. Agħżel xi lok imwarrab, ħobb oqgħod waħdek, u tfittixx il-kliem żejjed ta’ ħadd; imma qis li titlob dejjem niedma u bil-kuxjenza nadifa. Id-dinja kollha kemm hi la tistmaha xejn; u għal dawk li huma ħwejjeġ t’Alla, ħalli l-ħwejjeġ l-oħra kollha. Għax ma jistax ikun li sservi lili, u fl-istess żmien tħobb il-ħwejjeġ li jgħaddu. Hemm bżonn li tingħażel minn ħbiebek u minn niesek, u twarrab minn moħħok ix-xewqat ta’ din id-dinja. Hekk jitlob l-Appostlu San Pietru, li l-insara jgħoddu ruħhom bħala frustieri u bħala nies għas-safar f’did-dinja.
2. 0h, x’tama jkollu waqt il-mewt dak il-bniedem li ebda ħaġa ma tiġbdu bl-imħabba tagħha lejn id-dinja! Imma ruħ marida anqas biss tista’ tifhem li l-qalb tista’ tkun daqshekk miftuma minn kollox, u bniedem mogħti għad-dinja ma jistax jifhem x’jiġifieri li bniedem mogħti għal Alla ma hu lsir ta’ xejn. Hekk immela l-bniedem, jekk irid tabilħaqq li jgħix ħajja tar-ruħ, jaħtieġlu jinsa sewwa dak li hu ma’ ġenbu u sewwa dak li hu bgħid minnu, u ma jibża’ minn ħadd daqs kemm minnu nnifsu. Jekk tilħaq tirbaħ sewwa lilek innifsek il-ħwejjeġ l-oħra kollha ġġibhom għal idejk kif trid. L-aqwa rebħ tafx liema hu? Ta’ meta tirbaħ lilek innifsek. Min għandu ħila jrażżan lilu nnifsu b’mod illi l-ġisem jobdi lir-ruħ u r-ruħ f’kull ħaġa tobdi lili, dan ikun tabilħaqq rebbieh tiegħu nnifsu u sid tad-dinja.
3. Jekk trid tasal f’dal-għoli, int jaħtieġlek tkun raġel mill-ewwel, tagħti daqqa ta’ mannara fuq il-għerq, ħalli taħsad u teqred kemm-il ġibda mgħawġa ta’ din l-art. Minn dal-mard, li l-bniedem iħobb lilu nnifsu b’imħabba ta’ bla qies, ġejjin dawk il-vizzji kollha, li jaħtieġlu jeqridhom mill-għerq; u jekk jirnexxilu li lil dil-passjoni jirbaħha u jġibha għal idejh, ma joqsuh qatt paċi u thennija bla tarf.
Billi ftit huma dawk li jħabirku li
jmutu għalihom u jrażżnu l-ġibdiet imgħawġa tagħhom, il-biċċa l-kbira mill-bnedmin jibqgħu dejjem fid-dlam tal-qalb u ma jistgħux jerfgħu r-ruħ tagħhom lejn il-ħwejjeġ t’Alla. Imma min jixtieq jimxi miegħi, li xejn ma jkun ifixklu, jaħtieġlu jgħakkes il-ġibdiet kollha ħżiena u mgħawġa, u li ma jirtabat ma’ ebda kreatura għaliex tkun għal qalbu.
KAP LIV
X’differenza tgħaddi bejn dak li
jitlob il-ġisem u dak li titlob ir-ruħ
ĠESU KRISTU
1. Ibni, oqgħod ħares tajjeb x’inhu li jitlob il-ġisem u x’inhu li tagħmel il-grazzja tiegħi għaliex għalkemm huma kontra xulxin, wisq trid tibqa’ tħares bir-reqqa biex tagħżilhom: ara kemm, li jekk ma jkunx bniedem tar-ruħ u qalbu mogħnija b’dawl is-sema, ħaddieħor kemm kemm jagħrafhom minn xulxin. It-tajjeb kulħadd jixtiequ għalih, u kulħadd jidhirlu li fi kliemu jew f’egħmilu jinsab xi ġid; u għalhekk bosta wħud jitqarrqu minħabba filli jidhrilhom li din jew dik il-ħaġa hi tajba.
2. In-natura ( jiġifieri l-bniedem bħala bniedem ) hi mogħtija għall-malizzja, tkarkar urajha bosta wħud, iddaħħalhom fl-ingassa, tqarraq bihom u f’kulma tagħmel ma tfittixx ħlief lilha nfisha. Imma l-Grazzja timxi b’qalbha f’idejha, taħrab minnufih sahansitra dell il-ħażen, il-qerq ma tafx bih, u tagħmel kollox għal Alla; dak Alla li fih hi tfittex il-mistrieħ tagħha ta’ dejjem.
3. In-Natura minkejja fiha titrażżan; u la trid min idejjaqha, u la min jirbaħha, u la tkun ilsira ta’ ħadd; u jekk iċċedi, għax bil-fors. U l-Grazzja? Din tfittex kif tgħakkes lilha nfisha; tissielet mal-ġisem; trid li tkun ikkmandata minn ħaddieħor; tixtieq li tkun mirbuħa, bla xejn ma tfittex id-drittijiet tagħna. Tħobb li jkollha min iżommilha l-iġiem; tixtieq mhux biss li ma tkun tikkmanda fuq l-oħrajn, imma li tgħix taħt il-kmand ta’ ħaddieħor, u għall-imħabba t’Alla dejjem lesta li toqgħod għal li jitlob minnha l-anqas bniedem.
4. In-Natura titħabat biss għal fejn jaqbel lilha, u moħħha dejjem jaħdem kif tista’ taqilgħelha xi ġid mill-oħrajn. Imma l-Grazzja tħares mhux lejn dak li jiswa lilha jew jaħjiha, imma lejn dak li jista’ jagħmel ġid lil bosta.
5. In-Natura tħobb l-unuri, u li jagħtuha ġieħ. Iżda l-Grazzja f’kollox tagħti ġieh u sebħ ‘l Alla minn qalbha.
6. In-Natura ma tridx taf b’min iġagħalha tistħi u min iżeblaħha. Imma l-Grazzja tithenna meta għall-isem ta’ Ġesu tbati t-tkasbir.
7. In-Natura tħobb il-għażż u t-tpaxxija tal-ġisem. U l-Grazzja? Il-Grazzja battala ma tafx toqgħod, anzi tmidd għonqha għax-xogħol bil-ferħ.
8. In-Natura tħobb li jkollha xi ħwejjeġ gustużi u sbieħ; u ħwejjeġ ta’ l-oħxon jew ta’ ftit siwi, xejn ma tqishom. Il-Grazzja iżda tħobb ħwejjeġ mill-eħfef u rħas; u lbies qodma u ta’ l-oħxon, li ma tiddejjaqx bihom.
9. In-Natura tħares; il-ħsara lejn il-ħwejjeg ta’ did-dinja; tifraħ bil-qligh; il-ħsara ssewdilha qalbha, u b’kelma ta’ xejn tixgħel. Naraw il-Grazzja. Ħsiebha fil-ħwejjeġ ta’ dejjem; qalbha ma torbotx mal-ħwejjeġ ta’ din l-art; jekk titlef ħaġa, ma tiddejjaqx, u għall-kliem aħrax ma tisbilx, għax it-teżor tagħha u l-hena tagħha tistenna li ssibhom fis-sema, fejn xejn ma jintemm.
10. In-Natura hi rgħiba, aktar tħobb li jagħtuha milli tagħti, u tħobb li jkollha l-ħaġa tagħha li tagħha. Imma l-Grazzja hi qalbha tajba u tixtieq il-ġid lil kulħadd; ħaġa għaliha wħidha, taħrabha; bi ftit tikkuntenta, u aktar tkun ferħana meta tagħti milli meta jagħtuha.
11. In-Natura tiġbed il-bniedem lejn il-kreaturi, lejn il-ġisem, lejn il-frugħa u lejn it-tlablib. Iżda l-Grazzja tiġbdu lejn Alla u lejn il-virtu; għajnejha u qalbha huma magħluqin għall-ħwejjeġ maħluqa; taħrab mid-dinja; tobgħod ix-xewqat tal-ġisem; il-ġiri ‘l hemm u ‘l hawn ma tafx bih, u tistħi tidher quddiem in-nies.
12. In-Natura hi mlebilba tfittex ħaġa li xxegħilha, u li tagħtiha gost fis-sensi tagħha. Imma l-Grazzja tfittex is-sabar tagħha biss f’Alla, u ma tafx titgħaxxaq ħlief f’dak li hu l-aqwa ġid fuq il-ħwejjeġ kollha li jidhru.
13. In-Natura tagħmel kollox għall-flus jew għax jaqbel lilha; għal xejn ma
tagħmel xejn; jekk tagħmel xi ġid lil xi ħadd tagħmlu għax titma li tkun imħallsa b’daqshekk ieħor, jew b’aktar jew bit-tifħir jew b’xi favuri, u jidhrilha li l-ftit li hi tagħmel jew tagħti, għandu jkun miżnun tajjeb. Il-Grazzja iżda, il-ħwejjeġ ta’ din l-art ma jagħmlux biha, u bi ħlas ma titlobx ħaġ‘oħra ħlief Alla; u mill-ġid tad-dinja ma tixtieqx ħlief kemm għandha bżonn biex tilħaq il-ħwejjeġ ta’ dejjem.
14.In-Natura tħobb li jkollha bosta ħbieb u qraba; tintefaħ jekk tkun f’xi post għoli, jew jekk tkun ġejja minn xi nobbli; mal-kbarat issibha kollha zokkor, iżżiegħel bil-għonja, u tfaħħar lil min hu bħalha. U l-Grazzja? Il-Grazzja sal-egħdewwa tħobb; ma tintefaħx billi għandha bosta ħbieb, u fil-bnedmin ma tistmax il-post li jkunu fih, jew ir-razza li minnha jkunu ġejjin., ħlief jekk ma’ dan kollu jkunu mżejnin b’tjieba kbira, issibha miġbuda aktar lejn il-fqir milli lejn il-għani; aktar iżżomm ma’ l-innoċenti milli mas-setgħanin tifraħ b’min jimxi dritt mhux b’min hu qarrieq. Twissi dejjem lit-tajbin li jħabirku biex titkabbar fihom il-Grazzja t’Alla, u li jixxiebhu lill-Iben t’Alla billi huma jgħixu ħajja qaddisa.
15.In-Natura, il-faqar u t-tbatija ma tiflaħx għalihom, malajr titbekka. Il-Grazzja, b’qalb ta’ sur tidħol għall-faqar.
16.In-Natura jidhrilna li kulma jsir, għaliha, għal wiċċha; tikkumbatti u tmieri fejn jindaħal l-unur tagħha. Naraw iżda l-Grazzja. Kif il-ħwejjeġ kollha huma ġejjin mn’Alla, hekk ukoll trid hi l-fehma tagħhom tkun Alla; jekk hi tagħmel xi opra tajba, tgħid li m’hix ġejja minnha, u anqas ma tafda fuq ħilitha; u la tmieri, u anqas trid li kliemha jgħaddi b’liġi; imma sa tagħmel fehma, tqis li dil-fehma tkun imgħoddija u mogħġuba mill-Gherf Etern li hu Alla.
17.In-Natura tixtieq taf il-ħwejjeġ moħbija, u x’għandna mill-ġdid; trid tidher minn barra, u li fis-sensi tagħha ġġarrab bosta ħwejjeġ, tixtieq li tkun magħrufa minn kulħadd, u li tagħmel ħwejjeġ li għalihom tkun imfaħħra, li kulħadd jistagħġeb biha. Imma l-Grazzja ma tfittixx li tisma’ ħwejjeġ ġodda, anqas li tara ħwejjeġ kurjużi, għax dan kollu ġej mill-ħsara ta’ qalb il-bniedem; mill-bqija xejn ma hawn ġdid u ta’ ħajja twila fid-dinja. Fuq hekk il-Grazzja tgħallem lill-bniedem li jżommilhom lis-sensi tiegħu, li għandu jaħrab dawk il-ħwejjeġ kollha, li bihom qalbu tista’ tinfetah u titkabbar, għalkemm m’humiex ħlief frugħa, li jaħbi taħt mant ta’ l-umilta dawk il-ħwejjeġ kollha li huma tabilħaqq ta’ min ifaħħarhom u ta’ min jistagħġeb bihom; li f’kull ħaġa li tgħaddi mingħalih, jew li jitgħallem, ifittex il-ġid ta’ ruħu, u l-glorja u t-tifħir biss t’Alla. Iżjed il-Grazzja u la trid min ifaħħar lilha anqas dak kollu li hu tagħha; imma tixtieq u titlob li għad-doni li bihom tinsab imżejna, jiġi mbierek u mfaħħar Alla, li jqassam id-doni tiegħu lill-bniedem għall imħabba kbira li għandu lejh.
18.U x’inhi dil-Grazzja? Il-Grazzja hi dawl imma dawl tas-smewwiet, hi don l-aktar għażiż t’Alla, hi s-sinjal tal-veri ulied magħżulin, u rahan tas-salvazzjoni eterna; hi qawwa li tarfa’ lill-bniedem minn dan l-art biex isir iħobb il-ħwejjeġ tal-ġenna, u ġġagħlu jinsa li hu tad-demm u l-laħam biex jaħseb biss f’ruħu.
Mela aktar ma ngħakksu u nsallbu fina n-Natura, aktar Alla jxerred fuqna l-Grazzja, u billi hu jibda aktar ta’ sikwit iżur il-qalb tagħna, ġurnata aktar mill-oħra nħossu ruħna tinġibed lejh u aktar aħna nixxiebħu ‘l Alla.
KAP LV
Fuq in-natura mħassra tal-bniedem u fuq il-wetqa tal-grazzja t’Alla
IR-RUĦ
1. Mulejja, Ala tiegħi, li ħlaqtni xbieha tiegħek, tini din il-grazzja, li int urejtni li hi tant kbira u tant taħtieġ għas-salvazzjoni, ħalli nista. Nirbaħ in-natura mħassra tiegħi, li ma tridx ħlief tiġbidni għad-dnubiet u għat –telfien tiegħi. U kif mhux hekk? Jiena nħoss f’ġismi l-ġibda tad-dnub, li tistmerr waħda fil-liġi tar-raġun tiegħi, biex tkarkarni bħal ilsir lejn it-tiġbid tad-dinja. Nara, Mulejja, li jien ma niflaħx neqfilhom il-passjonijiet tal-ġisem, jekk ma tkunx miegħi tgħinni l-grazzja mqaddsa tiegħek, li int tkun xgħeltli bħala nar ġewwa l-qalb tiegħi.
2. Jaħtieġli l-grazzja tiegħek u ma tridx tkun kbira ftit sabiex nirbaħ lili nnifsi, dejjem miġbud għall-ħażen sa minn tfuliti. Billi din-natura tħassret ħtija tal-waqgħa ta’ l-ewwel bniedem Adam, illi dik in-natura (li int kont ħlaqtha tajba u safja), issa tinsab imħassra u marida; għax il-ġibdiet tajba li int żejjintha bihom, twarrbet minnhom biex jaħasra tħoss ruħha miġbuda għall-ħażen u għall-ħwejjeġ ta’ din l-art. U l-ftit tal-qawwa li baqgħelha, qisha bħala daqsxejn ta’ xrara nar moħbija taħt l-irmied. Din ix-xrara hi r-raġuni li għandu l-bniedem, għad li miksija bi dlamijiet kbar, imma li għadha tagħraf il-ġid mid-deni, is-sewwa mill-gideb; għalkemm ma tiflaħx tkompli ma’ dak kollu li tara li hu tajjeb, jew titgħaxxaq b’kollu kemm hu d-dawl tas-sewwa jew anqas tħobb il-ħwejjeġ tar-ruħ bil-wetqa safja ta’ darba.
3. U minn dan ġej, o Alla tiegħi, li jien nitgħaxxaq bil-liġi tiegħek, bħala bniedem li nibża’ għal ruħi; għax naf li l-kmandamenti tiegħek huma tajba sewwa u mqaddsa, u nara li għandi naħrab kull ħażen u kull dnub. Imma f’dak li hu ġisem, jiena nħossni marbut mal-liġi tad-dnub, la darba aktar insibni miġbud lejn il-ġisem milli lejn ir-raġuni. Minn hawn ġej li nħossni rrid nagħmel is-sewwa imma mbagħad insib x’jiġbidni ‘l isfel u ma niflaħx nagħmlu. Minn dan ġej li bosta drabi nagħmel f’moħħi li nbiddel ħajti għall-aħjar, imma billi l-grazzja tiegħek ma tkunx miegħi biex tgħinni, b’ħaġa ta’ xejn li nsib tfixkilni, narġa’ lura u nitlaq kollox. Minn hawn hu ġej ukoll li t-triq tas-sewwa nagħraf liema hi, u nara ċar kif għandi nġib ruħi; imma mbagħad it-toqol tal-mard tiegħi jżommni ‘l isfel u ma jħallinix nogħla ‘l fuq biex nagħmel dak li hu aħjar għal ruħi.
4. O sinjur, kemm taħtieġli l-grazzja tiegħek, biex nibda t-triq it-tajba, biex inkompli fiha, u nispiċċa b’wiċċ il-ġid dak li dħalt għalih!
Mingħajrha jiena xejn ma nista’ nagħmel; imma bik nista’ kollox, megħjun mill-grazzja tiegħek. O grazzja tabilħaqq tas-smewwiet, li mingħajrha u la l-merti tal-bniedem, u la d-doni tan-natura ma jsarrfu xejn! U la s-sengħa ta’ l-idejn u la l-ġid, u la l-ġmiel, u la l-qawwa, u la l-għerf u la l-kliem sabiħ, ma huma magħdudin xejn quddiemek. Sinjur, mingħajr il-Grazzja. Infatti dawn id-doni kollha tan-natura jingħataw xorta waħda lit-tajbin u lill-ħżiena, imma l-veru don tal-maħbubin tiegħek hi l-Grazzja, jiġifieri l-imħabba tiegħek; u dawk li huma mogħnija bil-Grazzja, dawn tkun tistħoqqilhom il-ħajja ta’ dejjem.
Dil-grazzja hi ħaġa tant għolja u sabiħa, li mingħajrha m’huma xejn, u la d-don tal-profezija, u la l-egħmil tal-mirakli, u anqas il-għerf ta’ l-ogħla ħwejjeġ. Anzi hemm iżjed il-fidi stess, it-tama u l-virtujiet l-oħra, m’humiex mogħġuba quddiemek mingħajr l-imħabba u l-grazzja.
5. O Grazzja ta’ l-akbar ħlewwa! Int lil min hu nieqes f’ruħu tagħnih bil-virtu, u min hu għani b’bosta ġid tagħmlu umli f’qalbu. Iddew ejja, inżel fija, imlieni minn fil-għodu bil-hena tiegħek; sabiex ir-ruħ tiegħi, għajjiena b’tant taqbid ma tintelaqx għal kollox u taqa’ f’nofs ta’ triq. Nitolbok, Sinjur, la ċċaħħadnix mill-grazzja tiegħek, biżżejjed għalija l-grazzja tiegħek, imqar imbagħad nibqa’ nieqes minn dak kollu li tixtieq in-Natura. Jekk inkun imġarrab u mħabbat bis-slaleb, na għandix għax noqgħod nibża’ minn ebda hemm, la darba l-grazzja tiegħek tkun miegħi. Hi l-qawwa tiegħi; hi li tagħtini d-dawl u s-saħħa. Hi aqwa mill-egħdewwa kollha, u egħref mill-għorrief kollha.
6. Dil-grazzja tiegħek tgħallem kull sewwa u kull għerf, hi tagħti d-dawl lill-qalb, u s-sabar fil-hemm; tbiegħed is-swied il-qalb, twarrab il-biża’ tnissel id-devozzjoni u tqanqal id-dmugħ ta’ l-indiema. Mingħajrha x’jien, ħlief ħatba niexfa, ma tiswiex ħlief għan-nar? Agħmel mela, Sinjur, illi l-grazzja dejjem tqabbadni t-triq u tibqa’ miexja miegħi; u li żżommni dejjem marbut ma’ l-egħmil it-tajjeb, f’ġieh Ġesu Kristu. Amen.
KAP LVI
Għandna niċħdu lilna nfusna u nixxiebħu lil Kristu fir-rfigh tas-Salib
ĠESU KRISTU
1. Ibni, aktar ma int tinħall minnek innifsek, aktar tista’ tirtabat miegħi. Kif jekk ma tixtieq xejn mill-ħwejjeġ tad-dinja titnissel il-paċi ġewwa qalbek, hekk ukoll, jekk int tinsa u tmaqdar lilek innifsek, qalbek tkun marbuta m’Alla. Irrid li int titgħallem tiċħad lilek innifsek, tagħmel il-volonta tiegħi; imma mhux fuq il-qalb, u minkejja fik. Imxi wrajja; jiena jien it-triq, is-sewwa, u l-ħajja. Mingħajr is-sewwa xejn ma jista’ jkun magħruf; mingħajr ħajja, ma hemmx għajxien. Jiena jien it-triq li magħha għandek timxi; is-sewwa l’int għandek temmen; il-ħajja li għandek tittama fiha. Jiena jien it-triq li ma tistax titbiddel; is-sewwa li ma tista’ qatt titqarraq; jien il-ħajja li ma fihiex tmiem. Jiena t-triq id-dritta; is-sewwa f’kollox, il-ħajja ħienja, il-ħajja bla maħluqa. Jekk iżżomm mat-triq tiegħi, tagħraf is-sewwa u s-sewwa teħilsek mix-xkiel, u tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem.
2. Jekk trid tidħol fil-ħajja, oqgħod għall-kmandamenti; jekk trid tagħraf is-sewwa, emmen fija; jekk trid tkun perfett, bigh kollox; jekk trid tkun tax-xirka tiegħi, iċħad lilek innifsek; jekk trid tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem, tqishiex din il-ħajja; u jekk trid tkun imgħolli fis-smewwiet, għakkes ruħek f’din id-dija; jekk trid issaltan miegħi, arfa’ salibek miegħi; għaliex dawk biss li jerfgħu s-salib isibuha t-triq tal-ħajja u tad-dawl tar-ruħ.
IR-RUĦ
3. Mulejja, Ġesu tiegħi, la darba t-triq tiegħek dejqa u d-dinja tmaqdarha, agħtini grazzja li nixxiebeħ lilek bla ma nfittex il-għajdut tad-dinja. Għax il-qaddej mhux aqwa mis-sid tiegħu, anqas ix-xrik ma hu ogħla mill-imgħallem tiegħu. Oh li kont nista; jien, qaddej tiegħek, naħseb fuq il-ħajja tiegħek! Għaliex fiha tinsab il-fidwa ta’ ruħi u s-sedqa tiegħi. Naqra li naqra, u nisma’ li nisma’, jekk ma jkunx fuq il-ħajja tiegħek u la jferraħli u anqas ihennili ruħi.
ĠESU KRISTU
4. Ibni, la darba qrajt dan kollu u issa tafu, imbierek int jekk tgħix skond dat-tagħlim. Min jisma’ l-kmandament tiegħi u joqgħod għalihom, dan tabilħaqq iħobbni; u jien insir inħobbu, u nurih lili nnifsi kollni kemm jien, u nġagħlu joqgħod ma’ ġenbi f’saltnet Missieri.
IR-RUĦ
5. Mulejja, Ġesu tiegħi, dak li għidtli u wegħidtni, agħmel li jseħħ fija, u li jien inkun jistħoqqli dal-ħlas. Is-salib minn idejk ħadtu; jien nerfgħu, u nerfgħu sal-mewt, kif ridtni int. Iva: il-ħajja ta’ reliġjuż tajjeb hija salib; imma salib li jwasslu fil-ġenna. La darba dħalna f’dit-triq, ma jaħbatx nerġgħu lura u nitilquha.
6. Ejjew, aħwa tiegħi, nimxu flimkien; Ġesu magħna, Għall-imħabba ta’ Ġesu, aħna rfajna dan is-salib, għall-imħabba ta’ Ġesu, nibqgħu nerfgħuh sal-mewt. Hu, li qabbadna t-triq u mexa fiha qabilna, hu jkun il-għajnuna. Arawh dan is-sultan tagħna, miexi quddiemna, hu jislet is-sejf għall-egħdewwa tagħna. Nimxu wrajh b’qalbna kollha, ma għandniex imniex nibżgħu nagħmlu ħilitna kollha u mqar inħallu ħajjitna f’din il-gwerra, imma le nitilfu ġieħna nitwarrbu mis-Salib.
KAP LVII
Il-bniedem ma għandux għax jaraha bi kbira żejjed meta jaqa’ f’xi dnub
ĠESU KRISTU
1. Ibni, lili aktar togħġobni l-paċenżja u l-umilta f’xi tribulazzjoni, milli l-paċi tal-qalb u l-ħrara tad-devozzjoni, meta kollox għal qalbek. Għala tant tiddejjaq, meta wieħed igħid ħaġa ta’ xejn fuqek? Imqar kienet akbar, ma għandekx għaliex timla rasek. Ħalliha tgħaddi ma’ l-oħrajn; u la hi l-ewwel u anqas hi ħaġa ġdida; u anqas tkun l-aħħar, jekk Alla jtik għomor twil. Meta ma għandekx x’iħabbtek, tarax, għandek qalb ta’ sur. Tinqala’ wkoll biex twissi lill-oħrajn u ssabbarhom. Imma meta f’biebek jiġi jħabbat xi salib għal għarrieda, tinsa l-ħila li għamilt lil ħaddieħor. Agħti daqqa ta’ għajn ta’ għajn lilek innifsek u tara kif infxilt għal ħaġa ta’ xejn, u ftakar li dawn il-ħwejjeġ u oħrajn bħalhom, meta jiġrulek, għall-ġid ta’ ruħek jiġrulek.
2. Warrab in-niket minn qalbek mill-aħjar li tista’ u jekk jiġik xi gwaj, xejn la tirtema, anqas la toqgħod tberren fuqhom.
Għall-anqas, jekk ma tħossokx tista’ tifraħ bis-slaleb, ħudhom bis-sabar. Jekk qalbek tuġgħek għax tisma’ li ntqalet xi kelma fuqek, u tħossok se jitlagħlek, trażżan u qis li minn fommok ma toħroġ ebda kelma li minnha jistgħu jieħdu skandlu ż-żgħar. L-għadba malajr tibridlek, u l-imrar ta’ qalbek jitbiddel fi ħlewwa, jekk biss nersaq lejk bil-grazzja tiegħi; ‘’Għadni ħajjien (igħid Alla), dejjem miegħek biex ingħinek u nsabbrek aktar milli dari, jekk inti tibqa’ marbut miegħi u ssejjaħli bil-ħeġġa.’’
3. Qawwi qalbek u lesti ruħek biex tiflaħ għal ħwejjeġ akbar. Mhux kollox għal xejn u mitluf, le, jekk tara ruħek fid-dwejjaq aktar ta’ sikwit, jew imġarrab bl-aħrax. Bniedem int, m’intix xi Alla; tad-demm u l-laħam int, mhux xi Anġlu. Kif jista’ jkun tibqa’ dejjem l-istess għoli ta’ qdusija, jekk l-Anġli stess fis-sema, u l-ewwel bniedem fil-ġenna ta’ l-art, naqsitilhom dil-qawwa. Jiena hu li nħenni l-imnikktin, u nressaq lejja dawk li jistqarru x-xejn tagħhom
IR-RUĦ
4. Mulejja, tkun imbierka l-kelma tiegħek, oħla mill-għasel u mix-xehda tal-għasel għal fommi. X’kont nagħmel f’tant taħbit u f’tant dwejjaq tiegħi, li ma kontx issabbarni int bil-kliem imqaddes tiegħek? X’ikun ġara li nkun rajt tant tbatijiet kbar, jekk fl-aħħar nasal fil-port tas-salvazzjoni tiegħi. Tini grazzja li nispiċċa tajjeb; tini grazzja li noħroġ b’wiċċ il-ġid minn did-dinja. Ftakar fija, Sinjur, mexxini fit-triq it-tajba tas-saltna tiegħek. Amen
KAP LVIII
Ma għandniex inqisu li nidħlu fil-fehmiet moħbija t’Alla
1. Ibni, ma għandekx għalfejn toqgħod tistħarreġ fuq it-triqat moħbija t’Alla; ma għandekx għalfejn trid taf għala dan donnu minsi mn’Alla u dak ġie mgħolli fi grazzja hekk kbira; għala dan ġewħ tant slaleb, u dak ġie msejjaħ għal ħwejjeġ kbar, Il-moħħ tal-bniedem m’hux biżżejjed biex jifhem dawn il-ħwejjeġ u kollu żejjed li wieħed iħabbat moħħu u jitlewwem biex jikxef il-fehma t’Alla. Meta l-għadu tar-ruħ jiġi jsefsiflek ħwejjeġ bħal dawn, jew xi bnedmin jitħaddtu fuq hekk, int weġibhom bi kliem il-Profeta: ‘’Mulejja, inti kollok sewwa, u tal-ħaqq il-fehma tiegħek;’’ jew b’dal-kliem l-ieħor: ‘’Il-fehmiet t’Alla huma minnhom, u mill-ewwel sal-aħħar tas-sewwa.’’ Il-fehmiet tiegħi, iva, ta’ min jibża’ minnhom, u mhux ta’ min joqgħod jitlewwem fuqhom: għaliex moħħ il-bniedem ma jilħaqx magħhom.
2. U ħaġ‘oħra; la toqgħodx tistħarreġ u titlewwem fuq il-kobor tal-Qaddisin, fuq min hu aktar qaddis mill-ieħor, jew min fosthom hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet. Dan it-tilwim hu ħtija aktarx ta’ ħafna ġlied, u jnissel il-kburija u l-frugħa u l-għira, għax wieħed irid iżomm ma’ dan il-Qaddis, u l-ieħor ma’ dak: u kulħadd iridha tgħaddi tiegħu. Billi trid taf u titkixxef dawn il-ħwejjeġ, ebda ġid ma tagħmel; u xejn la taħseb li sejjer togħġob lill-Qaddisin, għax jien m’jiniex Alla tal-ġlied, imma tal-paċi, u dil-paċi aktar tinsab fil-vera umilta, milli filli wieħed jitkabbar bih innifsu.
3. X’uħud, bil-ħrara ta’ l-imħabba aktar huma miġburin lejn dawn jew dawk il-Qaddisin; imma din l-imħabba tkun ġejja mill-bniedem, mhux mn’Alla. Jiena hu li lill-Qaddisin għamilthom qaddisin; jien għanejthom bil-grazzja, jien ħejjejtilhom il-glorja. Jien li għaraft il-merti ta’ kull wieħed minnhom, u jien qabel xejn, waqaft magħhom bil-barka tal-ħlewwa tiegħi. Jien kont naf liema huma l-maħbubin tiegħi minn qabel ma beda ż-żmien; jien ħtarthom mid-dinja, u mhux huma għażlu lili. Jiena ħajjarthom bil-grazzja tiegħi, u ġbidthom lejja bil-ħniena tiegħi; jien wassalthom bis-sliema minn fost it-tiġrib li sabu ruħhom fih. Jien sawwibt f’qalbhom il-hena kbir tiegħi; jien tajthom il-qawwa biex jistgħu ikomplu; u jien ħallast bis-sebħ tas-smewwiet għas-sabar tagħhom.
4. Jien nagħraf liema hu l-ewwel u liema hu l-aħħar fost il-bnedmin ; jien inħaddan miegħi lil kulħadd bi mħabba li ħadd ma jista’ jfissirha. Jien għandi nkun imfaħħar fil-qaddisin kollha tiegħi; jien għandi nkun imbierek fuq kollox, u lili ħaqqni l-gieh f’kemm-il wieħed għoġobni ngħolli f’tant glorja kbira u nagħżlu minn dejjem għal miegħi, mingħajr ma kellu ebda mertu minn tiegħu. Min mela jmaqdar l-iżgħar wieħed fost il-Qaddisin tiegħi, ma jkunx qiegħed b’daqshekk jagħti ġieh lill-kbir fosthom; għax iż-żgħir u l-kbir jien għamilthom. U min iċċekken lil xi Qaddis, ikun iċċekken lili wkoll, u lil dawk kollha li jinsabu fis-saltna tas-smewwiet. Il-Qaddisin huma kollha ħaġa waħda bir-rabta ta’ l-imħabba; kollha fehma waħda, kollha jridu ħaġa waħda, kollha jħobbu lil xulxin f’Alla, li hu ħaġa waħda fihom ukoll.
5. U mbagħad wisq aktar minn hekk: għax huma aktar iħobbu lili milli jħobbu lilhom infushom u l-merti tagħhom. Għaliex bil-għaxqa ta’ mħabba li għandhom lejja, jinsew lilhom infushom, u jħossu ruħhom bħal ħaġa waħda miegħi għall-imħabba li jġibuli, u fija jistrieħu. Ebda ħaġa ma tista’ tbegħidhom minn din l-imħabba jew tberridielhom, għax mimlija kif inhuma bis-sewwa t’Alla jħossu ruħhom dejjem imħeġġin bin-nar ta’ din l-imħabba li ebda xejn ma jista’ jitfih. Ma għandhomx mela għax jitlewmu, le, il-bnedmin tad-dinja u dawk li jħobbu lilom infushom, fuq il-glorja tal-Qaddisin: nies bħal dawn ma jafux iħobbu ħlief it-tpaxxija tagħhom. Inaqqsu skond ma jidhrilhom bil-ġibdiet imgħawġa tagħhom u mhux skond ma jogħġob lis-sewwa t’Alla.
6. Bosta wħud issibhom moħħhom ma jlaħħaqx għal dawn il-ħwejjeġ, l-aktar jekk neqsin mid-dawl tas-sema; u kif tridhom dawn iħobbu bniedem bi mħabba tar-ruħ? Issibhom jagħmlu ħbieb – ħbiberija tad-dinja – issa ma’ dan u issa ma’ dak, skond lejn min tiġbidhom qalbhom; u jaħsbu li kif jingħaqdu bejniethom malajr il-ħbieb tad-dinja, hekk ukoll jistħajluhom għandhom jinħabbu, l-Qaddisin u l-ħwejjeġ tas-sema! Imma x’għandu x’jaqsam dak li jaħsbu n-nies tad-dinja ma’ dak li jifhmu l-bnedmin mogħnijin bid-dawl tas-sema, li Alla bosta ħwejjeġ jurihom.
7. Iftaħ mela għajnejk, ibni; la tħabbatx moħħok biex tagħraf dawk il-ħwejjeġ li ma twassalx għalihom. Ħabrek anzi u ara kif tagħmel li tkun imqar l-inqas wieħed fis-saltna t’Alla. Issa kieku stess wieħed ikun jaf liema Qaddis hu itjeb mill-ieħor, jew liema hu l-akbar fis-saltna tas-Sema, X’ikun jiswielu jekk hu wara li jaf dan kollu ma jiċċekkinx quddiemi, u ma jfaħħarx b’tifħir akbar l-isem tiegħi? Aktar jinġibed lejn Alla min iġib quddiem għajnejh il-kruha ta’ dnubietu, u kemm hu lura fi qdusitu , u kemm bgħid mill-perfezzjoni tal-Qaddisin; minn dak l-ieħor li joqgħod jitlewwem fuq il-kobor jew iċ-ċokon tagħhom. Aħjar titlob lill-Qaddisin bid-devozzjoni u bid-dmugħ, u titlobhom bl-umilta kollha li jieqfu miegħek bil-għajnuna qawwija tagħhom, milli toqgħod tħabbat moħħok fuqhom tara min stħaqqlu wieħed aktar mill-ieħor.
8. Il-Qaddisin għandhom il-milja tal-hena; u li kienu l-bnedmin jifhmuha tajjeb, jaqtgħu il-kliem fieraġh ta’ lsienhom fuqhom. Xejn il-Qaddisin ma jintefħu bil-merti tagħhom; għax anzi jistqarru li, jekk għandhom xi ħaġa tajba, ma hix ġejja minnhom, iżda minni, għax kulma għandhom jien tajthulhom, mill-imħabba tiegħi bla tarf. Il-Qaddisin huma tant mimlijin bl-imħabba t’Alla u bil-hena tas-smewwiet li l-glorja u tgawdija tagħhom huma sħaħ għall-aħħar. Il-Qaddisin kollha aktar ma huma mgħollijin fil-glorja aktar huma umli fihom infushom, u dejjem aktar joqorbu lejja u aktar jinħabbtu miegħi. Għalhekk l-Iskrittura tgħid; ‘’Warrbu l-kuruna tagħhom quddiem Alla, u xteħtu wiċċhom fl-art quddiem il-Ħaruf, u aduraw lil Dak li hu ħaj minn dejjem sa dejjem.’’
9. X’uħud iridu jafu liema hu l-akbar fis-saltna t’Alla, mbagħad ma jafux jekk għadx imisshom li jkunu magħdudin ma’ l-iżgħar. Ta’ min jifraħ, iva, li tkun imqar ma’ l-iċken fil-ġenna, fejn kulħadd ikun kbir, għax kulħadd ikun jissejjaħ, u jkun tabilħaqq, iben t’Alla. Min hu l-iżgħar wieħed fid-dinja jsir jiswa elf fis-sema, u l-midneb ta’ mitt sena jmut. Meta dawk tax-xirka ta’ Ġesu staqsewh min hu l-akbar wieħed fis-saltna tas-smewwiet, kellhom minni din it-tweġiba: ‘’Jekk ma tbiddlux ħajjitkom u ssiru bħala trabi, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet. Mela min jiċċekken bħal dit-tarbija jkun l-akbar fis-saltna tas-smewwiet.’’
10. Ħażin jaħbtu dawk li jitkabbru u ma jridux jiċċekknu bħala trabi; għax il-bieb tas-saltna tas-sema qasir, u ma jidħlux minnu. Ħażin jaħbtu l-għonja li jfittxu t-tgawdija tagħhom fuq din l-art; għax meta l-foqra jidħlu fis-saltna Alla, huma msejknin jibqgħu minn barra jitbekkew. Intom, ja umli, ifiħu, intom ukoll, ja foqra, għax is-saltna t’Alla hija tagħkom; basta għallanqas timxu fit-triq tas-sewwa.
KAP LIX
It-tama tagħna għandha tkun f’Alla biss
IR-RUĦ
1. Mulejja, x’tama hi din tiegħi f’din il-ħajja? Jew inkella x’hena kbir jistgħu jagħtuni kemm ħwejjeġ hemm mis-sema ‘l isfel? Int biss, it-tama u l-hena tiegħi, Mulejja, Alla tiegħi, li l-ħniena tiegħek ma fihiex tarf. Fejn qatt thennejt mingħajrek? Jew meta qatt kelli lilek miegħi u sibt ruħi ħażin? Aħjar inkun fqir għall-imħabba tiegħek, milli għani mingħajrek. Aktar nagħżel li nibqa’ turufnat u miegħek f’dina l-art milli kieku ngħammar fis-sema mingħajrek. Fejn tkun int hemm il-ġenna; u fejn ma tkunx int mewt u infern. Int il-mistrieħ tiegħi; u għalhekk ma nistax ma molfoqx għalik, u ma nsejjaħlekx u ma notolbokx li tieqaf miegħi. Ma nistax nitma sħiħ f’ħadd, li jkun jista’ jgħinni fil-bżonnijiet tiegħi, ħlief biss fik, o Alla tiegħi. Int biss it-tama tiegħi; bik moħħi mistrieħ, int hu li thennili din qalbi; u fost kulħadd lilek sibt fidil miegħi f’kollox.
2. Kulħadd iħabrek għalih innifsu; int ma tfittixx ħlief il-fidwa tiegħi u l-qdusija ta’ ruħi, u tagħmel li kollox jisfagħli b’ġid. Tabilħaqq li ġġarrabtni b’bosta slaleb u dwejjaq; imma dan tagħmlu għall-ġid tiegħi, għax int minn dejjem iġġarrab f’bosta xorti lill-maħbubin tiegħek. U fuq hekk, ħaqqek li tkun maħbub u mfaħħar, mhux anqas minn meta timlieli qalbi bil-hena tas-smewwiet.
3. Fik mela, Mulejja Alla tiegħi, inqiegħed it-tama tiegħi kollha, u f’idejk nerħi ruħi: fi ħsiebek inħalli t-tribulazzjoni u d-dwejjaq tiegħi kollha; għaliex kulfejn inħares, barra minnek, insibu frugħa u kollox idur mar-riħ. Għaliex u la l-ħafna ħbieb tiegħi ma jiswewli; u la l-qawwijin jistgħu jgħinuni; u la n-nies tal-għaqal jagħtuni parir tajjeb, u la l-kotba tal-għorrief isabbruni; u la l-għana jeħlisni mill-jasar; u la ebda mkien imwarrab u sabiħ jaħjini jekk int ma tgħinnix, u tieqaf miegħi u ssabbarni u tgħallimni u tħarisni.
4. Dak kollu li jidhrilna li jġib f’qalbna l-paċi u l-hena, jekk ma tkunx hemm int ukoll, xejn ma jiswa u anqas jista’ jnissel f’ruħna l-hena li nixtiequ. Int hu mela l-għajn ta’ kull ġid, is-sabar tal-ħajja u l-bidu ta’ kull għerf; u l-akbar tgawdija tal-qaddejja tiegħek, li jittamaw fik fuq kollox. Lejk narfa’ għajnejja, Alla tiegħi; fik nitma, Missier ta’ kull ħniena. Bierek u qaddes ir-ruħ tiegħi bil-barka tas-smewwiet, ħalli ssir agħmara mqaddsa tiegħek u tron tal-glorja tiegħek eterna, biex f’dan it-tempju tal-kobor tiegħek ma jinsab xejn li jista’ jonqsok fil-ġieh li jistħoqqlok. F’ġieh il-kobor tat-tjieba tiegħek, u f’ġieh il-kotra tal-ħniniet tiegħek, dawwar lejja l-għajnejn tiegħek u isma’ t-talb tal-imsejken qaddej tiegħek, li jiġġerra bgħid minnek f’artijiet id-dlam tal-mewt. F’tant tiġrib li tinsab fiha dil-ħajja, ħares lejh din ir-ruħ tas-serv tiegħek u żomm idejk fuqha; u bil-grazzja tiegħek mexxiha int, mat-triq tal-paċi għad-dawl u l-hena ta’ dejjem. Amen.
IR-RABA’ KTIEB
TAL-IMITAZZJONI TA’ KRISTU
FUQ IS-SAGRAMENT TA’ L-ALTAR
Sejħa ħelwa għat-tqarbin imqaddes
ĠESU KRISTU
‘’Ersqu lejja, intom ilkoll l-imħabbtin u li tħossu t-toqol tat-tagħbija, u jien inserraħkom’’ igħid il-Mulej. Il-ħobż li nagħtikom hu l-ġisem tiegħi għall-ħajja tad-dinja. Ħudu u kulu, dan hu l-ġisem tiegħi, li jkun mogħti għalikom; dan agħmluh b’tifkira tiegħi. Min jiekol il-ġisem tiegħi u jixrob id-demm tiegħi jkun fija u jien fih. Il-kliem li għidtilkom, hu ruħ u ħajja.’’
KAP 1
B’liema qima għandna nirċievu lil Kristu
IR-RUĦ
1.Dan hu kliem tiegħek, o Ġesu, is-sewwa ta’ dejjem għalkemm ma ntqalx ħabta waħda u anqas inkiteb imkien wieħed. La darba mela dan hu kliem tiegħek kollu minnu, jaħtieġli nilqgħu bil-ferħ u noqgħod għalih bis-sedqa kollha. Kliemek hu, iva, u inti għidtu; imma hu tiegħi wkoll, għax għall-ġid tiegħi int għidtu. Bil-ferħa nisimgħu minn fommok, biex aktar ingħożżu f’qalbi. Kliem bħal dan kollu ħniena, ħlewwa u mħabba, jimlieni bil-ħila; imma mbagħad dnubieti jkexkxuni u l-kuxjenza bit-tkasbir tagħha ma tħallinix nilqa’ misteri tant kbar. Il-ħlewwa ta’ kliemek tiġbidni lejk: imma l-kotra u t-toqol ta’ dnubieti jgħattuni.
2.Int tridni nersaq lejk bħala iben, biex ikolli sehem miegħek; tridni niekol dak l-ikel ta ħajja ta’ dejjem, jekk irrid nirbaħ il-ħajja u l-glorja ta’ bla tmiem. Inti tgħid: ‘’Ejjew għandi intom ilkoll li taħdmu u li tinsabu mħabbtin, u jien inserraħkom. ‘’O kelma ħelwa u ta’ l-aqwa mħabba f’widnejn il-midneb, li biha int, Sinjur Alla tiegħi, tistieden għat-tqarbin tal-Ġisem imqaddes tiegħek lil min hu fqir u min xejn ma għandu! Għax jien min jien, Mulejja, biex nissogra nersaq lejk? Oh, x’għaġeb! Is-smewwiet tas-smewwiet ma jesgħukx; u mbagħad int tgħid: ‘’Ejjew ilkoll għandi.’’
3. Xi jfisser din l-umilta tiegħek tant ħelwa, din istedina kollha mħabba? Kif sejjer nissogra nersaq lejk, jien li ma nafx li għamilt ebda ġid, li bih nista’ nqawwi qalbi? Kif nista, nistiednek ġewwa dari, jien li tant drabi regħextek? L-Anġli u l-Arkanġli jagħtuk qima; il-Qaddisin u t-tajbin quddiemek jitriegħdu; u mbagħad tgħid lilna: ‘’Ejjew ilkoll għandi?’’ U li ma kienx għax tgħidu int dal-kliem, Sinjur, min jista’ jemmen li hu minnu? U li ma kontx int li trid hekk, min ikollu l-ħila jersaq lejk?
4. Jekk Noe, raġel sewwa, dam jaħdem mitt sena sa bena l-arka li fiha kellhom jeħilsu mill-għarqa tmienja min-nies, kif nista’ jien inħejji ruħi f’siegħa, biex nilqa’ fija kif jixraq lil Dak li ħalaq id-dinja? Mose, il-qaddej kbir tiegħek u l-ħabib tiegħek tal-qalb, ħadem arka ta’ l-injam li ma jsewwisx u ksieha b’deheb l-aktar fin, biex iqiegħed fiha t-twavel tal-Liġi; u jien, daqsxejn ta’ bniedem imkasbar, għandi ħila nersaq u nilqa’ lilek, li għamilt il-Liġi u li tagħti l-ħajja? Salamun, l-egħref fost is-slaten ta’ Israel, seba’ snin dam jibni dak it-tempju l-aktar sabiħ, għat-tifħir ta’ l-isem tiegħek. Tmint ijiem dam jagħmel il-festa tat-tiġdid tiegħu; offra elf vittma tas-sliem, u fost id-daqq tat-trombi u l-ferħ qiegħed b’qima kbira l-Arka tal-paċi fil-lok li hu kien ħejja għaliha. U jien imbagħad kollni tbajja’, u l-ifqar fost il-bnedmin, kif sejjer indaħħlek ġewwa dari jekk bil-kemm naf ninġabar inħejji ruħi dik in-nofs siegħa bil-ħrara? U jalla mqar darba waħda nġbart kif imiss dik in-nofs siegħa!
5. X’ħin niftakar, o Alla tiegħi, f’kemm għamlu u kemm tħabtu dawk l-oħrajn biex jogħġbuk, kemm narani tassew bqajt lura miegħek. Kemm qasir żmien inħejji ruħi għat-Tqarbin! Bil-kemm nilħaqq ninġabar fija nnifsi, għaliex aktarx moħħi jmur f’xi ħaġ‘oħra! U b’dan kollu jien naf li quddiem il-Qdusija tiegħek, ebda ħsieb li m’hux mill-aktar safi ma għandu jiġini, f’ebda maħluq ma għandi niftakar jew imissni mmur b’moħħi, la darba sejjer nilqa’ ġewwa fija mhux xi Anġlu, imm s-Sid ta’ l-Anġli.
Xejn, imbagħad, ma għandha x’taqsam l-Arka tal-Liġi b’ta’ ġo fiha, mal-Ġisem tiegħek l-aktar safi u l-virtu tiegħu, li ebda ħadd ma jista’ jfissirhom; xejn ma għandhom x’jagħmlu dawk is-sagrifiċċI tal-Liġi l-qadima mal-vera Ostja, mal-veru sagrifiċċju tal-Ġisem tiegħek, li fih ġew mitmuma s-sagrifiċċi kollha ta’ dak iż-żmien.
7. Għala ma nħossnix jien imħeġġeġ bl-aqwa ħrara meta nsib ruħi quddiemek? Għala ma narax kif nagħmel inħejji ruħi aħjar, biex nilqa’ f’qalbi l-Ġisem tiegħek, x’ħin niftakar fl-imqaddsa Patrijarki u l-Profeti, u s-Slaten ta’ dari li flimkien mal-poplu kollu b’tant ħrara u mħabba kbira kienu juruk il-qima li tistħoqqlok?
8. Is-Sultan David, daqskemm kien mixgħul bl-imħabba lejk, kien jiżfen kemm jiflaħ quddiem l-Arka t’Alla, u jfaħħar bil-għana tiegħu l-ġid kbir illi int kont għamilt lil missirijietu. Hu ħadem għodda tad-daqq minn kull xorta, u kiteb Salmi, u ried li jitkantaw bil-ferħ; imqar hu kien ta’ sikwit ikanta fuq l-arpa; u mimli bil-grazzja ta’ l-Ispirtu Santu kien igħallem il-ġens ta’ Israel ifaħħar ‘l Alla bil-qalb kollha; u jbierku u jagħtih gieħ kuljum għalenija. Jekk mela dak iż-żmien kienu jqimu b’ħeġġa hekk kbira l-Arka tat-Testment; jekk it-tifħir t’Alla kien isir b’tant festa kbira; liema qima, liema ħrara ma għandux ikolli jien u kull min hu nisrani, quddiem is-Sagrament Imqaddes u x’ħin niġu biex nilqgħu f’qalbna l-Ġisem għażiż ta’ Ġesu Kristu?
9. Hafna jmorrulek bosta bnadi biex iżuru r-relikwi tal-Qaddisin; u x’ħin jisimgħu bl-egħemil ta’ ħajjithom, jistagħġbu għall-aħħar; u jaraw il-ġmiel tal-knejjes tagħhom; u jbusu l-għadam imqaddes tagħhom miżmum ġol-ħarir u d-deheb. U int arak quddiemi fuq dan l-altar, o Alla tiegħi, Qaddis tal-Qaddisin, Kreatur tal-bnedmin, u sid ta’ l-Angli! Bosta drabi n-nies imorru jaraw dal-ħwejjeġ għax tiġbidhom il-kurżita u jkunu mixtiqin jarawhom, u jibqgħu ftit li xejn ma jbiddlu ħajjithom, l-aktar meta jmorru biex jiġru ġirja u mhux bil-fehma tal-ġid ta’ ruħhom. Imma fis-Sagrament ta’ l-Altar tinsab int kollok kemm int, o Alla tiegħi, Ġesu Kristu, Alla u Bniedem; u kemm-il darba wieħed jilqgħek kif imissu jkun qiegħed jirbaħ il-fidwa tiegħu ta’ dejjem. Iżda lejk tiġbidna fuq kollox mhux le l-kurżita jew xewqat oħra, imma fidi ħajja, tama mħeġġa u mħabba mseddqa.
10. O Alla li ħlaqt id-dinja, kemm hi tal-għaġeb il-ħniena tiegħek magħna! Kemm ħlewwa ta’ mħabba int turi lill-magħżulin tiegħek, meta tagħti ruħek lilhom fis-Sagrament Imqaddes! Għaġeb ta’ l-egħġubijiet li l-moħħ ta’ ebda bniedem ma jista’ jifhmu, u li fuq kollox jiġbed lejk il-qlub ta’ l-imseddqin tiegħek u jixgħelhom bl-imħabba. Għaliex dawk li huma tabilħaqq miġbudin lejk u ma jfittxux għajr li jbiddlu ħajjithom, isibu f’dan is-Sagrament Imqaddes il-għajn ta’ kull virtu u ta’ l-aqwa mħabba.
11. Oh, li kont tista’ tobsor x’għaġeb kbir hu dan is-Sagrament, u kemm grazzi jġib miegħu li biss il-fidili ta’ Kristu jafu bihom, imma l-ħżiena u l-ilsiera tad-dnub ma jistgħux iġarrbuhom! Dan is-Sagrament jagħni lir-ruħ bil-grazzja tas-sema u jġedded fiha l-virtu li tkun tilfet u l-ġmiel li d-dnub ikun tfielha. Dil-grazzja xi drabi hi tant qawwija, li bil-ħrara li tnissel, mhux biss ir-ruħ, imma wkoll il-ġisem midbiel iħoss fih innifsu l-wetqa tas-saħħa.
12. Kemma aħna iżda ta’ min jibkina għall-bruda u l-għażż tagħna, li ma ninxegħlux bi ħrara akbar biex nilqgħu lil Kristu Ġesu, li fih biss tinsab it-tama u l-mertu tas-salvazzjoni tagħna! Għaliex hu li qaddsilna ruħna u li fdieha; hu s-sabar tagħna f’dal-wied tad-dmugħ, u t-thennija ta’ dejjem tal-Qaddisin. Iva: ta’ min jibkih il-għama ta’ dawk il-bosta wħud li ftit li xejn jiftakru f’dan il-misterju tas-saħħa tar-ruħ, li jimla s-sema bil-hena u jwettaq id-dinja kollha. O għama u ebusija tal-bniedem, meta xejn ma jqisha grazzja bħal din; u fuq li jista’ mqar kuljum jersaq jitqarben donnu jibqa’ biex jibred għal kollox!
13. Kieku dan is-Sagrament Imqaddes kien jinżamm banda waħda biss, u kien ikun ikkunsagrat minn saċerdot wieħed biss fid-dinja, b’liema ħrara, b’liema xewqat kieku mmorru l-bnedmin f’dan l-imkien wieħed u għand dan il-qassis t’Alla, biex naraw jitqaddes dan il-Misterju? U frattant illum jinsabu bosta saċerdoti, u Ġesu Kristu jiġi offert f’bosta naħiet biex aktar ma jixxerred mad-dinja t-tqarbin imqaddes aktar tidher il-grazzja u l-imħabba t’Alla fil-bnedmin.
Niżżikħajr, mela, o Ġesu ta’ l-aktar tjieba, ragħaj etern ta’ rwieħna, li għoġbok tpaxxina, lilna msejknin tturufnati, bil-ġisem u d-Demm għażiż tiegħek, u tistedinna biex nilqgħu f’qalba dawn il-misterji, u tgħidilna bil-kelma tal-fomm tiegħek: ‘’Ersqu lejja, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u fin-niket, u jien inserraħkom.’’
KAP II
F’dan is-Sagrament Alla juri lill-bniedem it-tjieba u l-imħabba tiegħu bla tarf
IR-RUĦ
1.Kollni tama fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Mulejja, nersaq lejk, marid kif jien lejn is-Salvatur tiegħi, bil-ġuh u bil-għatx lejn il-għajn tal-ħajja, fqir lejn is-Sultan tas-Smewwiet, ilsir lejn is-Sid tiegħi, ħolqien lejn min ħalqu, u mnikket kif jien lejn min jista’ jsabbarni. Imma kif inhi din li inti tiġi għandi? X’jiena jien biex tagħtini lilek innifsek? Kif għandu ħila midneb bħali jersaq biss quddiemek? U kif qatt imbagħad titbaxxa ruħek iżżur wieħed midneb? Int tafu l-qaddej tiegħek, u taf ukoll li xejn ma ħaqqu milli qiegħed tagħmel miegħu! Int tafu l-qaddej tiegħek, u taf ukoll li xejn ma ħaqqu milli qiegħed tagħmel miegħu! Nistqarr mela l-faqar tiegħi, u fil-ħin it-tjieba tiegħek; infaħħar il-ħniena tiegħek, u niżżikħajr għall-imħabba tiegħek bla tarf. Għall-ħniena tiegħek int tagħmlu dan, u mhux le għax jistħoqqli għall-merti tiegħi, ħalli hekk insir jien aktar nagħraf it-tjieba tiegħek, u f’qalbi hekk jogħġob lilek, u int trid li jkun dan, ir-rieda tiegħek noqgħod għaliha. Mhux li jaħasra l-ħażen tiegħi ma jkunx ta’ tfixkil għalija!
2.Ġesu kollok tjieba u kollok ħniena! Kemm int ta’ min jagħtik qima, jiżżikħajr u jfaħħrek għala dejjem, talli tajtna l-Ġisem imqaddes tiegħek, li l-kobor tiegħu ebda ħadd ma jista’ jfissru! Imma f’dat-Tqarbin imqaddes x’sejjer nitolbok jien xħin nersaq ħdejn is-Sid tiegħi u naħseb li qatt ma nista’ nagħtik il-gieh li jmissek fil-waqt li nixtieq nirċevik bil-ħeġġa ta’ l-imħabba? Fiex naqbad naħseb li jkun ta’ l-akbar ġid għal ruħi ħlief niċċekken għal kollox quddiemek u nfaħħar b’qalbi kollha l-ħniena tiegħek bla tarf? Infaħħrek, o Alla tiegħi, u nsebbħek għal dejjem. U nara x-xejn tiegħi, u nerħi ruħi f’idejk.
3.Iva, Sinjur, int il-Qaddis tal-Qaddisin; u jien jaħasra, l-akbar midneb. Int titbaxxa lejja, li anqas ma ħaqqni biss narfa’ għajnejja lejk. Int trid tiġi għandi. Inti trid u tixtieq titgħannaq miegħi, Int tistedinni għall-mejda tiegħek. Int tħajjarni niekol l-ikel tas-sema, il-ħobż ta’ l-Anġli, li ma hux ħaġ‘oħra ħlief inti nnifsek. Ħobż tas-sema ħaj li nżilt mis-smewwiet, u tagħti ħajja lid-dinja.
4.O Sinjur, x’umilta kbira tiddi minn din il-Għajn ta’ l-imħabba! U kif qatt sejrin niżżukħajr u nfaħħruk biżżejjed għal din l-imħabba u l-umilta tiegħek! O kemm kien ta’ ġid kbir għal ruħna dak il-ħsieb tiegħek ta’ meta għamilt dan is-Sagrament! U x’mejda ħelwa u ta’ hena, ta’ meta tajt lilek innifsek b’ikel tagħna! Kemm hu tal-għaġeb l-egħmil tiegħek, Mulejja! Kemm hi qawwija s-setgħa tiegħek! U min qatt iwassal biex jifhem il-wetqa tas-sewwa tiegħek! Għax int għedt kelma u kollox inħalaq; għal kelma tiegħek sar li ridt!
5.Oh, x’ħaġa tal-għaġeb li l-fidi biss tista’ tifhimha, imma l-moħħ ta’ bniedem ma jwassalx għaliha! Int, Sinjur Alla tiegħi, veru Alla u veru bniedem, tinsab kollox kemm int fid-daqsxejn ta’ ħobż u nbid; u min jitqarben jiekol lilek bla ma jtemmek. Int Sid tal-ħolqien kollu, li ma għandek x’tambi lil ħadd, ridt b’dan is-Sagrament tiegħek tgħammar ġewwa fina. Nitolbok mela żżommli safjin lil qalbi u lil ġismi, biex jien b’kuxjenza ferħana u nadifa nkun nista’ aktar sikwit infaħħar dan il-misterju, u nilqgħu b’ġid ta’ dejjem għal ruħi, la darba int għamiltu u ridtu għall-ġieh tiegħek u b’tifkira tiegħek ta’ dejjem.
6.Ifraħ, o ruħ tiegħi, u iżżiħajr ‘l Alla għal dan il- ġid hekk kbir li hu ħallielek b’faraġ tiegħek f’dan wied id-dmugħ. Kemm-il darba int ittenni dan il-misterju (bil-quddiesa) u tilqa’ f’qalbek il-Ġisem ta’ Kristu, tkun qiegħed iġġedded l-opra tal-fidwa tiegħek u jmissek sehem mill-merti kollha ta’ Kristu; għaliex l-imħabba ħanina ta’ Kristu ma tiġi qatt nieqsa, u l-kobor tal-ħniena tiegħu qatt ma jintemm. Mela int għandek dejjem tħejji ruħek biex tilqgħu b’ħeġġa u ħrara mill-aqwa u taħseb fuq dan il-misterju tal-fidwa tagħna fil-ġabra u l-qima kollha. Sewwa tkun tqaddes, sewwa tkun tisma’ l-quddiesa, dan is-sagrifiċċju jrid ikun għalik ta’ l-aqwa ferħ, daqs kieku Kristu dak il-ħin niżel fil-ġuf ta’ Marija Verġni u sar bniedem, jew inkella qisu fuq is-Salib, qiegħed ibati u jmut għall-fidwa tal-bniedem.
KAP III
Kemm hi ħaġa tal-wetqa li wieħed jitqarben spiss
IR-RUĦ
1.Nersaq mela lejk, o Sinjur, biex b’dan Id-don imqaddsa tiegħek ruħi ssib il-wetqa tagħha, ħalli nifraħ jien bil-mejda mqaddsa tiegħek, int li bi ħnientek, Alla tiegħi, ħjejtni fil-faqar tiegħi. Fik jinsab dak kollu li nista’ u jmissni nixtieq; inti s-saħħa u l-fidwa, it-tama u l-qawwa tiegħi, il-ġieh u s-sebħ tiegħi. Farraġlu mela qalbu llum lill-qaddej tiegħek, għaliex lejk, Mulejja, Ġesu tiegħi, erfajt jien ir-ruħ tiegħi. Nixtieq il-lum nilqgħek bil-ħeġġa kollha u l-qima; nixtieq b’qalbi kollha ndaħħlek ġewwa dari, sabiex bħal Żakkew ieħor, nista’ jistħoqqli nkun imbierek minnek, u magħdud ma’ wlied Abram. Ir-ruħ tiegħi u kollni kemm jien nixxennaq għalik, u qalbi tixtieq tingħaqad miegħek.
2.Agħtini lilek innifsek, u xejn ma rrid iżjed għaliex barra minnek ebda ħaġa ma tista’ sabbarni Mingħajrek ma nistax ingħaddi; u jekk ma żżurnix int, ma hemmx le ħajja għalija. Għalhekk jaħtieġli ta’ sikwit nersaq lejk, u nilqgħek f’dari għas-saħħa ta’ ruħi: għax inkella naqa’ għaxi fit-triq, jekk jiġi jonqosni dan l-ikel tas-sema. Għaliex int, o Ġesu kollok ħniena, meta tgħallem lill-ġnus u tfejjaqhom mill-mardiet tagħhom, kont għidt: ‘’Ma rridx nibgħathom f’darhom sajmin, biex ma jogħxewx fit-triq.’’ Imxi mela hekk miegħi, int li ħallejtilna lilek innifsek f’dan is-Sagrament għall-faraġ ta’ l-imseddqin tiegħek. Għaliex inti int il-għajxien ħelu tar-ruħ; u min jieklok kif jixraq isir werriet u jmissu sehem mill-glorja eterna. Billi jiena ta’ sikwit niżloq fid-dnub, u bħalxejn nibred u nitgħażżen, jaħtieġli bit-talb fil-ġabra u l-qrar u bit-tqarbin ta’ Ġismek l-Imqaddes, niġġedded, nitnaddaf, u nitħeġġeġ bl-imħabba, għaliex aktar ma nitbiegħed mit-tqarbin , aktar ma nżommx mal-fehmiet tiegħi t-tajba.
3.Naf, Sinjur, illi l-bniedem miġbud għall ħażen sa minn tfulitu; u jekk ma tkunx int għalih bil-għajuniet tiegħek, jaqa’ fi dnubiet akbar. Għaliex it-Tqarbin imqaddes ibiegħed il-bniedem mill-ħażen, u jwettqu fis-sewwa. Jekk imqar meta nitqarben (jew inqaddes) inħossni wisq drabi tqil u biered; x’kien ikun minni li ma kontx infittex dil-għajnuna tant kbira? U għalkemm mhux kuljum inħossni mħejji biżżejjed għat-tqarbin (jew għall-quddiesa), nagħmel kemm nista’ biex jistħoqqli nirbaħ sehem minn grazzja tant kbira. Dan hu l-akbar hena tar-ruħ imseddqa, dment li hi tibqa’ bgħid minnek marbuta ma’ dal-ġisem li jmut, illi mgħannqa ma’ Alla, tilqa’ dan il-Maħbub tagħha fil-ġabra ta’ l-imħabba lejh.
4.Oh, il-kobor tal-ħniena tiegħek lejna kemm hu tabilħaqq tal-għaġeb! Mela int, Sinjur Alla tiegħIi li ħlaqt u tagħti l-ħajja lill-erwieħ kollha, trid tiġi f’din ir-ruħ tant fqira, u bid-divinita u l-umanita kollha tiegħek ixxabba’ l-ġuħ tagħha! Oh, ix-xorti ta’ din il-qalb! Oh, x’hena ta’ dir-ruħ li jistħoqqilha bl-imħabba tilqa’ lilek, Sid u Alla tagħha, biex Int timlieha bil-ferħ tas-smewwiet xħin lilek tilqgħek fiha! Oh, x’Sinjur kbir sejra tilqa’ u l-ħlewwa tiegħu kemm hi kbira! X’ħabib tal-qalb sejra tilqa’ ġewwa darha. X’għarus ta’ l-aqwa ġmiel sejra tgħannaq, oħla mill-maħbubin kollha, u aktar ta’ min iħobbu mill-ħwejjeġ l-oħra kollha li tista’ tixtieq! Ħalli jisktu mela quddiemek, o Maħbub tiegħi, is-sema u l-art bil-ġmiel kollu tagħhom, għaliex bil-ġmiel kollu tagħhom u kulma bih għandhom x’jiftaħru, kollox minnek jafuh u ma jistgħu qatt jilħqu mal-ġmiel ta’ l-isem tiegħek int li d-dehen tiegħek hu bla tarf.
KAP IV
Alla jxerred bl-abbundanza l-grazzji tiegħu fuq dawk li jitqarbnu bil-ħeġġa ta’ l-imħabba
IR-RUĦ
1.Sinjur Alla tiegħi, trid tibda biex tgħinni int lili qaddej tiegħek, bil-barka tal-ħlewwa tiegħek, sabiex nista’ nersaq kif xieraq u bil-ħrara lejn dan is-Sagrament tiegħek ta’ l-akbar għaġeb. Ixgħelli qalbi bl-imħabba lejk, u qajjimni minn dan-ngħas tqil li fih ninsab. Ejja u xerred fuqi l-grazzja tiegħek, ħalli tista’ din ruħi dduq il-ħlewwa tiegħek, li tinsab moħbija f’dan is-Sagrament, għajn ta’ l-aqwa ġid tar-ruħ. Agħtini d-dawl ukoll f’għajnejja, sabiex nista’ nħares lejn dal-misterju tant kbir; u nitwettaq dejjem aktar fil-fidi tiegħi. Għaliex dan is-Sagrament hu egħmil tiegħek, mhux tal-ħila tal-bnedmin; int ħallejtu lilna u mhux il-bnedmin twebblu bih. Ebda bniedem ma jinsab li għandu ħila jifhem jew jaqbad ħwejjeġ tal-għaġeb bħal dawn, għaliex anqas l-Anġli bid-dehen tagħhom ma jwasslu sa daqshekk. U jien midneb li jien, ftit trab u rmied, kif nista’ ilaħħaq u nifhem dan il-misterju mqaddes?
2.B’qalbi f’idejja, b’fidi qawwija u umli u biex noqgħod għar-rieda tiegħek, jien nersaq lejk, Mulejja, bit-tama u l-qima u nemmen tabilħaqq li int tinsab f’dan is-Sagrament, veru Alla u veru Bniedem. Għaliex inti tridni nilqgħek f’qalbi u miegħek nitgħannaq bl-imħabba u issa nitlob minnek għall-ħniena tiegħek li int tagħtini l-grazzja tiegħek; imma grazzja mill-aqwa, sabiex qalbi tfur bl-imħabba tiegħek, u jien le ma nfittex ebda hena ieħor għal qalbi. Għaliex das-Sagrament tant għoli u għażiż hu s-saħħa tar-ruħ u tal-ġisem, hu d-duwa tal-mardijiet kollha tar-ruħ; hu jfejjaqni mill-vizzji tiegħI u jgħakkisli l-passjonijiet ħżiena; bih nirbaħ it-tentazzjonijiet jew irrażżan il-qawwa tagħhom; hu jsawweb fuqi grazzi akbar, ikattar fija l-virtu, iqawwi fija l-fidi, iwettaqli t-tama u jixgħel u jkabbar fija l-imħabba tiegħek.
3.U tabilħaqq li inti f’dan is-Sagrament bosta doni tajt, u għadek tagħti spiss lil dawk li jitqarbnu bil-ħrara; o Alla tiegħi. Feddej tiegħi, qawwa tad-dinja, u thennija ta’ ruħ il-bnedmin. F’kull tribulazzjonijiet li jinsabu fihom, int ixxerred fuqhom il-ħlewwa kbira tal-hena tiegħek, u mill-faqar u n-niket li jkunu fih, int twizinhom bit-tama tas-setgħa tiegħek, u tferrħilhom u ddawlilhom qalbhom bi grazzja ġdida u b’dal-mod, dawk li qabel it-tqarbin kienu berdin u bl-ebda ħrara, wara li jilqgħu f’qalbhom l-ikel u x-xorb tas-sema, iħossu ruħhom mibdulin għall-aħjar.
Dan li int tagħmel mal-maħbubin tiegħek hu ġej mill-għerf kbir tiegħek; sabiex huma jaraw bis-sewwa u jifhmuha kemm tabilħaqq hi żgħira l-ħila tagħhom, u liema ġid u xi grazzi kbar inti tagħti. Berdin, ebsin u tqal minnhom infushom, inti tħeġġiġhom bl-imħabba, tixgħelhom bix-xewqa u bid-devozzjoni. Min hu dak li resaq bl-umilta lejn din il-għajn tal-ħlewwa, u baqa’ ma xorobx xi ftit is-sħana tiegħu? Int hu dik il-għajn dejjem mimlija u mfawra, dak in-nar imħaġġeġ li qatt ma jbatti.
4.Mela, jekk jiena ma nistax nimla mill fawwara ta’ dil-għajn jew anqas ma nista’ naqta’ l-għatx tiegħi, ħallini talanqas nersaq b’fommi lejn dil-għajn tas-sema, biex minnha nixrob qatra waħda, u nistaħja mill-għatx tiegħi, imqar biex ma nogħxiex. U jekk ma nistax inkun vampa nar ta’ imħabba, bħall-Kerubini u s-Serafini, nara kif għall-inqas innissel f’qalbi d-devozzjoni u nħejji ruħi biex bit-Tqarbin ta’ dan is-Sagrament tal-ħajja jmissni mqar xrara ċkejkna mill-ħuġġieġa ta’ l-imħabba divina tiegħek. Dak kollu li hu nieqes fija, Ġesu ħanin u Salvatur imqaddes tiegħi, iva, komplih inti f’ruħi bil-ħniena u l-grazzja tiegħek; int li għoġbok issejjaħ lil kulħadd għal miegħek meta għidt: ‘’Ejjew intom li tinsabu mħabbtin u fin-niket, u jiena nserraħkom.’’
5.Jien ninsab imħabbat, xhieda l-għaraq ta’ ġbini; inħossni qalbi mnikkta bl-imrar; ninsab imtaqqal bid-dnubiet, imħabbat bit-tentazzjonijiet, imdawwar u msallab b’bosta ġibdiet ħżiena, u ma għandix min iwiżinni, jaħjieni, ħlief lilek, o Sinjur Alla tiegħi, Salvatur tiegħi. F’idejk ruħi nerħi u kulma għandi, biex int iżżomm idejk fuqi u twassalni fil-ħajja ta’ dejjem. Ħudni għall-gieh u l-glorja ta’ l-isem tiegħek, inti li ħejjejtli Ġismek u Demmek b’ikel u xorb tiegħi. Agħtini grazzja, Sinjur Alla tiegħi, Salvatur tiegħi, li bit-Tqarbin ta’ sikwit tikber fija l-ħrara u l-imħabba.
KAP V
Fuq il-kobor tas-Sagrament u l-istat tas-Saċerdot
1.Kieku stess int kellek il-purita u l-qdusija ta ’ l-Anġli u l-qdusija ta’ San Ġwann Battista, ma kontx jistħoqqlok tilqa’ dan is-Sagrament, jekk anqas tmissu b’idejk; għax il bniedem mhux għall-merti tiegħu jikkunsagra, u jieħu f’idejh is-Sagrament ta’ Kristu, u jiekol il-ħobż ta’ l-Anġli. Kemm hu kbir mela dan il-misterju, u kemm hu għoli l-ġieh ta’ Saċerdot, li jista’ jagħmel dak li anqas l-Anġli ma jistgħu jagħmlu! Għaliex is-Saċerdot biss ordnati li imiss mill-Knisja, jistgħu jikkunsagraw u joffru l-Ġisem. Iva, is-Saċerdot hu l-ministru t’Alla, u jgħid il-kelma ta’ Alla nnifsu meta waqqaf dan is-Sagrament: imma fil-konsagrazzjoni Alla hu dak li jkun jikkonsagra u jbiddel il-ħobż u l-inbid fil-Ġisem tiegħu, għalkemm għajnejn il-bniedem ma jarawhx, għaliex kollox isir kif irid hu, kollox joqgħod għar-rieda tiegħu!
2.F’dan is-Sagrament hekk kbir, mela, aktar għandek temmen f’Alla li jista’ kollox milli lis-sensi tiegħek u lil dak li jidher. Għalhekk għandek tersaq lejh b’biża’ u qima kbira. Agħti mela daqqa ta’ għajn lilek innifsek, u ara ta’ min sirt ministru, meta l-Isqof qiegħed idejh fuq rasek. Inti sirt Saċerdot, ġejt ikkonsagrat biex tgħid il-quddiesa; qis mela issa, li f’ħinu u f’waqtu toffri ‘l Alla dan is-Sagrifiċċju bil-ġabra u bid-devozzjoni, u l-kuxjenza tiegħek tkun bla ebda tebgħa. Int issa ma ħaffiftx, le, it-tagħbija tiegħek, anzi rtabatt b’rabta aktar qawwija u ħajtek jaħtiġilha tkun ta’ l-akbar qdusija. Is-Saċerdot irid ikun imżejjen bil-virtu kollha, u jagħti lill-oħrajn eżempju ta’ ħajja qaddisa. Ħajtu ma tridx tkun bħal tal-bnedmin l-oħra li jgħixu fid-dinja, imma bħal ta’ l-Anġli fis-sema u ta’ l-erwieħ it-tajba ta’ fuq l-art.
3.Is-Saċerdot liebes l-ilbies imbierek, hu bħal Kristu ieħor, biex jitlob ‘l Alla bil-ħrara u bl-umilta għalih innifsu u għal kulħadd. Fuq sidru u fuq dahru hu jġib is-sinjal tas-Salib ta’ Kristu, b’tifkira tal-Passjoni ta’ Kristu. Quddiemu jġib is-salib fil-pjaneta biex iħares dejjem lejn il-passi ta’ Kristu, biex jimxi fuqhom bil-ħerqa kollha. Fuq dahru jġib is-salib, biex kemm moħqrija jara min-nies, hu jeħodha bis-sabar għal Alla. U jġib is-salib quddiem, biex jibki dnubietu; u jġibu warajh biex jibki, daqskemm iħenn għalihom, id-dnubiet ta’ l-oħrajn ukoll; biex jiftakar li Alla qiegħed is-saċerdot bejnu u bejn il-midneb; u biex ma jegħjiex jitlob u joffri s-sagrifiċċju mqaddes, minn qabel ma jistħoqqlu jaqla’ l-ħniena u l-maħfra.
Waqt il-quddiesa tiegħu, is-Saċerdot ikun qiegħed jagħti gieh ‘l Alla, l-Anġli jifirħu bil-hena, il-Knisja titgħaxxaq bih, iwettaq il-mistrieħ lill-mejtin u jaqlla’ għalih innifsu sehem ta’ kull ġid għar-ruħ.
KAP VI
Hawn ir-Ruħ titlob lil Kristu jgħallimha kif għandha titħejja għat-Tqarbin
IR-RUĦ
1.Meta nġib quddiem għajnejja, Mulejja, il-kobor tiegħek u x-xejn tiegħi, nirtoqgħod bil-biża’ u nħossni nitħawwad. Għax jekk ma nersaqx inkun qiegħed naħrab mill-ħajja, u jekk nersaq mingħajr l-indafa u l-ħrara li jixirqu, jiena nkun nonqsok. X’nibda nagħmel mela, o Alla tiegħi, għajnuna tiegħi, int li tagħtini d-dawl fit-tfixkil tiegħi?
2.Int għallimni t-triq li minnha għandi ngħaddi, u nissilli f’qalbi xi tħejjija qasira għat-Tqarbin imqaddes. Jiswieli wisq li nkun naf kif għandi nħejjilek qalbi fil-ġabra u l-qima, biex nilqa’ b’ġid tiegħi s-Sagrament imqaddes tiegħek, jew biex intemm das-Sagrifiċċju divin hekk kbir.
KAP VII
Fuq l-eżami tal-kuxjenza fuq il-fehma li wieħed tbiddel ħajtu
ĠESU KRISTU
1.Qabel xejn hemm bżonn li s-Saċerdot t’Alla jħejji ruħu biex jikkonsagra, joffri u jirċievi dan is-Sagrament, b’umilta u b’qima l-aktar kbira, b’fidi qawwija, b’fehma sħiħa li dan sejjer jagħmlu għall-ġieh t’Alla. Għarbel mela tajjeb il-kuxjenza tiegħek, u mill-aħjar li tista’ saffiha b’indiema vera u bi qrara umli; b’mod illi fuq qalbek ma tħoss ebda toqol li jniggiżha, jew li jżommok u ma jħallikx tersaq tqaddes. Nissel fik indiema ta’ dnubietek kollha, imma l-aktar ibki u olfoq għal dawk il-ħtijiet li taqa’ fihom ta’ kuljum; u jekk ikollok ħin, stqarr ‘l Alla ġewwa qalbek il-miżerji kollha li fihom iġibuk il-passjonijiet tiegħek.
2.Ibki u tniehed fuq li int għadek hekk marbut mal-ħwejjeġ tad-dinja, ilsir tal-passjonijiet tiegħek, mimli ġibdiet ħżiena; u fuq li int ftit li xejn ma trażżan lis-sensi tiegħek, u tinsab mimli bi ħsibijiet fiergħa; li int tant miġbud għall-ħwejjeġ ta’ barra, bla xejn ma tagħti kont ta’ dawk ta’ ruħek; li int tant mogħti għad-daħk u għaċ-ċajt, u tant tiġik tqila tibki dnubietek u tindem minnhom; li tant tħobb it-tgawdija u l-pjaċiri tad-dinja, u tant tiġik bi tqila t-tbatija u tarahom żejda l-ħwejjeġ tar-ruħ; li int tant moħħok biex tisma’ x’hemm mill-ġdid u ddawwar għajnejk fuq xi ħaġa sabiħa, u tant titmeżmeż mit-tmaqdir u ż-żebliħ; li int tant tirgħib biex taħżen taħt idejk, tant xħiħ li ma tagħtix minn tiegħek, tant idek magħluqa biex ma terħix minn taħt idejk: li inti xejn kliemek ma tqishom u tant tiġik id-dinja tqila li toqgħod sieket; li tant ħajtek hi laxka; li int tant ilħiħ f’kulma tagħmel; li int tant tħobb l-ikel tajjeb, u tagħlaq widnejk għall-kelma t’Alla; li tfittex il-mistrieħ, u titwarrab mix-xogħol; u biex tisma’ l-ħrejjef, in-ngħas ma tafx bih, u mbagħad għall-ħwejjeġ t’Alla, tiġik id-dinja tqila; li jkollok mitt sena biex teħles mit-talb u tgħidu mferfex ħa tħaffef u teħles; tant traskurat biex tgħid l-offizzju, tant biered fil-Quddiesa, u fit-tqarbin tiegħek bħalxejn tħalli l-ħsibijiet tiegħek jixxerrdu, u ħaġa kbira li tkun miġbur sewwa fik innifsek; li int tant malajr jitlagħlek u tisbel u lsienek jaqta’, li int tant ħafif biex taqta’ l-ħaqq mill-oħrajn, u tant aħrax iċċanfarhom; li tant tifraħ meta kollox jiġik għal qalbek u mbagħad tintelaq la jiġik xi għawġ; li sikwit tagħmel proponimenti tajba, biex imbagħad ftit u xejn toqgħod għalihom.
3.La d-difetti u dan in-nuqqas tiegħek u oħrajn bħalhom tkun qerrejthom u bkejthom bi ndiema u sogħba kbira ta’ qalbek, agħmel proponiment qawwi li tbiddel ħajtek u li tgħaddi ‘l quddiem fil-virtu. Imbagħad erħi għal kollox ruħek f’idejja, u bir-raj tiegħek kollu offri lilek innifsek fuq l-altar, għall-ġieh tal-isem tiegħi b’offerta għala dejjem; jiġifieri ntelaq f’idejja, bla ma żżomm xejn għalik. B’dak mod tkun tista’ ersaq lejja biex toffri s-Sagrifiċċju ‘l Alla u tilqa’ f’qalbek is-Sagrament tal-Ġisem tiegħi b’ġid ta’ ruħek.
4.Ma tistax issir offerta isbaħ u ħlas akbar għall-maħfra tad-dnubiet, milli wieħed joffri lilu nnifsu kollu kemm hu u b’qalb safja, flimkien mas-Sagrifiċċju tal-Ġisem ta’ Kristu, fil-Quddiesa u fit-tqarbin. Jekk il-bniedem jagħmel ħiltu kollha u jindem tabilħaqq minn dnubietu, ta’ kull darba li jersaq jitlobni l-maħfra u l-ħniena tiegħi, jiena ngħidlu: ‘’Kif inhu minnu li ħaj jien, ma rridhiex il-mewt tal-midneb, imma li jbiddel triqtu u jgħix; u fi dnubietu ma niftakarx iżjed, imma kollha jinħafrulu.’’
KAP VIII
Fuq il-mewt ta’ Kristu fuq is-Salib u li aħna nagħtu rwieħna ‘l Alla
ĠESU KRISTU
1.Kif jiena b’dirgħajja miftuħa fuq is-Salib u għeri offrejt ruħi minn jeddi lil Alla l-Missier għad-dnubiet tiegħek b’mod illi ma baqa’ xejn fija li ma tajthulux lil Missier biex intaffi l-qilla tiegħu, hekk imissek int ukoll toffri ruħek lili b’qalbek kollha bħala vittma safja u mqaddsa, kuljum fil-quddiesa, bl-imħabba kollha ta’ qalbek, u l-ħeġġa kollha. X’inhu li nitlob minnek jien, ħlief li tħabrek li tagħti ruħek lili għal kollox? Tagħtini x’tagħtini jekk ma tagħtinix lilek innifsek, jien xejn ma nqisu; għax ma nħarisx lejn il-ħaġa li tagħtini; lilek irrid jien.
2.Bħalma int, kieku jkollok id-dinja kollha tiegħek, ma tkunx f’sessik sewwa jekk ma jkollokx lili, hekk ukoll jien tagħtini x’tagħtini, ma jistax ikun għal qalbi, jekk ma tagħtinix lilek innifsek. Offri u agħti ruħek lili kollok kemm int għall-imħabba t’Alla, u l-offerta tiegħek tkun mogħġuba. Ara jien, jien offrejt ruħi kollni lill-Missier minħabba fik; jien lilek tajtek Ġismi u Demmi b’ikel tiegħek, biex inkun kollni tiegħek, u inti tibqa’ tiegħi. Imma jekk int tibqa’ marbut miegħek innifsek u ma terħix ruħek f’idejja kollok kemm int, l-offerta tiegħek ma tkunx sħiħa, u bejnietna ma tistax issir il-vera rabta.
Mela jekk int trid tkun tabilħaqq b’rajk f’idejk, jekk int trid ikollok fik il-ħniena tiegħi, jaħtieġlek qabel xejn tagħmel ebda ħaġa, terħi ruħek f’idejn Alla. Għalhekk ftit huma dawk li qalbhom hi mżejna bid-dawl tas-sema u maħlula mid-dinja: għaliex ma jafux jiċħdu għal kollox lilhom infushom. Kelma waħda ngħid jien, u ma narġax minnha lura: ‘’Min ma jixħetx kulma għandu wara spallejh, ma jistax ikun minn tax-xirka tiegħi.’’ Mela int, jekk tixtieq li tkun minn ta’ ma ‘ dwari, offri ruħek lili, bix-xewqat kollha ta’ qalbek.
KAP IX
Jaħtieġ noffru ruħna u kulma fina ‘l Alla u nitolbu għal kulħadd
IR-RUĦ
1.Sinjur, kulma jinsab fis-sema u l-art hu tiegħek; jien nixtieq noffri ruħi lilek minn qalbi, u nibqa’ tiegħek għal dejjem. Sinjur, b’qalbi marbuta biss miegħek, noffri ruħi llum lilek b’qaddej tiegħek għal dejjem, b’qima, b’sagrifiċċju ta’ tifħir li qatt ma għandu jaqta’. Int ilqagħha din l-offerta mqaddsa flimkien mal-Ġisem tiegħek; offerta, li llum qed nagħmillek quddiem l-Anġli li hawn jinsabu ma’ dwarek bla ma narahom, ħalli hi tkun b’ġid tiegħi u tal-poplu tiegħek kollu.
2. Sinjur fuq dan l-altar tas-sliem noffrilek il-ħażen u d-dnubiet tiegħi kollha, li għamilt quddiemek u quddiem l-Anġli mqaddsa tiegħek, u minn dik il-ġurnata li fiha dnibt l-ewwel darba sa dal-ħin: sabiex int taħraqhom u ttemmhom kollha bin-nar ta’ l-imħabba tiegħek; tneħħili t-tbajja’ kollha ta’ dnubieti; tnaddafli l-kuxjenza tiegħi minn kull dnub; tarġa’ tagħtini l-ħniena tiegħek, li bid-dnub jien tlift; taħfirli kollox u għall-ħniena tiegħek tilqagħni għall-bewsa tal-paċi.
3. X’nista’ nagħmel għal dnubieti, ħlief li bl-umilta kollha nqerrhom u nibkihom, u bla ma nehda nitolbok l’int taħfirhomli? Nitolbok li tismagħni bil-ħniena kif ninsab hawn quddiemek, o Alla tiegħi. Jisgħobbija minn qalbi għal dnubieti; le, ma nżidx nagħmilhom, imma nindem minnhom u nibqa’ nindem sakemm nibqa’ ħaj, pront biex nagħmel penitenza u nħallas għalihom sakemm ikolli nifs.
Aħfirli, Sinjur, aħfirhomli dnubieti f’ġieh l-Isem imqaddes tiegħek: salvali lil ruħi, li int fdejtha b’Demmek il-għażiż. Iva, nerħi ruħi fil-ħniena tiegħek, nitlaq ruħi f’idejk; agħmel minni skond ma tgħidlek it-tjieba u l-ħniena tiegħek, mhux kemm jitlob il-ħaqq għall-ħażen tiegħi.
4.Noffrilek ukoll il-ġid kollu li għamilt għalkemm hu ftit u ħaġa ta’ xejn, sabiex inti ssaffih u tqaddsu; sabiex ikun mogħġub quddiemek, ikun għal qalbek, u dejjem iġġibu għall-aħjar; billi lili, ħatba battala u li ma tiswa għal xejn, twassalni b’wiċċ il-ġid fit-tmiem tal-għomor tiegħi.
5.Noffrilek ukoll ix-xewqat devoti tar-rwieħ tajba; il-bżonnijiet ta’ qrabati, ta’ ħuti, ta’ ħbiebi, ta’ dawk kollha li jien nħobb; ta’ dawk li għall-imħabba tiegħek għamlu l-ġid lili u lil ħaddieħor; ta’ dawk kollha li xtiequ jew talbu li nitlob jew inqaddes għalihom u għall-bżonnijiet tagħhom, sew ħajjin, sew mejtin; sabiex lilhom kollha tgħinhom bil-grazzja tiegħek, thennihom bil-konsolazzjoni tiegħek, tħarishom mit-tiġrif u teħlishom mid-dwejjaq; u biex, kif tkun ħlisthom minn kull deni, jiżżukħajr bil-ferħ mill-qiegħ ta’ qalbhom.
6.Noffrilek ukoll it-talb tiegħi u din il-vittma tal-paċi, l-aktar għal dawk li weġġħuni, bekkewni, jew ħaqruni bi lsienhom jew li għamluli xi deni; għal dawk ukoll li jien xi darba bekkejthom, ħabbatthom, dejjaqthom jew tajthom skandlu bi kliemi u bl-egħmil sewwa kont naf bih, sewwa ma ntbaħtx, sabiex int taħfer lilna wkoll dnubietna u d-deni li għamilna lil xulxin.
Biegħed, Sinjur, minn qlubna l-ħsibijiet ħżiena fuq il-proxxmu, il-għadab, il-ġlied u dak kollu li jista’ jagħmel ħsara fl-imħabba u jnaqqas fl-imġiba t-tajba ta’ bejn l-aħwa. Ħenn, Sinjur, ħenn għalina li nitolbuk il-ħniena tiegħek; agħti l-grazzja tiegħek lil minn għandu bżonn; u agħmel li aħna ngħixu ħajja, li għaliha tisħoqqilna l-grazzja tiegħek u li nirbħu l-ħajja ta’ dejjem. Amen.
KAP X
Fuq li ma għandniex inħallu t-Tqarbin għal xejn b’xejn
ĠESU KRISTU
1.Għandek spiss tersaq lejn il-għajn tal-grazzja u tal-ħniena t’Alla, lejn il-għajn tat-tjieba u ta’ kull indafa, sabiex inti tfiq mill-passjonijiet u mid-drawwiet il-ħżiena tiegħek, u jkun jistħoqqlok li titqawwa dejjem aktar biex tkun taf tilqa’ lit-tentazzjonijiet kollha u lill-qerq tad-demonju. Il-għadu, billi jaf xi frott u x’qawwa kbira tinsab fit-Tqarbin imqaddes, sejjer idur u jfittex it-toroq kollha u jagħmel kemm jiflaħ biex lill-erwieħ it-tajba ibegħidhom mit-Tqarbin.
2.Għaliex uħud, waqt li jħejju ruħhom għat-Tqarbin imqaddes, isofru minn ġewwa tentazzjonijiet kbar mid-demonju, billi dan ir-ruħ tal-ħażen (kif jinsab miktub fil-ktieb ta’ Ġob), jindehes fost ulied Alla, iħawdilhom moħħhom biex, bil-qerq tiegħu, jara kif jimlielhom rashom bil-biża’ żejjed bil-fehma li b’daqshekk inaqqsilhom il-ħeġġa tagħhom jew itektilhom fuq il-fidi bit-tama li jberridhielhom, jew tal-anqas iġagħalhom iħallu t-Tqarbin għal kollox, jew jersqu jitqarbnu fuq qalbhom. Imma wieħed ma għandux jagħti kont ta’ dan il-qerq tiegħu, jew anqas tal-qżież u l-ħażen li jiġiblu quddiem għajnejh; anzi jmissu jxejjirlu għal rasu l-ħsibijiet kollha li jkun fesfislu. Xejn la tqisu u ibagħtu ‘l barra lid-demonju, imma t-Tqarbin imqaddes la tħallihx fuq daqshekk.
3.Drabi wkoll il-ħrara żejda biex wieħed-inissel id-devozzjoni f’qalbu, u l-ħafna taħbit ta’ moħħ fuq il-qrar, ibiegħdu mit-Tqarbin. Imma int imxi fuq il-parir tal-għorrief u ħallik minn dan-niket u minn dawk l-iskrupli, għax dawn ifixkluk u jtellfulek il-grazzja t’Alla, u jitfulek in-nar tar-ruħ. Għal daqsxejn ta’ ħsieb li jgħaddilek minn moħħok u għal skruplu ta’ xejn, la tħallix it-Tqarbin imqaddes: ersaq qerr bla telf ta’ żmien u aħfer minn qalbek lill-proxxmu tiegħek għal kulma naqsek; jekk imbagħad tkun għamiltlu d-deni int, itolbu maħfra bl-umilta, u Alla jaħfer lilek minnufih.
4.Issa x’tieħu billi tiddawwar żmien twil ma tersaq tqerr, jew tħalli t-Tqarbin mil-lum għal għada, x’sejjer tirbaħ? Issaffa mill-aktar fis mill-velenu li jtebbagħlek qalbek; fittex ħu d-duwa; u kif issib ruħek aħjar milli kieku toqgħod iddum. Jekk int illum ma tersaqx titqarben għal dil-ħaġa, għada forsi tiġrilek waħda akbar, u hekk għandek almu titbiegħed żmien twil mit-Tqarbin u dejjem aktar ruħek tibred.
Stenbah mill-aktar fis mill-għażż u mill-bruda li tinsab fihom; af li xejn ma jiswielek toqgħod tnikker qalbek u tħalli mil-lum għal għada u titbiegħed mill-ħwejjeġ t’Alla minħabba fit-tfixkil li kuljum tiltaqa’ magħhom. Taħbat wisq agħar jekk iddum ma titqarben; għax dan ma jistax iġiblek ħlief bruda u toqla kbira. Eh x’għama! X’uħud, ta’ qalbhom birda u ta’ ħajja laxka, bħalxejn iħallu l-qrar u jħallu mil-lum għal għada t-Tqarbin, biex bħalkieku ma jkunx jaħtiġilhom joqogħdu b’seba’ għajnejn fuqhom infushom.
5.Eh, jaħasra għalihom kemm għandhom ftit imħabba u kemm hi bierda d-devozzjoni ta’ dawk li għall-inqas ħaġa ta’ xejn jibqgħu ma jitqarbnux! X’hena jħoss f’qalbu u kemm hu mogħġub minn Alla dak il-bniedem li dejjem iqis igħix sewwa u jżomm il-kuxjenza tiegħu nadifa, biex imqar mixgħul dejjem bl- imħabba t’Alla, kuljum jersaq jitqarben, u jekk jista’ jkun bla ma jagħti f’għajnejn in-nies!
Imma niftiehmu; jekk wieħed xi darba jilħaq ma jersaqx jitqarben għall-umilta, jew għaliex jinqalagħlu xi għawġ li tabilħaqq ikun iżommu, dan ta’ min ifaħħru għall-qima li għandu lejn is-Sagrament; imma, imbagħad, jekk iħoss li b’daqshekk tibda tirkbu l-bruda, għandu jqis li jħeġġeġ lilu nnifsu, u jagħmel dak kollu li jista’ biex ma jitlifx it-Tqarbin u Alla jwettqu fix-xewqa tiegħu għaliex dan li Alla jixtieq.
6.Jekk imbagħad tabilħaqq wieħed ikollu x’iżommu li ma jitqarbinx, imma għandu xewqa kbira u fehma sħiħa li jitqarben ma jitlifx b’daqshekk il-ġid tas-Sagrament.
Kull min għandu kuxjenza tajba, jista’ kuljum u kull ħin jagħmel tqarbina spiritwali, u din ebda ħaġa ma tista’ ttellifhielu, u ġid kbir tagħmel fir-ruħ; imma mbagħad kultant, f’ċerti ġranet għandu jersaq b’qima u bi mħabba kbira jirċievi s-Sagrament tal-Ġisem tar-Redentur tiegħu, u mingħalih aktar ifittex li jfaħħar u jagħti ġieh ‘l Alla milli l-hena ta’ qalbu.
U hemm ħaġ‘oħra: kemm-il darba n-nisrani joqgħod jaħseb bid-devozzjoni fuq il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ Kristu u fuq il-Passjoni tiegħu u jħeġġeġ qalbu bl-imħabba lejh, ikun qiegħed jagħmel Tqarbina spiritwali, u ruħu dejjem aktar titħeġġeġ bl-imħabba t’Alla.
7.Imma min iħejji ruħu għat-Tqarbin biss meta tkun t-tali festa, jew għax hu mdorri jitqarben it-tali ġurnata, aktarx ma jkunx iħejji ruħu tajjeb. Imbierek min joffri ruħu ‘l Alla b’vittma ta’ kull darba li jqaddes, jew jersaq jitqarben.
Fil-Quddiesa. U la għandek tkun twil wisq, anqas imgħaġġel iżżejjed: int agħmel bħalma jagħmlu l-biċċa l-kbira tas-Saċerdoti li qed tgħix magħhom. Ma għandekx iddejjaq u xxabba’ lil ħadd; imma imxi fit-triq li fiha mxew ta’ qalbek; u aktar għandek tfittex li tkun ta’ ġid lill-proxxmu jew li tikkuntenta d-devozzjoni tiegħek u l-imħabba ta’ qalbek..
KAP XI
Ruħ in-Nisrani ma tgħaddix mingħajr il-ġisem ta’ Kristu u mingħajr il-Kotba Mqaddsa
IR-RUĦ
1.O Sinjur Ġesu tiegħi kollok ħlewwa kemm hu kbir il-hena ta’ dik ir-ruħ devota li tersaq miegħek fuq il-mejda tiegħek fejn l-ikel tagħha m’hux ħaġ‘oħra ħlief inti stess, il-maħbub tagħha, li hi l-aktar xewqa fuq ix-xewqat kollha ta’ qalbha! Oh! Li kont nista’, bħall-Maddalena, kollha mħeġġa bl-imħabba lejk, inxerred id-dmugħ mill-qiegħ ta’ qalbi quddiemek u bħalha naħsel riġlejk bid-dmugħ tiegħi! Imma fejnha did-devozzjoni! U mnejn inġibu dan id-dmugħ imqaddes? U frattant quddiemek u quddiem l-Anġli mqaddsa tiegħek, qalbi kien imissha tixgħel kollha bl-imħabba, u tibki bil-ferħ, la darba jien għandi lilek tabilħaqq quddiemi fis-Sagrament imqaddes, għalkemm mistur taħt xbieha oħra.
2.U kif sata’ qatt kien xort’oħra? Għaliex kieku għajnejja ma jifilħux iħarsu lejk imdawwar kif int b’dik id-dija tiegħek u d-dinja kollha kemm hi ma kinitx tista’ tibqa’ wieqfa bid-dija tal-kobor tiegħek! Meta int mela tinsatar fis-Sagrament, int tagħmlu għaliex iġġib quddiem għajnejk ix-xejn tiegħi.
Jiena għandi quddiemi u nagħti qima lil Dak li l-Anġli jadurawh fis-sema; imma, jien bħalissa bil-fidi, u huma wiċċ imbwiċċ u bla mistur. Jien jaħtieġli nitfarraġ bid-dawl ta’ fidi ħajja sakemm għad jiddi fuqi l-jum tad-dawl ta’ dejjem, u jkun għadda għalija żmien it-tixbihat. Għaliex meta mbagħad nasal f’dan l-istat li xejn ma jkun jonqosni, anqas ma jkun hemm iżjed is-Sagramenti; billi l-Beati, fil-glorja tas-smewwiet, ma taħtiġihomx aktar il-għajnuna tas-Sagramenti. Mogħnijin bil-preżenża t’Alla, huma jgawdu bla ma jehdew u jitgħaxxqu bil-glorja tiegħu wiċċ imbwiċċ; u għaddejjjin minn foħrija għal foħrija, sakemm jilħqu l-kobor t’Alla bla tarf; u jiġu mibdulin fih għal kollox u jgawdu l-Verb t’Alla magħmul bniedem, kif kien mill-bidu u kif jibqa’ għala dejjem.
3.Meta niftakar f’dawn l-egħġubijiet is-sabar stess li inti bih tagħni lil ruħi, ebda hena ma jħallili; għax sakemm ma narax bla għamad lis-Sinjur fil-glorja tiegħu, xejn ma nqisu dak kollu li nara u nisma’ fid-dinja. Int tixhidli, o Alla tiegħi, li ebda ħaġa ma tista’ thennini, ebda ħolqien ma jista’ jagħtini s-sabar tiegħi, ħadd ħlief int, Alla tiegħi, li nixtieq nitgħaxxaq bik għala dejjem. Imma dment li nibqa’ fuq din l-art, dan ma jistax iseħħ fija.
Jaħtieġli mela nwettaq din ruħi bl-aqwa sabar u f’kulma tixtieq int minni, noqgħod għalih kif jogħġob lilek. Għaldaqshekk il-Qaddisin tiegħek li jinsabu llum fil-hena miegħek fis-saltna tas-smewwiet, f’ħajjithom kienu jistennew il-miġja tal-glorja tiegħek bl-aqwa b’fidi tas-smewwiet, f’ħajjithom kienu jistennew il-miġja tal-glorja tiegħek bl-aqwa b’fidi u tama sħiħa. Dak li huma kienu jemmnu, jiena nemmnu, dak li huma kienu jittamaw fih jiena nitma fih; fejn waslu huma, għandi tama jiena wkoll li nasal. U fil-waqt, jien nimxi mimli bil-fidi, mwettaq bl-eżempju tal-Qaddisin. Għandi wkoll il-Kotba Mqaddsa biex ihennuli qalbi, u jgħallmuni kif għandi ngħix; u fuq kollox, għandi l-Ġisem imqaddes tiegħek, bħala duwa tiegħi u faraġ tiegħi.
4.Għaliex jien nara tabilħaqq li tnejn huma fuq kollox il-ħwejjeġ li l-aktar lili jinħtiġuli f’din il-ħajja, u li mingħarhom ma nistax ingħaddi f’din il-ħajja kollha taħbit. Miżmum kif ninsab ġewwa l-ħabs tal-ġisem, nistqarr li jien għandi bżonn ta’ żewġ ħwejjeġ: ikel u dawl. Bħala marid li jien, tajtni l-Ġisem imqaddes tiegħek, biex bih inpaxxi r-ruħ tiegħi u ‘l ġismi; u tajtni wkoll il-kelma tiegħek: biex tkun dawl li jmexxi r-riġlejn tiegħi.
Mingħajrhom dawn it-tnejn, ma nafx kif kont nista’ ngħix’ għax il-Kelma t’Alla hi d-dawl ta’ ruħi, u s-Sagrament tiegħek il-ħobż tal-ħajja. Dawn nista; nsejħilhom ukoll iż-żewġ imwejjed imqegħdin waħda hawn u oħra hemm fit-teżor tal-Knisja Mqaddsa tiegħek. Il-waħda hi l-mejda ta’ l-Altar imqaddes, bil-ħobż imqaddes fuqha, jiġifieri l-Ġisem għażiż ta’ Kristu; l-oħra hi l-mejda tal-Liġi t’Alla, li fiha jinsab miġbur it-tagħlim imqaddes, li tgħallem li għandna nemmnu u li jwassalna, bl-ebda biża’ li nintilfu, il ġewwa mill-velu fejn jinsab mistur il-Qaddis tal-Qaddisin.
5.Niżżikħajr, mela, Mulejja Ġesu tiegħi, dawl tad-dawl etern, li għoġbok tħejjilna l-mejda tat-tagħlim imqaddes tiegħek, bil-fomm tal-qaddejja tiegħek, il-Profeti, l-Appostli u l-Għorrief l-oħra.
Niżżikħajr ukoll int li ħlaqt u fdejt il-bnedmin, li biex turi lid-dinja kollha l-imħabba tiegħek, ħejjejt ċena kbira fejn mhux ix-xbieha ta’ ħaruf tal-Liġi l-qadima, imma l-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħek int ħejjejt għall-ikel tagħna. F’din l-istedina mqaddsa, int thenni l-imseddqin kollha u tfarraġhom bil-kalċi tal-fidwa tagħhom, fiha jinsabu t-thennijiet kollha tal-Ġenna, u fejn l-Anġli imqaddsin jitpaxxew ukoll magħna (għal kemm bħala erwieħ) u jħossu hena wisq aqwa.
6.Kemm hi kbira u ta’ l-aqwa għożża d-dinjita tas-Saċerdoti, li għandhom ix-xorti jikkonsagraw bi kliem imqaddes ‘l Alla ta’ l-aqwa Maesta, u li jbirkuh b’xufftejhom u jżommuh b’idejhom u jilqgħuh ġewwa l-fomm tagħhom, u li jqassmuh lill-oħrajn! Kemm għandu tassew ikun safi dak il-fomm, kemm għandu jkun qaddis dak il-ġisem, kemm tassew trid tkun bla tebgħa l-qalb tas-Saċerdot li fiha jidħol tant drabi Dak li hu Alla ta’ l-indafa! Mill-fomm tas-Saċerdot, li hekk spiss jirċievi s-Sagrament ta’ Kristu, ma jixraqx li toħroġ kelma li ma tkunx tal-qdusija, ma għandux jinstama’ ħlief kliem tal-ġid tar-ruħ.
7.Għajnejn is-Saċerdot, li kuljum iħarsu lejn il-Ġisem ta’ Kristu, iridu jkunu bla tebgħa u kollhom ġabra; u dawk idejh li ta’ kuljum igħannqu lil Dak li ħalaq is-sema u l-art, indaf, u merfugħin lejn is-sema. Għalihom is-Saċerdot l-aktar li ntqalu dawn il-kelmiet tal-Liġi (fil-Levitiku): ‘’Kunu qaddisin, għax jien, il-Mulej Alla tagħkom , jien qaddis.’’
8.Għinna, Mulejja li tista’ kollox, bil-grazzja tiegħek: biex, kif ġejna mgħollijin fil-grad ta’ Saċerdoti, inkunu nistgħu, kif jixraqlek, inservuk bil-qima kollha, b’qalb safja u b’kuxjenza tajba. U jekk ma nistgħux ingħaddu ħajjitna f’dik l-innoċenza, f’dik l-indafa li jmissna, agħtina grazzja għall-inqas li nibku d-dnubiet li waqajna fihom u li r-ruħ tagħna tilbes l-umilta u żżomm qawwi fil-fehma t-tajba, biex għal li ġej aktar naqduk bil-ħrara.
KAP XII
B’liema ħrara għandu wieħed iħejji ruħu għat-Tqarbin
ĠESU KRISTU
1.Jiena nħobb l-indafa, jiena li nagħti kull qdusija. Jiena nfittex qalb safja u fiha nħoss ruħi fil-mistrieħ tiegħi. Ħejjili għall-ikel sala kbira u sabiħa, ħalli nagħmel il-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi. Jekk tridni niġi għandek, u nibqa’ għandek, neħħi l-ħmira l-qadima u naddaf l-agħmara ta’ qalbek. Keċċi minnha l-ħwejjeġ tad-dinja, tħallix vizzjijiet jieħdu r-riħ fuqha, oqgħod fuq il-bejt bħal għasfur waħdu, u fl-imrar ta’ qalbek ġib quddiem għajnejk il-ħażen ta’ qalbek. Kull minn iħobb, isib iħejji l-aħjar u l-isbaħ kamra għal dak li hu jħobb, għax hawn tidher l-imħabba ta’ dak li jkun sa jilqa’ l-maħbub tiegħu.
2.. Kun af, iżda, li minnek innifsek ma tistax tħejji ruħek sewwa, avolja ddum tħejji ruħek sena sħiħa, u ma taħsibx fi ħwejjeġ oħra ħlief fija. Il-ħniena u l-grazzja tiegħi huma dawk li jħalluk tersaq lejn il-mejda tiegħi; bħalkieku wieħed fqir jiġi b’ħaġa oħra ħlief billi jumilja ruħu u jirringrazzjah. Agħmel dak li tista’ tagħmel u agħmlu bil-ħrara; u l-Ġisem tal-maħbub Sinjur u Alla tiegħek, li ndenja ruħu jiġi għandek, ilqgħu mhux għax ikun wasal iż-żmien, jew għax għal xi ħaġa, ikun jaħtieġlek titqarben; imma ilqgħu bil-biża’, bil-qima u bl-imħabba. Jien hu li sejjaaħtlek, jien li rridek titqarben; dak li hu nieqes fik inkomplih jien: ejja u ilqagħni f’qalbek.
3. Meta nagħnik bil-grazzja tad-devozzjoni f’qalbek, irringrazzja lil Alla tiegħek; dan inkun għamiltu mhux għax ikun ħaqqek, imma għax inkun ħennejt għalik. Jekk ma tħossokx titħeġġeġ imma tħossok bħal biered, kun aktar ilħiħ fit-talb, u ħabbat il-bieb; u la tiskotx sa qabel ma taqla’ farka jew qatra waħda mill-grazzja tal-ġenna; int għandek bżonni, mhux jien naħtieġlek. U anqas ġejt biex tqaddisni, imma jien ġejt biex inqaddsek, u nagħmlek aħjar. Inti tiġi għandi biex minni tkun imqaddes u tingħaqad miegħi; biex taqla’ grazzja ġdida, u biex tinxegħel mill-ġdid bil-ħrara li tbiddel ħajtek. Agħraf għożżha din il-grazzja: ħejji ruħek mill-aħjar li tista’, u ilqa’ fiha lill-Maħbub tiegħek.
4. Hemm bżonn iżda, mhux biss li int tħeġġeġ qalbek bl-imħabba qabel it-Tqarbin, imma wkoll li inti li żżommha ħajja wara li tkun irċevejt is-Sagrament; u daqskemm hemm bżonn li tħejji ruħek minn qabel bid-devozzjoni, daqstant ieħor jaħtieġlek tibża’ għal din il-grazzja. Meta wieħed jagħraf igħożż din il-grazzja, ikun qiegħed iħejji t-triq, biex ‘il quddiem jaqla’ grazzja akbar.
Min wara li jitqarben, jarġa jagħti ruħu għall-frugħa tad-dinja, jitlef kulma għamel. Int oqgħod sieket, inġabar fil-kwiet, u tpaxxa b’Alla tiegħek; għaliex meta għandek lil Dak li d-dinja kollha ma tistax teħodhulek, x’jonqsok? Lili int imissek tagħti ruħek għal kollox; imma b’mod li għal li ġej tgħix mhux fik, imma fija, bla ma tfittex xejn aktar lilek innifsek.
KAP XIII
Irruħ devota, fis-Sagrament tat-Tqarbin, għandha tfittex b’qalbha kollha li tirtabat ma’ Kristu.
R-RUĦ
1.Oh, li kont nista’ Sinjur, insib lilek waħdek, u miegħek qalbi kollha u ngawdik, daqskemm tixtieq ruħi u b’hekk ebda ħadd ma jkun jista’ jmerini, u ebda ħaġa maħluqa ma tkun tista’ tqanqalli qalbi u tixħet għajnejha fuqi; imma int biss tkun tkellimni u jien inkellem lilek biss, kif il-maħbub jitħaddet mal-maħbuba tiegħu u kif il-ħabib igħix qalb waħda mal-ħabib tiegħu!
Dan nitlob, dan nixtieq, li nkun ħaġa waħda miegħek; li noftom qalbi mill-ħlejjaq kollha, u li bit-Tqarbin Imqaddes u bil-Quddies ta’ kuljum nitgħallem intiegħem il-ħwejjeġ tas-sema u ta’ dejjem. Eh, Sinjur Alla tiegħi, meta sejjer ninsa għal kollox lili nnifsi, u li nkun imgħannaq miegħek u mitluf fil-kobor tiegħek? Inti fija u jiena fik, iva, Mulejja Alla tiegħi, agħmel li aħna nkunu ħaġa waħda.
2.Iva: int il-maħbub tiegħi, li tingħaraf fost l-eluf, int li ruħi tixtieq tgħammar fik matul il-ħajja kollha. Iva: int il-għaxqa tiegħi, għax fik insib is-sabar tiegħi, int fuq kollox u l-veru mistrieħ tiegħi; u barra minnek kollox hu tbatija, għali u miżerja bla tarf. Iva: int tabilħaqq Alla moħbi: int mal-ħżiena ma għandekx x’taqsam; u l-kliem tiegħek ma’ l-umli u ma’ ta’ qalbhom safja.
Kemm tabilħaqq hi ħelwa, Sinjur, ir-Ruħ tiegħek, li biex turi l-imħabba tiegħek lejn uliedek, int tpaxxihom bil-ħobż tal-ħajja nieżel mis-Sema! Għaliex, liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat qrib lejh, bħalma hu l-Mulej, Alla tagħna, kull meta nsejħulu? (Dewteronomju IV, 7) li, sabiex kuljum thennihom u terfħalhom qalbhom lejn is-sema, tagħtihom lilek innifsek b’ikel u b’faraġ tagħhom?
3.Fejn insib poplu ieħor tant ixxurtjat bħalna l-Insara? Jew liema hi l-kreatura mis-sema ‘l isfel, tant maħbuba mn’Alla bħar-ruħ devota, li tilqa’ ġewwa fiha ‘l Alla, biex ipaxxiha bil-Ġisem glorjuż tiegħu? O grazzja, li ebda lsien ma jista’ qatt ifissirha! O umilta tal-għaġeb! O mħabba bla tarf, mogħtija biss lill-bniedem!
Imma x’nagħtih lis-Sinjur tiegħi għal grazzja bħal din, għal imħabba tant kbira? Ma nistax nagħmel ħaġ‘oħra li biha jieħu gost, daqs li nagħti qalbi kollha kemm hi lil Alla tiegħi, u ngħaqqadha ma’ tiegħu. Hemm qalbi ttir bil-ferħ meta ruħi tkun marbuta sewwa m’Alla: u Alla jgħidli: ‘’Jekk inti trid toqgħod miegħi, jiena inkun miegħek: għaliex ma nixtieqx ħaġa oħra ħlief li qalbi tkun ħaġa waħda miegħek.’’
KAP XIV
B’liema ħeġġa ta’ mħabba xi erwieħ devoti jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu
IR-RUĦ
1.Kemm hi kbira, Mulejja, dik ħnientek, li int taħżen għal dawk li għandhom il-beżgħa tiegħek. Meta niftakar f’dawk ir-rwieħ devoti, li jersqu lejn is-Sagrament tiegħek, Sinjur, bi ħrara mixgħula, bi mħabba kbira kbira, kemm tassew inħossni nitħawwad ġewwa fija u nistħi minni nnifsi! Narani nersaq lejn l-altar tiegħek u lejn il-mejda tat-Tqarbin imqaddes kollni bruda miegħi, b’din qalbi samma bla xejn ma titħeġġeġ; bla xejn ma ninxegħel kollni kemm jien bl-imħabba quddiemek, o Alla tiegħi, bla ma nħoss x’imissli qalbi u jiġbidni lejk, bħalma jiġrilhom bosta erwieħ tajba, li bix-xewqa kbira tat-Tqarbin, u bin-nar ta’ l-imħabba li jħossu f’qalbhom, ma jistgħux iżommu d-dmugħ. B’qalbhom u ruħhom ilebilbu għalik, o Alla, għajn tal-ħajja u kollok ħlewwa, u ma jistgħux isikktu u jxebbgħu l-ġuh tagħhom xort’oħra, ħlief billi jirċievu l-Ġisem tiegħek, għaliex bħal ġenn ta’ ferħ u regħba mqaddsa jħossu fihom ta’ mħabba għalik!
2.Kemm tabilħaqq hi mixgħula l-fidi tagħhom! Tarahom hekk, aktar tħossok tikber fik il-fidi li inti tinsab tabilħaqq fis-Sagrament imqaddes! Dawn, iva, iħossuh ġo qalbhom lis-Sinjur tagħhom f’dan il-ħobż li jinkiser u jitqassam lill-fidili. Li ma kinux iħossuh magħhom, kif kienet tkun qalbhom hekk mixgħula b’Ġesu qisu miexi ma’ ġenbhom?
Imħabba u devozzjoni bħal din, ġibda tant qawwija u ħrara tant mixgħula, huma bgħid, wisq bgħid minni. Ikollok mela ħniena minni, ħanin Ġesu, kollok ħlewwa u karita, u agħti grazzja lil dan il-qaddej fqajjar tiegħek li fit-Tqarbin imqaddes hi jħoss imqar kultant u daqsxejn waħda minn din il-ħlewwa qawwija ta’ l-imħabba tiegħek; sabiex il-fidi tiegħi aktar titwettaq, tikber it-tama tiegħi fit-tjieba tiegħek; u l-imħabba, imbagħad, la darba tilħaq tixgħel u dduq il-manna tas-smewwiet, ma tintefa qatt iżjed fija.
3.Għall-ħniena tiegħek, Ġesu, agħtihieli, nitolbok b’qalbi kollha, din il-grazzja li nixtieq li għad tasal il-ġurnata li togħġob lilek li tħeġġiġli ruħi bin-nar ta’ l-imħabba tiegħek. Għaliex għalkemm m’jiniex mixħul b’dik ix-xewqa tant qawwija ta’ dawn il-kbar u devoti servi tiegħek, għall-ħniena tiegħek nixtieq li jkolli din ix-xewqa tant qawwija u mħeġġa, biex ‘il quddiem nista’ jkolli sehem ma’ dawn il-ħbieb tiegħek, kollhom imħabba lejk u għad inkun wieħed fosthom.
KAP XI
Il-grazzja tad-devozzjoni tirtebah bl-umilta u billi wieħed jiċħad lilu nnifsu
ĠESU KRISTU
1.Il-grazzja tad-devozzjoni jaħtieġlek tfittixha b’leħħa kbira, titlobah bil-ħrara, tistennieha bil-paċenzja u bit-tama, tilqagħha bil-ferħ, tibża’ għaliha bl-umilta, tinqeda biha bil-għaqal, u tħalli f’idejn Alla ħa jzurek hu meta jrid u kif jidhirlu. Jaħtieġlek li int tiċċekken l-aktar meta tħoss ġewwa fik devozzjoni bierda jew mejta, imma mhux imbagħad li taqta’ qalbek u tagħmel ruħek b’mitluf. Bosta drabi Alla jagħti f’ħin wieħed dak li hu jkun ilu jiċħadlek żmien twil; u xi drabi wkoll jagħti fl-aħħar tat-talb dak li hu ma kienx ried jisimgħu għall-ewwel.
2.Li l-grazzja kienet tingħata dejjem malajr u ma’ l-ewwel talba., kieku l-bniedem, ta’ saħħa hekk ċkejkna, ma jiflaħx għaliha, u għalhekk in-nisrani għandu jistennieha bis-sabar, u jittamaha bl-umilta. U int, meta Alla ma jtihilekx, jew jeħodhielek bil-moħbi, agħti l-ħtija lilek innifsek u lil dnubietek. Drabi ħaġa ta’ xejn tkun qiegħda ttelfek jew tfixkel il-grazzja jekk tista’ tissejjaħ ħaġa ta’ xejn dik li ttellfek ħaġa tant kbira. Int imbagħad, jekk jirnexxilek li tagħleb u tirbaħ għal kollox din il-ħaġa ċkejkna jew kbira li tkun, tibqa’ sa taqla’ li tkun tlabt u xtaqt b’qalbek kollha.
3.Malli inti tagħti ruħek lil Alla b’qalbek kollha u ma tfittixx x’jogħġob lilek u ma jogħġobx, anzi terħi, ruħek f’idejh għal kollox, issibek imgħannaq miegħu, u tħoss f’qalbek il-vera paċi; għax ebda ħaġa ma tkun tagħtik gost, daqs li tagħmel dak li jogħġob ‘l Alla. Kull min mela, b’qalb safja, jarfa’ l-ħsibijiet tiegħu lejn Alla b’mod illi u la jirtabat żejjed jew anqas ma jistmerr ebda ħaġa maħluqa, dan ikun iħejji ruħu, biex jilqa’ fih il-grazzja, u jistħoqqlu li Alla jagħtih id-don tad-devozzjoni. Għax Alla jsawweb il-barka tiegħu f’dawk il-qlub li ma jsibhomx mimlijin b’ħaġa oħra; u aktar ma wieħed jixħet wara spallejh il-ħwejjeġ tad-dinja u jmut għalih innifsu billi ma jagħtix kont tiegħu innifsu, aktar il-grazzja tiġih malajr, aktar timlielu qalbu bl-abbundanza, u tgħollihielu ‘l fuq minħabba s-safa tagħha.
4.Hemm il-bniedem iħoss fih innifsu l-milja ta’ kull ġid, u qalbu tkun f’siktha titwassa’ ġewwa fih, għaliex id Alla tkun miegħu la darba hu jkun telaq ruħu għal kollox f’idejh, u għala dejjem. Hekk il-barka t’Alla tinżel fuq il-bniedem li jfittex ‘l Alla b’qalbu kollha, u ruħu ma jirċevihiex għal xejn. U għalhekk, meta jilqa’ f’qalbu l-Ewkaristija mqaddsa, ikun jistieden il-grazzja biex tingħaqad miegħu; għaliex ma jfittixx li qalbu tixgħel bid-devozzjoni biex fiha jsib il-hena tiegħu, daqskemm bil-fehma li jagħti ġieh u glorja ‘l Alla.
KAP XVI
Fuq li għandna niftħu qalbna m’Alla għal li jaħtiġilna, u nitolbuh jagħtina l-grazzja
IR-RUĦ
1.O Sinjur tiegħi, kollok ħlewwa u mħabba, kemm nixtieq bi ħrara kbira jien nilqgħek f’qalbi! Int taf il-mard tiegħi u l-bżonnijiet li għandi; inti taf f’liema ħsara u f’liema vizzjijiet ninsab mixħut, u kif ta’ sikwit ninsab taħt it-toqol tat-tentazzjonijiet u mkagħbar u mkasbar bi dnubieti! Quddiemek jien ninxteħet biex nitolbok tfejjaqni u ssabbarni u twiżinni. Hemm tajjeb li qed nitkellem ma’ min jaf kollox, ma’ min qiegħed jara x’għandi ġewwa qalbi, u jista’ jsabbarni darba għal dejjem u jgħinni. Inti taf liema huma l-ħwejjeġ li aktar jaħtieġuli u kemm jien nieqes mill-virtu.
2.Ħares lejja, Sinjur, arani kif ninsab quddiemek fqir u fil-għera tiegħi; ġejt nitolbok il-ħniena tiegħek bid-dmugħ f’għajnejja. Xabba’ l-ġuħ ta’ dal-fqajjar tiegħek; kebbes il-bruda tiegħi bin-nar ta’ l-imħabba tiegħek; agħti d-dawl lill-għama tiegħi bid-dija tal-preżenza tiegħek. Biddilli l-ħwejjeġ kollha tad-dinja fi mrar; għallimni nieħu paċenzja b’kull għawġ u bis-slaleb, u li nixħet taħt riġlejja u ninsa għal kollox il-ħwejjeġ ta’ din l-art. Erfagħli qalbi lejn is-Sema, u la terħilix niġġiera mad-dinja. Agħmel li minn dal-ħin sal-aħħar taż-żminijiet jien fik biss insib il-għaxqa tiegħi; għax int waħdek int l-ikel u x-xorb tiegħi, l-imħabba u l-hena tiegħi, il-ħlewwa u l-ġid tiegħi.
3.Mhux li, jaħasra, Mulejja Alla tiegħi, int kont tkebbisni kollni kemm jien bil-preżenza tiegħek u ttemmni u tbiddilni fik; ħalli nsir ruħ waħda miegħek, bir-rabta qawwija tal-grazzja u bil-ħeġġa tan-nar ta’ l-imħabba tiegħek.
La tħallinix nitbiegħed minn quddiemek bil-ġuh u bil-għatx imma jkollok ħniena minni., kif bosta drabi b’idejk miftuħa ħennejt għall-Qaddisin tiegħek. X’għaġeb jekk jien nikbes kollni kemm jien bin-nar tiegħek u mmut għalija nnifsi, la darba inti nar li qatt ma jintefa, imħabba li ssaffi l-qlub u li tagħti d-dawl lid-dehen?
KAP XVII
B’liema mħabba u ħrara għandna nilqgħu lil Ġesu f-sidirna
IR-RUĦ
1.Nixtieq, Mulejja, nilqgħek b’devozzjoni kbira u bi mħabba mixgħula, bil-ġibda u l-ħrara kollha ta’ qalbi, bħalma xtiequ jilħqugħuk fit-Tqarbin tagħhom bosta Qaddisin u erwieħ tajba, li għexu għal qalbek bi qdusija l-aktar kbira, kollhom imħeġġin bl-imħabba. O Alla tiegħi, imħabba ta’ dejjem, l-aqwa ġid tiegħi, hena bla tarf; nixtieq nilqgħek f’qalbi b’dik ix-xewqa tant qawwija, b’dik il-qima tant umli, li qatt kellu jew sata’ jkollu kull wieħed mill-Qaddisin tiegħek.
2.U għalkemm ma tistħoqllix dik il-ġibda kollha ta’ devozzjoni, noffrilek l-imħabba kollha ta’ qalbi, bħalikieku dawk ix-xewqat mixgħula u ħelwin tal-qaddisin kienu kollha mnisslin f’qalbi. Anzi dak kollu qaddisin kienu kollha mnisslin f’qalbi . Anzi dak kollu li tista’ tħoss u tixtieq ruħ tajba, noffrih lilek b’qima kbira u bi ħrara l-aktar qawwija. Għalija ma rrid inżomm xejn; imma lili nnifsi u kulma għandi nitilqu bil-qalb u bil-ferħa f’idejk.
Mulejja, Alla tiegħi, Kreatur u Feddej tiegħi, nixtieq illum nirċevik b’dik il-ħrara u qima, tifħir u ġeih; b’dik il-ferħa, umilta u mħabba; b’dik il-fidi, tama u ndafa, li biha rċevietek u xtaqitek l-Omm imqaddsa tiegħek, il-glorjuża Verġni Marija, meta lill-Anġlu li ġibilha l-bxara tal-għaġeb tal-misterju ta’ l-Inkarnazzjoni weġbitu minnufih bl-umilta u bid-devozjoni: ‘’Jiena l-qaddejja t’Alla: ikun minni skond kelmtek.’’
3.U kif l-imqaddes Prekursur tiegħek, il-kbir fost il-Qaddisin Ġwann Battista, quddiem il-preżenża tiegħek qabeż bil-ferħ ta’ l-Ispirtu Santu waqt li kien għadu fil-ġuf t’ommu; u ‘l quddiem, meta ltaqa’ ma’ Ġesu jimxi mal-bnedmin, b’umilta kbira, u mkebbes bl-imħabba, infexx igħid: ‘’Il-ħabib tal-Għarus, li jkun miegħu u jisimgħu, jimtela bil-ferħ, x’ħin jisma’ l-leħen tal-Għarus.’’ Hekk jien ukoll nixtieq nixgħel b’xewqat kbar u mqaddsa, u nersaq quddiemek b’qalbi mħeġġa bl-imħabba. U għalhekk noffrilek il-ferħ tal-qalb ta’ l-erwieħ it-tajba kollha, l-imħabba mixgħula tagħhom, l-estasi tagħhom, id-dawl tar-ruħ li għandhom mis-sema; flimkien mad-doni kollha u l-virtujiet li bihom mogħnijin minnek, u l-qdusija u t-tifħir li jistgħu jroddulek il-ħelejjaq kollha fis-sema u fl-art: u noffrihomlok għalija u għal dawk kollha li jixtiquni niftakar fihom fit-talb tiegħi, biex hekk int tkun imfaħħar u imweġġeh kif jixraqlek issa u għal dejjem mill-bnedmin kollha.
4.Ilqa’, Mulejja, Alla tiegħi, dawn ix-xewqat tiegħi, u l-fehma tiegħi, u l-fehma tiegħi li nfaħħrek u nbierkek kif jixraqlek għall-kobor tiegħek bla tarf, li ħadd ma jista’ jfissru. Dan iroddhulek u nixtieq inroddlok ta’ kuljum u ta’ kull ħin; u nitlob b’ħilti u bil-ħeġġa kollha ta’ qalbi u nħajjar l-erwieħ kollha tas-sema u l-imseddqin tiegħek kollha biex lilek jiżżuħajr u jfaħħruk miegħi.
5.Ħalli jfaħħruk mela n-nies tad-dinja kollha, u l-ġnus u l-ilsna kollha, u jgħollu b’ferħ kbir u bl-aqwa mħabba l-isem imqaddes tiegħek bil-qima u d-devozzjoni kollha; u jfaħħru s-Sagrament kbir tiegħek, u jirċevuh b’fidi ħajja, u jaqilgħu minn għandek il-grazzja u l-ħniena, u jkun ta’ ġid għalija, imsejken ta’ midneb; agħmel li meta huma jkunu tbiegħdu mill-mejda mqaddsa tiegħek mixgħulin b’dik l-imħabba tas-sema, u marbutin b’rabta ħelwa miegħek, imwettqin bil-hena ta’ qdusitek wara t-Tqarbin tagħhom, jiftakru wkoll fil-faqar ta’ l-imsejkna ruħ tiegħi.
KAP XVIII
Aktar jaħbatlu lin-nisrani jimxi wara Kristu b’fidi ħajja, milli joqgħod jistħarreġ fuq dan is-Sagrament
ĠESU KRISTU
1..La toqgħodx tistħarreġ fuq dan is-Sagrament hekk għoli li ma ssibx ruħek imħawwad u rasek bħal xejn tisħon: min jilħaq miegħu? Igħid Salamun: ‘’Min l-għoli jfittex, jaħtieġlu bit-tagħbija jitqanna.’’ Jistax Alla jagħmel egħġubijiet, aktar milli l-bniedem jista’ qatt jifhimhom? Min jixtieq jitgħallem is-sewwa, ħaġa tajba li jistħarreġ bl-umilta kollha, imma jrid jagħmlu bil-fehma li jitgħallem, u jrid jimxi fuq il-Għorrief tal-Knisja.
2.Imberkin dawk l-erwieħ tajba li ma joqogħdux jitlewmu fuq il-ħwejjeġ tqal tal-fidi, imma jimxu mat-triq watja u soda tal-kmandament t’Alla! Kemm u kemm uħud tilfu d-devozzjoni għax riedu jistħarrġu fuq xi Misterji t’Alla! Alla tafx x’jitlob minnek? Il-fidi u l-ħajja tajba; mhux li jkollok għerf jew li tifhem il-għoli tal-misterji t’Alla. Jekk int ma tistax tifhem dak li hu ‘l isfel minnek, kif tista’ tifhem dak li hu ogħla minnek? Obdi ‘l Alla u umilja s-sensi tiegħek lejn il-fidi; u Alla, tibżax, jagħtik id-dawl tal-għerf daqs kemm ikun jaħtieġlek.
3.Issib drabi xi nisrani ttantat bl-ikreh fuq il-fidi u fuq is-Sagrament: issa billi? Dan ma jkunx ġej minnu, imma mill-għadu. Il-ħsibijiet li jilħqu jgħaddulek minn moħħok xejn la tagħti kashom, itlaqhom, la toqgħodx tissielet magħhom; u jekk id-demonju jibda jberrinlek xi ħaġa fuq hekk, xejn la tqisu; iżda emmen il-kelma t’Alla, emmen il-Qaddisin tiegħu u l-Profeti; u l-għadu jaħrab minnek bil-ħażen tiegħu. Aktarx ġid ikun għal dik ir-ruħ li ssofri dawn id-dwejjaq; għaliex id-demonju xejn ma għandu x’iridhom lill-midinbin u n-nies il-ħżiena, għax huma ġa tiegħu. waqt li lill-imseddqin u lir-rwieħ tajba jittantahom u ma jagħtihomx nifs.
4.Emmen mela b’fidi sħiħa u qawwija, u ersaq lejn is-Sagrament bil-qima kollha ta’ qalbek; u dak li ma tistax tifhem agħlaq għajnejk u erħilu f’idejn Alla. Alla ma jqarraqx bik: jitqarraq iva dak li jemmen wisq fih innifsu. Alla jimxi mal-bniedem ta’ qalb safja, juri ruħu lill-umli, jagħti l-għerf liż-żgħar, jagħti d-dawl lil ta’ qalbhom safja; u jaħbi l-grazzja tiegħu lill-kurjużi u lil dawk li huma mimlijin bihom infushom. Id-dehen tal-bniedem ftit iwassal, u bħalxejn jitqarraq; iżda l-fidi ħajja ma tistax titqarraq.
5.Id-dehen tal-bniedem u safejn ilaħħaq bih, għandu jimxi fuq il-fidi u joqgħod għaliha. Għaliex f’dan is-Sagrament imqaddes u ta’ għoli li ħadd ma jilħaq miegħu, il-fidi u l-imħabba huma dawk li l-aktar igħoddu u jistgħu jmexxuna f’dawn il-ħwejjeġ il-misturin għalina.
Dak Alla li minn dejjem u bla tarf is-setgħa tiegħu ħadd ma jilħaq magħha, jagħmel egħġubijiet li d-dehen tal-bniedem ma jista’ jagħmel xejn magħhom fis-sema u fl-art. Li kieku l-opri t’Alla kien il-bniedem bid-dehen tiegħu jista’ bħalxejn jifhimhom, ma kinux ikunu tal-għaġeb, u anqas ma kien jista’ jingħad għalihom li ħadd jifhimhom.