QUDDIESA TAT-TWELID TAL-IMQADDSA VERĠNI MARIJA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Genazzano, Santwarju ta’ Omm il-Parir it-Tajeb
It-Tnejn 7 ta’ Settembru 2026
Għeżież ħuti,
Kif tiftakru, diġà “fl-ewwel jiem tal-pontifikat tiegħi ħassejt id-dmir u x-xewqa profonda li niġi Genazzano, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, li tul ħajti kollha akkumpanjatni bil-preżenza materna tagħha, bl-għerf tagħha u l-eżempju tal-imħabba tagħha għal Binha, li hu dejjem iċ-ċentru tal-fidi tiegħi” (Dedika fil-ktieb tal-firem tas-Santwarju, 10 ta’ Mejju 2025). Bil-ferħ kollu ninsab hawn mill-ġdid, niċċelebra magħkom il-Vġili tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa u nafda lil Marija Bambina dak li f’din l-umanità fqajra u tal-għaġeb għadu jitwieled: dgħajjef bħal żerriegħa li qed tnibbet, imma sinjal tal-fedeltà ta’ Alla. Iva, Marija hija ż-żerniq ta’ jum differenti, tad-dinja tagħna sa fl-aħħar meħlusa mill-ħażen. U ninsab hawn, f’riġlejha, madwar l-Altar li minnu s-salvazzjoni tiġi għandna u tibdilna, ulied fl-Iben. Nitolbuha l-Parir it-Tajjeb tagħha, biex nilqgħu l-Kelma divina, inħarsuha fina u nwellduha permezz ta’ deċiżjonijiet kuraġġużi u għorrief, deċiżjonijiet ta’ konverżjoni awtentika.
Għeżież, f’dan il-post ta’ preżenza antika Agostinjana se nirritorna għall-paġni bibliċi li għadhom kemm ġew imxandra bl-għajnuna ta’ San Tumas ta’ Villanova, patri u Isqof Agostinjan li, waqt li ddedika ħajtu għall-qadi tal-foqra, niżel fil-fond tal-verità tal-fidi. Hu għaraf jilmaħ il-paradoss taċ-ċkunija u, biex ngħidu hekk, tal-marġinalità ta’ Marija, li saret hekk ċentrali fl-ekonomija tas-salvazzjoni. Nistaqsu: x’kellu jkun fi żmien Ġwakkin u Anna t-twelid ta’ tarbija? San Tumas jinżel fil-fond: “Irriflettejt ħafna drabi”, jikteb, “u staqsejt għaliex l-evanġelisti, li tkellmu hekk fil-wisa’ fuq San Ġwann Battista u l-Appostli, jirrakkontawlna b’mod hekk konċiż l-istorja tal-Verġni Marija, li tissupera lil kulħadd bil-ġrajja u l-istatura personali tagħha. Għaliex, nistaqsi, ma ġiex imfisser lilna l-mod kif hi tnisslet, twieldet, ġiet edukata, id-drawwiet tagħha, il-virtujiet li bihom kienet mogħnija, liema relazzjoni umana kellha ma’ binha, kif kienet iġġib magħha miegħu, kif għexet mal-Appostli wara t-Tlugħ tiegħu fis-Sema? Dawn il-ħwejjeġ kollha kienu importanti u l-fidili żgur li kienu jaqrawhom b’devozzjoni singulari u kienu jogħġbuhom lin-nies tal-poplu. Oħ, evanġelisti, jiena ndur fuqkom! Għaliex bis-skiet tagħkom ċaħħadtuna minn ferħ hekk kbir? Għaliex ħallejtu barra dettalji hekk sbieħ, hekk mixtieqa, hekk pjaċevoli?” (Opri kompluti VII, 266,8).
F’dawn il-kelmiet insibu suġġeriment importanti għall-fidi tagħna: ninterrogaw l-Iskrittura u l-awturi tagħha, niddiskutu mat-test u niddjalogaw max-xhieda tar-Rivelazzjoni, bħal bejn il-ħbieb. Aħna fil-fatt “ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla” (Efes 2:19) u mingħand Marija stess nitgħallmu l-intelliġenza li tiddjaloga ma’ Alla, li tagħmel mistoqsijiet (ara Lq 1:34) u tinterpreta l-ġrajjiet billi tħarishom u torbothom flimkien fil-qalb (ara Lq 2:19,51). Madankollu, il-Vanġelu skont Mattew jidher jagħti raġun bis-skiet tiegħu lil San Tumas ta’ Villanova. Smajnieha: dwar Marija jsemmi l-preżenza tagħha, imma mank kelma minn fommha. Madankollu, is-sempliċi fatt li Marija tinsab hemm – u ta’ Binha fiha – iċaqlaq l-istorja kollha: dik ta’ Ġużeppi u tad-dar kollha tiegħu. Il-preżenza ta’ Marija ġġib bħal qabża fil-ġeneoloġija, bħal ġdid mhux mistenni, li kapaċi tibdel mhux biss l-aspettattivi, imma anki l-imġibiet prevedibbli ta’ bniedem. Dak li Ġużeppi jisma’, dak li jiddeċiedi u dak li jagħmel, fil-fatt, hu tweġiba lil Alla u lill-preżenza ta’ Marija, lid-differenza assoluta tagħha, li tissupera kull diskors jew rakkont possibbli. F’Marija s-salvazzjoni ssib dar: Alla magħna!
Jerġa’ jikteb San Tumas tagħna: “Dwar dawn ir-riflessjonijiet tiegħi li għalihom kont qed nirreferi, fuq għaliex ma nkitibx ktieb fuq il-ġesti tal-Verġni, kif fil-fatt sar għall-ġesti ta’ Pawlu, […] jiġini f’moħħi biss li kien hekk għax hekk għoġob lill-Ispirtu s-Santu, u li l-evanġelisti ħassew li, dwarha, kellhom jisktu, għar-raġuni sempliċi li l-glorja tal-Verġni, kif naqraw fis-salm, kienet kollha kemm hi fiha (ara Salm 44:14 Vulg.), u iktar setgħet tiġi mistħajla milli mfissra, u li, bħala ġabra fil-qosor tal-istorja tagħha, biżżejjed dak li nsibu espress fit-titlu: li minnha twieled Ġesù. Xi trid taf aktar? X’int tfittex aktar fil-Verġni? Biżżejjed tkun taf li hi Omm Alla” (ibid.).
Għeżież ħuti, aħna nħossuna bħal nistordu quddiem dan il-Misteru: impossibbli nidrawh! Qed niċċelebraw it-twelid ta’ tarbija msejħa biex issir l-Omm tal-Ħallieq tagħha, l-Omm ta’ Alla li jsalva. U mandankollu, hi sempliċiment tarbija li titwieled, bħall-ulied u n-neputijiet li aħna nżommu f’dirgħajna. Illum għandna għaliha titli l-aktar nobbli u għolja, ta’ Sinjura u Sultana, imma t-triq ta’ Alla kienet u tibqa’ iżjed sempliċi u siekta, imma xorta waħda mhux b’inqas setgħana u li kapaċi ġġib bidla. Hija t-triq ta’ Ġesù nnifsu, “il-kbir fost ħafna aħwa” (Rum 8:29). U madankollu, bħal Marija, aħna wkoll “ippredestinati biex nieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu” (ibid.): ċertament bi grazzja, imma billi nixtiequ u nippreferu minn fost toroq oħra t-triq tiegħu, l-għażliet tiegħu, il-mixja tiegħu. F’Ġesù Kristu, Alla għażel l-iktar kundizzjonijiet storiċi baxxi u l-iktar umli fost il-ħlejjaq biex juri l-oriġinalità tas-Saltna tiegħu, fejn il-prepotenza ma għandhiex post u l-omnipotenza hi ħolqien, servizz u għożża tal-ħajja.
Imbagħad iżid San Tumas ta’ Villanova: “Ħalli l-fantasija tiġri, wessa’ l-konfini tal-għarfien u pinġi fil-fond ta’ qalbek xebba l-aktar safja, prudenti, sabiħa, devota, umli, twajba, mimlija b’kull grazzja, għanja fil-qdusija, mogħnija bil-virtujiet kollha, imżejna bil-kariżmi kollha, mogħġuba għalkollox minn Alla; kabbarha kemm tiflaħ, stħajjel daqskemm iwassal moħħok” (ibid.). San Tumas jistedinna għal dan it-taħriġ tal-għaġeb tal-immaġinazzjoni. U josserva: “L-Ispirtu s-Santu ma fissirhiex bil-miktub, imma stenna lilek biex tpinġiha fil-qalb tiegħek” (ibid., VII, 266,9). Għeżież ħuti, huwa proprju hekk: fit-talb kontemplattiv jissawwar dak li d-dinja ma tirrakkontalniex, imma diġà jeżisti; dak li għadu inviżibbli, imma fih innifsu għandu għamla ġdida ta’ qawwa. Mhijiex fantasija din, imma profezija. Għandna bżonnha, fi żminijiet ta’ tifrik u ta’ inċertezza, biex nilmħu l-opra ta’ Alla u naqduha.
Il-profeta Mikea fiċ-ċkejkna Betlehem lemaħ il-qawmien ta’ Sultan tal-paċi, li grazzi għalih nistgħu sa fl-aħħar ngħixu fiż-żgur fuq din l-art (ara Mik 5:1-4). U llum, fit-talba tal-Kolletta, aħna u nduru lejn iċ-ċkejkna Marija, tlabna li l-festa tat-Twelid tagħha “tkattar is-sliem fuqna.” Iva, għeżież, nixtiequ nistħajlu l-paċi – iwessgħu l-konfini tal-għarfien u npinġuha fil-qalb tagħna – biex nagħrfu li diġà teżisti, biex nilqgħuha u naqduha. Hija d-don ta’ Alla, in-nifs tal-Irxoxt, l-opra tal-Ispirtu s-Santu. Inħallu l-paċi tikber fina. Ħa twarrad fid-dinja. U l-Omm tal-Parir it-Tajjeb timxi magħna f’din il-missjoni.
