IL-PAĊI TAL-QALB
Fil-kitba tiegħu bl-isem ta’ Alfabett, San Ġorġ Preca jsemmi li “l-bniedem jagħmel id-dnub biex jissodisfa lilu nnifsu u b’hekk jaħseb li jsib il-paċi, iżda flok paċi jsib dwejjaq u swied il-qalb, fuq il-kelma tal-Ispirtu Santu: “Mhemmx paċi għall-ħażin.”
Kull bniedem jixtieq il-paċi, hekk li fid-deċiżjonijiet, l-ambizzjonijiet u t-taqbidiet tagħna hemm xewqa profonda għall-ferħ u l-mistrieħ. Madankollu, din ix-xewqa tista’ tiġi mmexxija fid-direzzjoni żbaljata. Xi drabi persuna tidneb għax temmen li billi tissodisfa lilha nnifisha, fl-aħħar se ssib il-kalma u l-hena. Id-dnub jippreżenta ruħu bħala soluzzjoni attraenti, bħal meta nirraġunaw li: “Jekk nikseb dan il-pjaċir, din il-ħaġa, dan ir-rikonoxximent jew din il-vendetta, se nsib il-paċi.” Imma l-paċi mwiegħda mid-dnub hija qarrieqa għax is-sodisfazzjon tal-mument jgħaddi, filwaqt li l-qalb tibqa’ bla kwiet aktar minn qabel.
Il-kelma t’Alla fil-Bibbja twissi b’mod ċar permezz b’fomm il-profeta Isaija: “M’hemmx paċi għall-ħżiena.” Dan ma jfissirx li persuna li tgħix fil-ħażin qatt ma tista’ tesperjenza pjaċir temporanju jew kalma esterna. Ifisser aktar minn hekk, li d-dnub ma jistax iġib il-paċi vera u pai li tibqa’, għax id-dnub jifridna mill-għajn li tnixxi l-paċi, li hu Alla. Id-dnub joħloq firda ġo fina, ix-xewqat tagħna jiġru f’direzzjoni waħda, żbaljata, filwaqt li l-kuxjenza u d-dinjità vera tagħna jsejħulna biex nimxu f’direzzjoni oħra.
Min jitħabbeb mad-dnub jista’ jirnexxilu jsikket il-kuxjenza, jiġġustifika l-għemil tiegħu jew jaljena ruħu b’aktar pjaċiri. Madankollu, il-ħażin li jinsab fih jibqa’ jweġġa’ It-tagħlim tal-Knisja, sa minn żmien il-katekiżmu tal-Konċilju ta’ Trentu, li beda fl-1545 u hu meqjus bħala wieħed mill-Konċilji l-iktar importanti, jiddeskrivi d-dnub bħala li jħalli warajh marka, u l-konsegwenzi tiegħu ma jmorrux malajr. Ifakkarna fil-kliem ta’ niket ta’ David fil-Bibbja: “M’hemm ebda saħħa f’ġismi minħabba l-korla tiegħek; m’hemm ebda paċi f’għadmi minħabba dnubieti.” Għalhekk, id-dwejjaq li jiġi wara d-dnub mhuwiex xi ħaġa aċċidentali; juri li l-qalb tal-bniedem mhix maħluqa għal dak li hu ħażin.
Missier tal-Knisja prominenti, San Ġwann Kriżostmu, jagħmel l-istess punt meta jqabbel il-prosperità esterna mal-qagħda tal-kuxjenza. Persuna jista’ jkollha l-ġid, l-awtorità u l-kumdità, iżda tibqa’ miżera jekk tkun konxja mill-għemejjel ħżiena tagħha. Bil-maqlub, persuna li tkun għaddejja mill-faqar jew mit-tbatija tista’ tkun mimlija bil-ferħ ġenwin jekk qed tgħix b’kuxjenza li qed taqdi dmirha. Dan il-qaddis jgħallem li l-hena vera ma tiġix mis-setgħa jew mill-għana, iżda mill-integrità spiritwali u minn kuxjenza safja. Huwa għalhekk li l-paċi tappartjeni lil dawk li jobogħdu d-dnub.
Madankollu din il-mibegħda trid tinftiehem sewwa, għaliex xorta m’għandniex dritt li nobogħdu lil min jagħmel il-ħażin, billi kull persuna jibqa’ jkollha d-dinjità li rċeviet mingħand Alla. Qaddis ieħor, San Tumas ta’ Aquino jispjega li hu leġittimu nobogħdu d-dnub u l-inġustizzja, imma filwaqt li nkomplu nħobbu lill-persuna li għamlitu u nixtiequlha l-ġid. Li nobogħdu d-dnub ifisser li nagħrfu li dan jagħmel ħsara lir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, iweġġa’ lill-oħrajn u jnaqqas il-libertà tagħna stess.
Min-naħa l-oħra, ħajja tajba, skont San Pawl, iġġib fina u madwarna “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fedeltà, il-ħlewwa u r-rażan.” (Galatin 5, 22-23) Dawn il-virtujiet ma jeqirdux il-ferħ tagħna, anzi jqiegħduh fl-ordni xieraq tiegħu. San Tumas ta’ Aquino jispjega li l-frott tal-Ispirtu huwa ta’ għaxqa għax joħroġ mill-grazzja u jwassal għall-qdusija. Huwa diġà l-bidu tal-hena li għad jiġi pperfezzjonat fil-ġenna.
Il-Vanġelu jħabbar din il-paċi vera bil-kant tal-anġli: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” Din il-paċi mhijiex sempliċement in-nuqqas tal-problemi imma hi r-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, l-armonija fil-qalb u l-qawwa biex ngħixu skont il-verità. Tista’ teżisti flimkien mat-tbatija, għalkemm it-tbatija tibqa’ hemm.
Meta d-dnub iħallina mnikkta, it-tweġiba mhijiex li naqtgħu qalbna u nintelqu mal-kurrent, imma s-soluzzjoni hi l-indiema, id-dispjaċir li żbaljajna u r-rimors sinċier għall-ħażinn li jkun sar, flimkien ma’ deċiżjoni soda li nagħmlu mill-aħjar biex ma nerġgħux, kif ngħidu fl-Att tal-Indiema. Dawk li jagħmlu ħilithom biex jaħarbu d-dnub u jerġgħu lura għand il-Mulej isibu l-paċi li d-dnub qatt ma jista’ jagħtihom. Hija l-paċi ta’ qalb rikonċiljata ma’ Alla u mal-proxxmu li forsi nkunu nqasna miegħu b’dak li għamilna.
Joe Galea
