It-Tnejn, 14 ta’ Settembru 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Kappella tal-Kurja, Floriana.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
“Hekk jeħtieġ li jkun merfugħ bin il-bniedem” (Ġw 3:14). Dan huwa l-kliem li sema’ Nikodemu mingħand Ġesù, meta mar biex jiltaqa’ miegħu. Jien ngħid: min jaf x’fehem dak inhar! Għax Nikodemu mar, u mar bil-lejl, biex jista’ jistaqsi lil Ġesù u jkun miegħu, għax ra li fih, f’Ġesù, kien hemm xi ħaġa speċjali. Kontra sħabu, il-Fariżej, li kontinwament kienu qegħdin jostakolaw lil Ġesù. Imma Nikodemu kellu din ix-xewqa li jkun jaf aktar. U għalhekk, meta Ġesù qallu “Kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:14-15), nimmaġina li Nikodemu fehem l-ewwel biċċa, jiġifieri “Kif Mosè refa’ serf fid-deżert” – hu kien midħla tal-Kotba Mqaddsa, u jiftakar fil-Ktieb tan-Numri, f’dik il-ġrajja meta Mosè għamel serp u arbulah, biex in-nies iħarsu lejh u jfiqu, u jistgħu jgħixu, ma jmutux, meta kienu ħaduha kontra Alla. Għalhekk, fehem l-ewwel biċċa. Imma mbagħad “hekk jeħtieġ li jkun merfugħ bin il-bniedem” – x’ifisser? “Merfugħ” kif?
Aħna nafu li dal-kliem nistgħu nifhmuh wara, jiġifieri aktar tard, meta Ġesù, fil-fatt, kien għadda mill-passjoni u l-mewt, u ġie msallab. Hemm nistgħu nifhmu dan li qed jgħid hawn. Imma lanqas dak inhar li sallbuh, għax dak inhar ħafna min-nies li kienu hemm kienu qed jinsulentawh, kontrieh. Imma, fil-fatt, hemm kienet proprju l-ġrajja tas-salvazzjoni. Għax Ġesù salvana permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. U permezz tal-qawmien, imbagħad, nistgħu nifhmu kif is-salib Ġesù ttrasformah. Għalhekk aħna nagħmlu l-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib – is-Salib li hu “merfugħ”. Għax sa Ġesù, is-salib x’kien ifisser? Kien ifisser vjolenza, tortura, umiljazzjoni, l-agħar li tista’ timmaġina, l-agħar mewt. Imma Ġesù msallab ittrasforma dan, u bidel l-agħar vjolenza fl-akbar imħabba. U hemmhekk nistgħu nifhmu għaliex is-salib għalina hu tant importanti. Għax meta nħarsu lejh, niftakru: Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna.
Permezz tas-salib, naraw l-ikbar imħabba – dak li semma lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Proprju wara, meta l-appostli ħarġu jħabbru lil Ġesù li huwa ħaj, hemmhekk dejjem ippreżentaw lil Ġesù msallab bħala s-Salvatur – Ġesù li ttrasforma s-salib, u li għamlu l-għajn tas-salvazzjoni. Is-salib hu t-tama tagħna. Kemm hu sabiħ meta niftakru f’dan; u għalhekk li għandna ngħożżu lil Ġesù msallab, jiġifieri l-kurċifiss, jew is-salib li jfisser li aħna qegħdin nemmnu f’Ġesù msallab.
Imma rridu niftakru xi ħaġa importanti ħafna għall-ħajja tagħna: li filwaqt li x-xbihat huma sbieħ, u għandhom ikunu għeżież, u qatt ma għandna nibżgħu li nagħmlu x-xbieha tal-Kurċifiss, ta’ Ġesù msallab, inkunu fejn ikunu – dak ma jagħmel offiża lil ħadd, anzi hemmhekk għandna l-akbar imħabba – imma rridu niftakru li l-istedina ta’ Ġesù hija biex aħna ngħixu dak li qegħdin infakkru bix-xbihat tagħna. U rridu ngħixu l-ħajja tagħna b’mod li ngħaqqdu ħajjitna ma’ Ġesù msallab, u jkun tassew is-Salvatur tagħna. Il-messaġġ li jagħtina Ġesù huwa, l-ewwel nett, biex aħna ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ma’ tiegħu; u nitolbuh biex hu jkun li jmexxina fil-mumenti diffiċli u ta’ tbatija tal-ħajja tagħna. Meta aħna ngħidu “għandna salib” – kulħadd għandu salib jew iktar minn wieħed – salib jista’ jkun xi ħaġa li għaddejja minnu, ta’ uġigħ jew tbatija, imma jista’ jkun ukoll azzjoni li tieħu għal dak li hu sewwa, u li ġġib ukoll kultant ħafna oppożizzjoni, diffikultajiet u konflitti, imma għax taf li hu sewwa, tieħu l-azzjoni – dak jista’ jkun is-salib tiegħek. Ġesù qed jistedinna biex ngħaqqdu dan miegħu, hu li hu s-Salvatur tagħna.
Ġesù jistedinna wkoll biex aħna ngħinu lill-oħrajn jerfgħu s-salib tagħhom. Bil-Malti, għandna espressjoni “tilħaq salib ħaddieħor” – mhux hekk qed jgħid Ġesù. Tgħinu jerfa’ s-salib, mhux tilħaqlu salibu. U mhux, ukoll, issallbu b’li tagħmel, b’li tgħid, imma tgħinu jerfa’ s-salib, bħalma għamel iċ-Ċirinew lil Ġesù. Għalhekk qed jistedinna wkoll, meta aħna nagħmlu din il-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, niftakru f’din is-sejħa li jagħmlilna li aħna wkoll ngħinu lil ħaddieħor li għaddej minn żmien ta’ tbatija, ngħinuh jew ngħinuha jerfgħu s-salib tagħhom.
Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u nagħmlu din il-Festa hekk importanti fil-ħajja tal-Knisja – il-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes: Nadurawk, O Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek, bil-mewt u l-qawmien tiegħek inti fdejtna.
✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju