Is-sbuħija tal-maħfra. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-24 Ħadd tas-Sena A.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-erbgħa u għoxrin Ħadd tas-sena.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħanin u twajjeb il-Mulej.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla    

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.

Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.

Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.

Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”. Mt 18, 21-35.

2. Riflessjoni/talba: 

i. F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba.

Hemm passi meħtieġa fis-soċjetà
biex inwaqqfu l-ħażen, l-inġustizzja,
il-qerq, id-disprezz tal-persuna..

Hemm pass li rridu nieħdu fil-qalb
biex il-ħażen, il-mibegħda, iċ-ċirku ta’ vjolenza
ma’ jieħux pussess tagħna.

Irrifletti:

  • Fejn qed titħabat mal-maltempata f’qalbek?

ii. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

Il-qaddej immexxi mis-suppervja:
min għalih li, bis-saħħa tiegħu,
jista’ jkopri dejn enormi.

Is-sinjur imexxi minn qalb li tħoss:
bl-azzjoni tiegħu joħloq, jagħti ħajja,
jiġġenera futur.

Irrifletti

  • X’imexxik fil-ħajja?

iii. Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”.

Min daq l-imħabba –

mhux għax ħallas għaliha,
mhux għax mexa sew,
mhux għax tistħoqqlu –

imma għax daq l-imħabba
jista’ jħobb bla ma jitħallas
jista’ jħobb lil min ma mexiex sew

jista’ jħobb lil min, bħalu, ma jistħoqqlux.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit u apprezza l-imħabba infinita t’Alla għalik?

3. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading