Il-Magnificat: Lezzjoni ta’ umiltà għal ħajjitna. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Il-Ħadd, 23 ta’ Awwissu 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ Santa Marija, iż-Żebbuġ. Santwarju Arċipretali ta’ Santa Marija Assunta Inkurunata, Żebbuġ.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Għadna kif smajna l-Magnificat (Lq 1:46-56), u naħseb uħud minna bdew jgħiduh mad-Djaknu Fabio, għax kollha nafuh kważi bl-amment. Imma forsi tant nafuh u ngħiduh, illi mhux dejjem nifhmuh; u anki jekk nifhmuh, inħossuh imbiegħed ħafna minna.

Il-kelma magnificat hija kelma bil-Latin, l-ewwel li hemm f’dan l-innu fil-Vanġelu ta’ San Luqa. Fil-Magnificat Marija tkabbar lill-Mulej. Issa jistax jikber il-Mulej? Le, ma jistax jikber il-Mulej, imma l-kelma magnificat tfisser ‘inkabbrek, Mulej’. Marija kulma jmur qiegħda tagħraf kemm hu kbir il-Mulej, u b’qalbha mimlija bil-ferħ u bir-radd il-ħajr, tisplodi f’din l-għanja ta’ ferħ u ta’ tifħir. U bir-raġun forsi nħossuha ’l bogħod minna din it-talba, għax jekk il-qalb tagħna ma tkunx mimlija bil-ferħ, allura ma nistgħux aħna jkollna l-esperjenza ta’ Marija li l-qalb tagħna tisplodi bil-ferħ.

U allura l-mistoqsija dalgħodu għalina kollha kemm aħna hi din: li kieku Marija kellha tmur għand Eliżabetta, ngħidu aħna, wara li qabdu lil Ġesù biex ibati l-passjoni u jiġi maqtul fuq is-salib; jew meta tilfitu f’dawk it-tlitt ijiem, hi u Ġużeppi mifxulin waħda sew; jew hi u tfittex post fejn tiled lil Ġesù… tgħid kienet tkanta l-Magnificat bl-istess mod kif għannietu wara li marret għand Eliżabetta tqila bit-tarbija Ġesù? Tgħid kienet tkanta l-istess innu? Jiena naħseb din il-mistoqsija rridu nagħmluha, għax inħoss li tolqotna lilna lkoll.

Għalfejn il-qalb ta’ Marija tisplodi bil-ferħ? Għax il-ħajja tagħha kienet faċli? Għalfejn Marija tkanta l-Magnificat? Għax ma kellhiex problemi serji u kbar fil-ħajja tagħha? Kieku jien ukoll inkantah il-Magnificat, kieku m’għandix diffikultajiet, kieku m’għandix mard id-dar, kieku għandi ħafna flus, kieku kollox jiġini sew fil-ħajja, kieku għandi ħafna proprjetà. Kieku jien ukoll inkantah il-Magnificat… forsi hekk nirraġunaw aħna fil-qalb tagħna.

Kieku jkollna noħorġu fil-pjazza issa, ma narawx ħlief djar madwarna. Naraw il-bibien, l-armar, it-tiżjin, il-knisja, il-faċċata quddiemna, u ma naraw xejn aktar. Imma kieku jkollna nitilgħu fuq il-bejt tal-knisja, jew immorru Għajn Mhelhel, jew immorru f’xi ponta oħra taż-Żebbuġ minn fejn tista’ tara xenarju u panorama sabiħa, kieku dak li naraw ikun differenti ħafna minn dak li naraw jekk noħorġu ’l barra mill-knisja issa, fuq iz-zuntier jew fil-pjazza. Allura nistaqsi jien, fejn kienet Marija? F’liema ponta kienet Marija biex fis-salib u fil-mewt ta’ Ġesù, biex fit-telfa ta’ Ġesù fit-Tempju, biex meta ma tistax issib post fejn tiled lil Ġesù, xorta waħda tfaħħar lil Alla? Għax jiena ċert li l-Magnificat kienet tkantah xorta waħda taħt is-salib, kienet tkantah xorta waħda hija tfittex lil Ġesù għal tlitt ijiem meta kien mitluf fit-Tempju, kienet tkantah xorta waħda hi u miexja ma’ Ġużeppi jfittxu post fejn tiled lil Ġesù. Ma jfissirx li l-ħajja tagħha kienet faċli, jew li d-diffikultajiet tagħha ma ħassithomx, ma jfissirx li l-inkwiet u l-emozzjonijiet tagħha ma pprotestawx, ma jfissirx dan kollu. Imma minkejja t-tbatija, l-għawġ, il-problemi anki tal-familja żagħżugħa ta’ Nazaret; minkejja d-diffikultà daqshekk kerha, iebsa u mwiegħra li ftit jgħaddu minnha, dik li tara lil ibnek mhux biss imut, imma maqtul minn dawk illi għen, ħa paċenzja bihom, ħenn għalihom, ħabbhom, għamel il-mirakli magħhom; xorta waħda, minkejja t-tbatija kollha li batiet, tkanta l-Magnificat. Dan kollu għax Marija tgħallimna illi l-ferħ u l-hena Kristjan huwa iktar profond, iktar ’l isfel minn dan l-inkwiet kollu.

Imma nerġa’ nistaqsi: f’liema post kienet Marija biex tara din il-pożittività, biex tara s-sabiħ, anki qalb dan l-inkwiet u l-problemi? X’ġagħalha tara tama fis-salib ta’ Binha Ġesù? X’ġagħalha tara dan lil Marija, meta kienet qed tfittex lil Ġesù fit-Tempju, x’ġagħalha tħoss li dik kienet ukoll esperjenza pożittiva, dik ukoll kienet ir-rieda ta’ Alla, dik ukoll kienet parti mill-missjoni tagħha?

Hemm kelma fil-Magnificat li lilna trid iddawwalna dalgħodu: iddawwal mhux biss il-moħħ tagħna, imma l-ħajja tagħna. Forsi jekk aħna ma ninżlux fil-post fejn kienet Marija, jista’ jiġrilna li l-ħajja tagħna fil-parti l-kbira tagħha nħossuha bħala diżgrazzja, diżastru. Jista’ jkun li aħna jekk ma nsibux dan il-post fejn kienet Marija, minn fejn rat il-pożittiv anki fil-mewt ta’ Binha Ġesù, aħna naqtgħu qalbna mill-ħajja, bħalma sikwit qiegħed jiġri madwarna. Nibdew naraw il-ħajja bil-maqlub ta’ kif jaraha Alla.

Fejn kienet Marija biex fil-problemi, fil-mard, fid-diffikultajiet tar-relazzjoni, fil-kuntrarju li naraw madwarna, minkejja t-tbatija tagħha, tara l-pożittiv? Il-Magnificat jgħidilna fejn kienet. Huwa post illi mhux faċli naslu għalih, hija sitwazzjoni u attitudni li mhux faċli nilħqu fil-ħajja tagħna. “Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”. Jekk aħna ma ninżlux ’l isfel, jekk aħna ma mmorrux fil-post tal-umiltà, taċ-ċkunija, fl-aħħar mill-aħħar tal-verità tagħna bħala bnedmin, allura se nibqgħu rridu nikkontrollaw aħna kulma jiġri madwarna: kulma jiġri madwarna li ma jaqbilx mal-pjanijiet tagħna nirribellaw ħafna għalih; kulma jiġri madwarna illi ma jaqbilx mal-ħsibijiet u max-xewqat tagħna nħossuh bħala ħajt, sies għoli li ma nistgħux nitilgħu, u allura naqtgħu qalbna.

Il-post li fih kienet Marija u li minnu setgħet tara s-sabiħ u l-pożittiv, tittama, ikollha fiduċja, tafda, isserraħ l-inkwiet ta’ moħħha, il-piż ta’ qalbha, kien l-umiltà: il-kapaċità tagħha li tagħraf ix-xejn tagħha, iċ-ċokon tagħha, li kulma hi – mill-ogħla xagħra ta’ rasha sal-ponta ta’ subgħajha – hija don, hija rigal mogħti minn Alla lilha għall-oħrajn.

Jekk aħna ma ninżlux hawn isfel, jekk ma nsibux dan il-post fil-ħajja tagħna, jekk kif hi stess tgħid fil-Magnificat nibqgħu mkabbra f’qalbna, fil-ħsieb ta’ moħħna, induqu l-qawwa ta’ driegħ Alla – tgħidilna Marija nfisha f’dan l-innu – li “ċekken lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom”. Kemm hawn minna mkabbra f’qalbna, fil-ħsieb ta’ moħħna! It-traduzzjoni iktar litterali ta’ dik is-sentenza hija din: li jien fil-ħsieb ta’ moħħi nħossni xi ħadd, li jien iktar importanti mill-oħrajn, li jien speċjali, li jien partikulari. Bil-qawwa ta’ driegħu lil dawn iċekkinhom, tgħidilna Marija, u din hi l-esperjenza illi aħna stess ngħaddu minnha fil-ħajja tagħna u narawha wkoll madwarna.

Imma x’inhu jiġrilna? Aħna nħossuna kbar fil-ħsieb ta’ moħħna. Jekk jien inħossni xi ħadd għax jien l-Isqof ta’ Għawdex, inħossni kbir, importanti, din hija problema tiegħi, illużjoni tiegħi, il-fantasija ta’ moħħi. Tifel jew tifla li ma jafux min jien, jikkalkulawni bħal ħaddieħor u jagħmlu sew! Hija fil-fantasija ta’ moħħna illi aħna nħossuna xi ħadd… illużjoni, nuqqas ta’ realtà. U din titfagħna f’pożizzjoni ’l bogħod mill-pożizzjoni tal-umiltà, għax hija l-umiltà li tgħinna niggustaw il-ħajja, minkejja t-tbatijiet, minkejja l-inkwiet li ngħaddu minnu. Hija l-verità illi aħna ma nistgħu nippretendu xejn, li tgħinna ngawdu kulma jiġi fuqna u nbatu imma b’fiduċja, anki fl-inkwiet, fil-problemi, fit-tbatijiet tal-ħajja. Il-Magnificat huwa lezzjoni tal-ħajja.

Lil dawk li huma bil-ġuħ Alla jimliehom u lil dawk li huma għonja jbattalhom. X’inhi tgħidilna Marija? Hi fantasija ta’ moħħna illi jekk jien għandi ħafna, iktar ma jkolli, ħa nkun sew. Il-kilba biex ikolli toħloq tensjonijiet, inkwiet u problemi mhux biss li ngħix jien – għax ngħidu aħna l-bonds ma marrux sewwa jew inkella dak li għandi investit ma marx sewwa – imma problemi mal-oħrajn, problemi ta’ relazzjoni. U l-iktar ma’ dawk li huma l-iktar qrib tiegħi, problemi tad-demm, fil-familja. Għiduli intom jekk aħna nibbażaw l-imħabba tagħna u l-ferħ ta’ qalbna, il-paċi interjuri tagħna fuq kemm għandna, x’jista’ jiġrilna!

Bħalissa qegħdin nisimgħu b’dan il-ġuri [dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia]. Din hija waħda mill-ftit provi fil-ħajja tagħna bħala poplu, imma anki fil-ħajja ta’ kull wieħed u kull waħda minna, illi l-flus mhumiex kollox, li inti takkwista mhux kollox, li inti tkun kbir mhux kollox. Il-ħajja stess tgħallimna, imma aħna xorta waħda nibqgħu b’rasna deħlin fil-ħajt kontinwament! Għax aħna lkoll hekk magħmulin. “Niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom”, tgħid Marija, “u għolla liċ-ċkejknin”. Marija taqbad it-tliet attitudnijiet ta’ kull soċjetà, imma li huma preżenti wkoll fis-soċjetà tagħna. Aħna nimmaġinaw li min għandu isem, min hu popolari, min iħossu xi ħaġa, min hu kbir, dak ħa jkun kuntent. U Marija tgħidilna li “bil-qawwa ta’ driegħu… niżżel lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom”.

Aħna naħsbu li min għandu ħafna, min għandu l-flus, aktar ma jkollu djar u proprjetà, iktar ħa jkun kuntent. U Marija tgħid li ’l dawk li huma bil-ġuħ tahom x’jieklu u lill-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ikollok kemm ikollok, int se tibqa’ vojt f’qalbek. Anzi, ħafna drabi, iktar ma nfittxu li jkollna, iktar il-vojt li hemm ġo qalbna huwa kbir immens, dagħbien li ma jimlieh qatt, ħadd u xejn.

Marija tgħidilna wkoll li l-poter, dawk li huma setgħanin – għalina s-setgħanin huma xi ħadd, xi ħaġa kbira… li tkun isqof, li tkun kappillan, li tkun monsinjur, ħalli nibqa’ fuqna u ma mmurx fuq is-setgħanin ta’ barra – Alla wriehom illi s-setgħa, il-poter, jekk ma jkunux għas-servizz, għall-qadi, jekk ma jkunux biex jien ningħata, biex aħna ningħataw, ma jiswew xejn.

Imma din hija pożizzjoni diffiċli, biex immorru fl-umiltà ta’ Marija, u mhux lakemm nagħmluha waħidna. Huwa l-Ispirtu ta’ Alla! Għalhekk Marija tibda l-Magnificat bil-kliem “l-ispirtu tiegħi jifraħ”. L-ispirtu tagħha kien diġà magħqud mal-Ispirtu ta’ Alla. Lil Alla kienet għadha kemm qaltlu: “Ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38), fir-risposta li tat lill-anġlu. Dan ifisser li l-umiltà, il-kapaċità li naraw is-sabiħ anki fit-tbatija u fl-inkwiet, li anki fil-mument tal-mewt hemm is-sabiħ, din ma tiġix minna, mill-kapaċitajiet psikoloġiċi tagħna, minn kemm ħdimt fuqi nnifsi, minn kemm jien bniedem matur… imma tiġi minn kemm jien disponibbli li nħalli lil Alla jaħdem fija, minn kemm jien nisma’ l-Kelma ta’ Alla u nħalliha tiffurmani u tedukani. Dan jiġi minn kemm jien niċċelebra l-Ewkaristija, il-quddiesa – kif qegħdin nagħmlu dalgħodu – u nħalliha tiffurmani, tagħti d-daqqiet tal-iskalpell fuq qalbi u tgħidli: ‘Ingħata bħal Ġesù, ħobb bħal Ġesù, aħfer bħal Ġesù’. Hekk ngħixha l-Ewkaristija.

Nidħol hawnhekk jien fil-quddiesa, fil-knisja, mhux biex nieħu sehem f’xi ħaġa b’mod passiv, biex inħares mill-bogħod, imma biex ninduna li dak id-demm illi qiegħed jingħata għalija, li qed iċarċar, lili jrid jaħsilni, irid inaddaf il-qalb tiegħi, irid jitħallat ma’ demmi biex jippurifikahuli, biex lili jġibni bl-istess Spirtu ta’ Ġesù. Dak il-ġisem li jien niekol, li jien nikkonsma fit-tqarbin, mhux sempliċiment irċivejt xi ħaġa, ħadt xi ħaġa u daqshekk. Dak jitħallat ma’ ġismi: dik in-naqra ta’ ostja, hi x’inhi, kbira kemm hi kbira jew żgħira kemm hi żgħira, issir parti mill-ġilda, mill-għadam, mill-fibra li tagħmilni, mill-vini, minn demmi li jagħmilni. U dan ifisser li Ġesù jrid isir bil-mod il-mod jien, u jien insir hu. Din hi l-fidi. Il-fidi mhix li nattendi għal ċelebrazzjonijiet jew okkażjonijiet partikolari bħalma huma l-festa, imma hi wisq iktar profonda, hi xi ħaġa li tmiss il-ħajja tagħna.

Marija ma telgħetx is-Sema meta mietet, imma diġà kienet fil-post ta’ dawk li jkunu fis-Sema, l-umiltà, meta kienet fuq l-art. Marija kienet diġà tara minn fuq dak li jiġrilha. Aħna narawh minn taħt, minn ġol-pjazza. Marija kienet tarah minn fuq il-knisja, kienet tara l-panorama sħiħa. Kienet tara wkoll kif jara Alla. Meta tgħid “għax hu ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”, tuża kelma Griega apposta. Ma tgħidx sempliċiment ‘ra’, imma ‘ra minn fuq’. Marija trid tgħidilna illi aħna wkoll imsejħin biex naraw minn fuq, naraw il-ħajja tagħna mhux biss b’moħħna, bl-intelliġenza tagħna, bl-istudji tagħna, bir-raġuni tagħna, bir-riċerka tagħna. Le, mhux biżżejjed… inkunu naraw ftit. Allura Marija diġà kienet fis-Sema meta kienet tgħix fuq l-art. U aħna nistgħu nitilgħu fis-Sema magħha diġà minn issa, jekk aħna nħarsu lejn ħajjitna mill-għoli, minn fuq il-Knisja taż-Żebbuġ, illi forsi hija wieħed mill-ogħla postijiet li hawn f’Għawdex. Minn hemmhekk irridu naraw aħna l-ħajja tagħna, is-sitwazzjonijiet anki diffiċli, il-problemi, id-diffikultajiet ta’ ħajjitna. Biex ma nħallux li l-Festa tiġi tqajjem ħafna trab, ħafna xogħol, ħafna ħidma, ħafna impenn, imbagħad tgħaddi, jinżel kollox hekk; din id-daħna li nkunu qajjimna tinżel u qisu ma ġara xejn, nistennew sena oħra.

Marija tagħtina li mil-lum, minn issa, nibdew ngħixu diġà bħallikieku qegħdin fis-Sema billi nħarsu mill-għoli, mhux biss mill-baxx, lejn is-sitwazzjonijiet tal-ħajja tagħna. Imma nistgħu nħarsu mill-għoli daqskemm aħna nħossuna żgħar, nistgħu nħarsu b’mod sħiħ daqskemm aħna nħossuna m’aħniex kapaċi, daqskemm aħna nħossuna sempliċiment oġġett tal-imħabba kontinwa u inkundizzjonata ta’ Alla.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading