It-Tnejn, 14 ta’ Settembru 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, Żejtun.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
Mal-ewwel daqqa t’għajn, tidher qisha kontradizzjoni li niċċelebraw l-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Is-salib kien strument ta’ tbatija, umiljazzjoni u mewt. U madankollu, illum aħna l-Insara niċċelebrawh mhux biex naħbuh, imma biex ngħolluh ’il fuq – għalhekk “Eżaltazzjoni”. Inħarsu lejh, u nxandruh bħala s-sinjal tas-salvazzjoni tagħna.
Għaliex? Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħidilna: “Hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:14-15). Ġesù qed jirreferi għas-serp tal-bronż li Mosè għolla fid-deżert. Dawk li kienu jħarsu lejh kienu jfiqu u jgħixu (ara Numri 21:8-9). Ġesù jieħu din ix-xbieha u japplikaha għalih innifsu. Huwa se jkun merfugħ fuq is-salib, u dawk li jħarsu lejh bil-fidi se jiskopru mhux il-mewt, imma l-ħajja.
Fuq is-salib niskopru l-fond tal-imħabba ta’ Alla, kif ifisser Ġesù: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Is-salib jgħidilna xi ħaġa essenzjali dwar Alla: l-imħabba ta’ Alla mhijiex sempliċement idea sabiħa. Hija mħabba li tingħata, biex lilna tagħtina l-ħajja.
Ġesù ma jħobbniex biss meta kollox ikun sejjer tajjeb. Hu jħobbna meta nkunu dgħajfa, meta niżbaljaw, meta nkunu feruti, u anki meta nitbiegħdu minnu. U dan għandu tifsira kbira għall-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Is-salib fil-ħajja ta’ kuljum
Kull wieħed u waħda minna għandna s-salib tagħna, ġieli iktar minn wieħed ukoll. Xi drabi jkun diffikultà personali: mard, solitudni, diżappunt, problemi fil-familja jew inċertezza dwar il-futur. Xi drabi jkun is-salib li naħfru lil xi ħadd li weġġagħna. Xi drabi jkun is-salib li nieħdu ħsieb persuna oħra bil-paċenzja. Xi drabi jkun is-sagrifiċċju ta’ kuljum, li nqiegħdu l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor qabel tagħna. Xi drabi s-salib ikun il-passi li rridu nieħdu biex nikxfu l-ħażen u nagħmlu dak li hu sewwa.
Forsi xi kultant nistaqsu: “għaliex?” Is-salib mhux dejjem jagħtina spjegazzjoni immedjata għat-tbatija. Imma jagħtina xi ħaġa li fil-fatt hi aktar importanti: iċ-ċertezza li qatt ma nerfgħu s-salib tagħna waħedna. Meta nerfgħu s-salib tagħna ma’ Ġesù, it-tbatija tagħna ma jkollhiex l-aħħar kelma.
Is-salib ta’ Ġesù jgħallimna kif l-imħabba tirbaħ fuq il-mibegħda, il-maħfra tirbaħ fuq il-vendetta, l-umiltà tirbaħ fuq il-kburija, u l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt.
Għalhekk, is-salib m’għandux jibqa’ biss fil-knejjes tagħna, jew fid-djar tagħna, jew imdendel ma’ għonqna. Ħaġa sabiħa ħafna li jkollna dawn ix-xbihat, imma dawn biex ifakkruna li s-salib irid jidher fil-mod kif ngħixu. Meta naħfru flok inpattuha, inkunu qed nerfgħu s-salib. Meta nersqu lejn xi ħadd li jħossu minsi, inkunu qed nerfgħu s-salib. Meta nisimgħu bil-paċenzja lil xi ħadd li ma naqblux miegħu, inkunu qed nerfgħu s-salib. Meta nieħdu l-passi neċessarji fejn hemm il-ħażin, inkunu qed nerfgħu s-salib. Meta naħsbu fil-fqar li huma dejjem magħna, u nimxu b’għaqal fejn jidħol infiq fil-knisja għax inqiegħdu lill-fqar fiċ-ċentru tal-ħidma pastorali tagħna, qed ngħixu dak li tfisser din il-Festa tas-Salib.
Is-Salib u l-għaqda fil-parroċċa
Nixtieq li nirriflettu wkoll fuq dak li din il-festa tgħid lill-parroċċa. Il-parroċċa mhijiex sempliċement ġabra ta’ nies li jqimu fl-istess knisja. Aħna l-Ġisem ta’ Kristu. Is-salib hu għaqda bejn Alla u l-bniedem. U jekk tassew nifhmu dan, nagħrfu naħdmu għall-għaqda. Jekk iċ-ċelebrazzjonijiet kollha għandhom l-iskop li jġibu u jsaħħu l-għaqda, aħseb u ara l-Festa tas-Salib. Nagħrfu, għalhekk, li ma hemmx lok għal firdiet fil-komunità mibnija fuq il-kburija, preferenzi personali, nuqqas ta’ qbil, jew kompetizzjoni.
Hemm Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Ewkaristija waħda, u familja parrokkjali waħda. Naturalment, l-għaqda ma tfissirx li kulħadd jaħseb eżatt l-istess. L-għaqda fil-komunità tfisser li nħaddnu d-differenzi tagħna imma nagħżlu li nħobbu lil xulxin għax Ġesù ħabbna l-ewwel, li nuru rispett lejn xulxin fi kliemna u f’għemilna, li nkunu strumenti tal-paċi u tal-ftehim.
Is-salib jistedinna nistaqsu: “X’jgħinna nibqgħu magħqudin fi Kristu?” Mhux “xi rrid jien?” imma: “X’inhu l-aħjar għall-familja parrokkjali tagħna?” Jgħinna biex fil-ħidma tagħna fil-parroċċa, qatt ma nistaġnaw bil-mentalità “dejjem hekk għamilna” – dejjem, jiġifieri mhux minn żmien Kristu msallab, imma minn ċertu perjodu tal-istorja lil hawn. Is-salib kontinwament jistedinna biex inħaddnu dak li l-Mulej jurina bħala l-aħjar illum. Jisfidana biex nibdlu l-kliem ta’ qtigħ il-qalb f’inkoraġġiment, is-suspett fil-fiduċja. Parroċċa ssir tassew b’saħħitha meta kulħadd ikun lest iqiegħed lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru.
Għandna bżonn lil xulxin
Is-salib għandu żewġ dimensjonijiet: waħda tiela’ ’l fuq, u l-oħra minn ġenb għal ġenb. Il-parti vertikali tfakkarna fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Aħna msejħin biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha. Dik orizzontali tfakkarna fir-relazzjoni tagħna ma’ xulxin. Aħna msejħin biex inħobbu lill-proxxmu tagħna.
Ma nistgħux nifirdu dawn it-tnejn, kif Ġesù jgħidilna b’mod ċar. Għalhekk, ejjew nitolbu għal xulxin, nitkellmu tajjeb fuq xulxin, naħfru l-ġrieħi tal-imgħoddi, nilqgħu lil dawk li jħossuhom imwarrbin, nagħmlu spazju għat-tfal, għaż-żgħażagħ, għall-familji, għall-anzjani u għal dawk li qed ifittxu lil Alla. U naħdmu mhux għall-glorja jew ir-rikonoxximent personali, imma għall-glorja ta’ Alla.
Inkunu wkoll bħaċ-Ċirinew li ngħinu lil xulxin nerfgħu s-salib. Mhux nilħqu salib ħaddieħor, jew insallbu lil ħaddieħor, imma nkunu ta’ appoġġ għal xulxin, speċjalment għal dawk li qegħdin ibatu.
It-triq għall-ferħ tal-Qawmien
Is-salib darba kien sinjal ta’ telfa. Fi Kristu, sar is-sinjal tar-rebħa. Is-salib darba kien strument tal-mewt. Fi Kristu, sar is-siġra tal-ħajja. U s-salib darba kien post ta’ firda. Fi Kristu, sar il-post fejn is-sema u l-art, Alla u l-bniedem, jiġu rikonċiljati.
Nitolbu lil Ġesù msallab: Mulej Ġesù, iġbidni dejjem aktar qrib tiegħek, u qrib tal-oħrajn. Ibdel lil qalbi. Għallimni nħobb kif tħobb int. Għallimni naħfer kif taħfer int. Għallimni nibni l-għaqda u nkun strument tal-paċi tiegħek. Agħmel li s-salib tiegħek iwassalna flimkien għall-ferħ tal-Qawmien.
✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju