Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla tiegħi.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.
Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.
Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”. Mt 16, 21-27
2. Riflessjoni/talba:
i. F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.
Ġesù ma jirtirax mill-ħajja
Ma jerġax lura milli jkun il-Kristu, il-Midluk, is-Sultan
Jagħżel li jmur Ġerusalem
Imma jagħraf ukoll kif għandu jidħol
mhux bħala dak li jabbuża mill-poter
imma bil-passjoni ta’ min iħobb.
Jenħtieġ … u ma jerġax lura.
L-imħabba tal-Missier ma terġax lura.
Irrifletti:
X’inhu l-veru meħtieġ f’ħajtek?
ii. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.
Ġesù lil Pietru ma jibgħatux lil hemm
Jibagħtu warajH.
Quddiema jsir ostaklu
Tfixkil biex l-imħabba t’Alla tasal
warajH isir strument
biex l-istil t’Alla jidħol:
Tħobbni int?
Irrifletti
Liema aspett tal-istil ta’ Ġesù issib l-aktar diffiċli?
iii. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.
X’ħasra jekk siġra ta’ frott bnin
Qatt ma tagħmlu;
X’ħasra jekk artist
Qatt ma jpenġi, qatt ma joħloq mużika;
X’ħasra jekk tgħix
Bla ma qatt ħabbejt!
Irrifletti
Kif ser tilqa’ l-istedina biex tħobb bħal Alla?
3. Missierna