Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Angelus tat-21 Ħadd tas-Sena A

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 23 ta’ Awwissu, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Mt 16,13-20) iqiegħed quddiemna mistoqsija li tisfida lil kull wieħed u waħda minna fil-mixja tal-fidi tagħna: min hu verament Ġesù għalija?  Mir-rakkont tal-Evanġelju nifhmu kemm tassew dil-mistoqsija hi deċisiva fl-esperjenza tad-dixxipulat. Infatti, minkejja li t-tnax-il appostlu kienu diġà għexu flimkien miegħu bosta esperjenzi tal-ħajja u tal-ministeru tal-Imgħallem, Ġesù ma riedx jagħmilha fatta li kienu jafuh tassew u li kienu fehmu l-misteru tas-Saltna t’Alla.  Allura, wara li saqsiehom x’kienet l-opinjoni tan-nies, idur direttament lejhom: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (Mt 16,15).

Ħuti, dan hu passaġġ fundamentali għad-dixxipli ta’ kull żmien, għal kull wieħed u waħda minna.  Infatti, il-fidi ma tingħatalnhiex darba għal dejjem; għall-kuntrarju, dejjem għandna bżonn niskopru mill-ġdid il-wiċċ ta’ Kristu u tal-Evanġelju tiegħu, nidħlu fil-fond tal-messaġġ tiegħu u nġeddu l-għażliet tal-ħajja tagħna sabiex ikunu koerenti ma’ dak li nistqarru, negħlbu t-tentazzjoni li diġa nafu kollox u l-fidi nirriduċuha fi drawwa.  Il-mistoqsija li ssirilna ta’ kuljum – min hu Ġesù u xi tfisser il-preżenza tiegħu f’ħajti – titfaċċa speċjalment fit-talb u aħna u nimmeditaw l-Evanġelju; iżda wkoll meta nħabbtu wiċċna mal-ġrieħi u l-ħtiġijiet ta’ ħutna, inkella fis-sitwazzjonijiet li l-aktar jisfidaw il-kuxjenza tagħna.  Insomma, fl-għalqa ta’ ħajjitna, nistgħu neżaminaw jekk għalina l-Mulej Ġesù hux biss persunaġġ storiku li qal u għamel ħwejjeġ importanti, inkella l-Kristu t’Alla, dak li kien mibgħut biex idaħħalna fl-imħabba t’Alla u jittrasforma l-ħajja tagħna u tad-dinja li ngħixu fiha.

Għeżież, ejjew nitgħallmu ma ningħalqux fil-konvinzjonijiet u s-sigurtajiet reliġjużi tagħna, biex nibqgħu miftuħin għal relazzjoni awtentika ma’ Kristu.  Xi drabi, f’dak li għandu x’jaqsam mal-fidi, nikkuntentaw “b’dak li smajna”, bil-cliches, b’dak li xi kultant ittrażmettewlna, anki b’intenzjonijiet tajba; iżda Kristu jrid minna risposta personali, li nkunu nafuh mill-qrib, biex il-ħbiberija tagħna miegħu tittimbrana, f’laqgħa dejjem aktar imġedda li taf titlob minna wkoll li nterrqu toroq ġodda u nagħmlu għażliet differenti minn dawk li nkunu immaġinajna.   Dan jgħodd kemm għall-mixja personali, kif ukoll għall-mixja tal-Knisja u għall-għażliet pastorali, fejn xi kultant naħsbu li biżżejjed nibqgħu mexjin kif konna, nibqgħu nagħmlu dak li dejjem għamilna.  Iżda importanti li spiss insaqsu lilna nfusna: min hu l-Mulej għalija?  Nafu verament?  X’qed jitlob minni l-Evanġelju llum?”  Liema passi għandi nieħu u liema għażliet għandi nagħmel?

Ninvokaw ‘il-Verġni Marija, li f’qalbha dejjem fittxet ir-rieda t’Alla permezz ta’ Ibnu, biex tiggwidana dejjem fil-mixja tal-fidi.

Wara l-Angelus

Għe#ie# ħuti,

fit-talb tiegħi niftakar dejjem fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, partikolarment minħabba l-firxa tal-epidemija tal-Ebola li, sfortunatament, qed tħalli bosta vittmi.  Inħeġġeġ lill-komunità Internazzjonali biex twieġeb għal dis-sitwazzjoni flimkien mal-komunitajiet lokali tagħmel kulma tista’ għall-prevenzjoni, ħalli jsalvaw bosta ħajjiet umani.

Jien qrib ukoll tal-popolazzjoni tar-Repubblika tal-Afrika Ċentrali, li qed tibki l-vittmi tat-tiġrif li seħħ f’minjiera f’Zamboyé.  Il-Mulej jilqa’ lil dawk li tilfu ħajjithom u jwieżen l-impenn ta’ min jiggarantxxi s-sigurtà u l-legalità fil-lantijiet tal-minjieri.

Għada jaħbat l-għaxar anniversarju tat-terremot li laqat iċ-ċentru tal-Italja bejn ir-reġjuni tal-Lazio, l-Umbria u l-Marche.  Nitlob għall-mejtin u għall-familji tagħhom u għall-komunitajiet kollha milquta.  Jalla l-fidi u s-solidarjetà jkomplu jwieżnu l-ħidma tar-rikostruzzjoni.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi.  B’mod partikolari, nagħti merħba lill-Kor Primaziale tal-Katidral ta’ Gniezno, fil-Polonja; kif ukoll lis-seminaristi u s-superjuri tal-Pontifical North Americam College, u liż-żgħażagħ minn Bormio u Valfurva.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading