IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà, Castel Gandolfo
Il-Ħadd 30 ta’ Awwissu, 2026
Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba u l-Ħadd it-tajjeb!
Illum, l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù jtarraf lid-dixxipli l-Misteru tal-Għid tiegħu li kien qrib: jgħid: “Il-Messija meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum” (Mt 16,21).
L-affermazzjoni tiegħu kienet ferm bogħod minn dak li kienu qed jistennew huma: Messija trijonfanti u setgħani, li bis-saħħa tiegħu seta’ jisħaq l-għedewwa (cfr Salmi 108,14). Fiż-żmien li qattgħu miegħu diġà kellhom okkażjoni jibqgħu mistagħġbin bil-ħafna ġesti tiegħu u bi kliemu. Dan l-aħħar messaġġ, però, imur ferm ‘l hinn minn kull previżjoni. B’mod partikolari, Pietru juri nuqqas ta’ qbil u jċanfar lil Ġesù. Jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” (v. 22).
Ftit qabel, Pietru kien għaraf lil Ġesù bħala “Iben Alla l-ħaj” (v. 16). Iżda issa, sorpiż u forsi wkoll deluż minħabba dak li kien qed jisma’, b’kuntrast mal-istqarrija ta’ fidi mill-isbaħ li kien għadu kif għamel, iċanfru. Qiesu ried jgħidlu “iva, jien nemmen li int il-Messija, imma d-dinja mhix se ssalva b’hekk”. Dan huwa ġest ta’ żelu, bla dubju ispirat minn imħabba sinċiera, iżda xorta waħda jtina x’naħsbu.
Filfatt, mhux dejjem faċli għalina nifhmu u naċċettaw it-toroq ta’ Alla, speċjalment meta jkunu ferm imbegħdin minn tagħna. Hekk, ikollna t-tentazzjoni naħsbu, kontra kull loġika ta’ fidi, li l-Mulej ikun fl-iżball, jew, agħar minn hekk, li mhux qed jismagħna jew li ma jinteressax ruħu minna. Quddiem din l-inċertezza, Pietru, bl-impulsività tiegħu, jgħallimna żewġ affarijiet importanti.
L-ewwel, li qatt m’għandna ninterrompu d-djalogu tagħna mal-Mulej, lanqas f’dawn il-mumenti. Anzi, bil-fiduċja għandna nuruh liema huma d-diffikultajiet tagħna u nifhmu dak li qed jitlob minna.
It-tieni, però, hi li qatt m’għandna niġġudikaw l-opra t’Alla imma nagħmlu ħilitna biex bl-umiltà, bit-talb, nisimgħu dak li jkun qed jirrivelalna bl-aġir tiegħu, anki meta dan ma jaqbilx mal-istennija tagħna.
U l-kobor tal-Ewwel wieħed fost l-Appostli, jidher ukoll f’dan. Ġesù jwieġbu: “Itlaq minn quddiemi, Satana!” (v. 23), u jispjega lilu u lid-dixxipli l-oħra li biex jimxu warajh kellhom jiċħdu lilhom infushom, jerfgħu salibhom u jimxu warajh (cfr v. 24). Dan kien għad irid jgħaddi minn għala Pietru: wara li semgħu, aċċetta l-isfida u baqa’ fidil mal-kelma ta’ Kristu, għax tul l-eżistenza tiegħu għaraf fih ir-Redentur, sal-martirju.
Allura, nitolbu lill-Mulej biex aħna wkoll, fil-ħajja tal-fidi tagħna u fit-talb tagħna, ikollna l-istess sinċerità ta’ Pietru u umilment nistqarrulu dak li nkunu nħossu verament, anki meta qalbna tkun imħawda, u biex fl-istess ħin, nagħrfu jkollna fina l-istess doċilità biex naċċettaw dak li jitlob minna lil hinn minn dak li nkunu nistennew aħna.
F’dan tgħinna Marija li obdiet il-pjanijiet t’Alla sa taħt is-salib ta’ Binha Ġesù.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
qed jaslu aħbarijiet drammatiċi minn Haiti dwar massakru gravi li qed iseħħ f’Kenscoff, li fih tilfu ħajjithom għadd kbir ta’ persuni u hemm oħrajn maħtufa. Nesprimi l-qrubija tiegħi bit-talb għall-vittmi u għall-familji tagħhom u nitlob li jinħelsu minnufih l-ostaġġi kollha. Nagħmel appell minn qiegħ qalbi lil kulmin hu responsabbli biex jimpenja ruħu konkretament biex jiggarantixxi s-sigurtà tal-popolazzjoni u jġib bi tmiemha kull forma ta’ vjolenza.
Inkomplu nitolbu għall-paċi. Santu Wistin, li ċċelebrajna t-tifkira tiegħu dal-ġranet, kien jgħid li “l-paċi (…) tixbaħ il-ħobż tal-miraklu li kien jitkattar f’idejn id-dixxipli huma u jaqsmuh u jnewluh lin-nies” (Sermo 357, 2). Jalla fid-dinja jitkattar l-għadd ta dawk li bil-kuraġġ jaqsmu u jnewlu l-ħobż tal-paċi lil hinn minn kull firda, jippromwovu l-ġustizzja, jaħfru, għall-ġid ta’ kulħadd.
Nhar it-Tlieta se niċċelebraw il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Kura tal-Ħolqien. Dan ikun il-bidu tal-Istaġun tal-Ħolqien li jiċċelebraw flimkien l-insara ta’ kull denominazzjoni u li dis-sena għandu t-tema “Ilma Ħaj”. Kif fakkart fil-meassġġ għal dan il-Jum Dinji, il-kura tad-dar komuni tagħna titlob minna konverżjoni tal-qalb biex dak li jintuża biex iġib id-distruzzjoni, minflok, ikun ta’ fejda għall-ħajja. Nistieden lil kulħadd biex jingħaqad bit-talb u l-azzjoni sabiex insiru kanali ta’ ilma ħaj tal-paċi t’Alla, u naħju lid-dinja miġrugħa tagħna.
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Castel Gandolfo u pellegrini minn bosta pajjiżi! Nagħti merħba b’mod partikolari lill-parteċipanti tal-manifestazzjoni ta’ benefiċjenza “Run to Rome”, liż-żgħażagħ li għexu l-mixja Via Lucis itineranti, lill-grupp ta’ devoti tal-Madonna tal-Mirakli minn Corbetta u lis-sewwieqa tal-muturi li hawn preżenti fl-okkażjoni tal-inkontru annwali tradizzjonali. Grazzi ħafna!
Insellem minn qalbi lill-fidili li qed isegwu l-Angelus fi Pjazza San Pietru. U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber