Ċelebrazzjoni tal-Għasar mal-Isqfijiet, Is-Saċerdoti, id-Djakni, il-Persuni Kkonsagrati u s-Seminaristi. Omelija tal-Papa Ljun XIV

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FI FRANZA

U ŻJARA LIS-SEDE TAL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA

GĦALL-EDUKAZZJONI, IX-XJENZA U L-KULTURA (UNESCO)
25-28 TA’ SETTEMBRU 2026

ĊELEBRAZZJONI TAL-GĦASAR MAL-ISQFIJIET, IS-SAĊERDOTI, ID-DJAKNI, IL-PERSUNI KKONSAGRATI, U S-SEMINARISTI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Katidral ta’ Notre-Dame de Paris

Il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru 2026

Għeżież ħuti,

It-talba ta’ filgħaxija laqqgħetna lkoll fil-post li, iktar minn kull post ieħor, ilu sekli sħaħ jistieden lil Pariġi biex terfa’ ħarsitha lejn is-sema. Għaddew seba’ snin minn meta d-dinja kollha, b’nifisha maqtugħ, rat il-katidral jintlaqat minn nirien tal-biża’. Dakinhar ukoll erfajna ħarsitna, mifxula, għax stajna naraw kemm il-bniedem waħdu mhux biżżejjed quddiem dak li qatt ma stħajjel li ħa jiġri. Dik l-għafsa ta’ qalb ma kinitx biss tal-Kattoliċi, lanqas biss ta’ min jemmen. Intbaħna, f’dik is-siegħa traġika, li Notre-Dame hu iżjed minn monument. Is-sehem ta’ kulħadd flimkien għall-bini mill-ġdid tiegħu u issa l-ġmiel tar-riżultat juru kif hawn tħabbat il-qalb ta’ poplu, kif aħna ninsabu quddiem iċ-ċentru vitali ta’ ċiviltà, fejn iħaddnu ’l xulxin f’tgħanniqa l-passat u l-futur, fejn jiltaqgħu s-sema u l-art.

Xtaqt niltaqa’ magħkom f’dan il-post-simbolu tal-Knisja fi Franza. Kien għalija ta’ ferħ nirfes l-għatba tiegħu, ftit tal-ħin ilu, kif jagħmlu ta’ kuljum eluf ta’ ħutna li jaslu hawn mid-dinja kollha. Is-sempliċi fatt li nidħlu hawn, iqegħidna quddiem ġmiel li jkellem lill-qalb imtaqqla tagħna u jsejħilha għall-paċi. Meta dan l-ispazju ntradd lura lill-umanità kollha, ġustament wieħed fehem kemm kull viżitatur jista’ jħalli jirriġenerah dak li jara, jisma’ u jġarrab hawn. Hekk, l-Istituzzjonijiet – pubbliċi, ekkleżjali u privati – involuti fir-restawr ta’ Notre-Dame, bil-kontribut speċifiku tagħhom, taw sehemhom biex jerġgħu jibdew il-mixjiet kulturali, eżistenzjali u spiritwali li jiġbor fih il-Katidral. F’dan il-kuntest, il-Knisja interpretat il-ħidma tagħha f’termini mhux biss ta’ konservazzjoni, imma anki ta’ kreattività, biex wieħed jista’ jgħix it-tradizzjoni bil-qlubija ta’ min għandu l-fidi u hu miftuħ għat-Tama. Ta’ dan nixtieq irrodd ħajr lill-Arċisqof, lill-kollaboraturi tiegħu u l-komunità djoċesana ta’ Pariġi, li fasslu wkoll mixja pastorali tal-ewwel tħabbira u ta’ inizjazzjoni Nisranija miftuħa għal kulħadd. Sinjal ta’ dan hu l-fonti batteżimali, li wieħed isib fid-daħla bħala barka u stedina.

Il-bini mill-ġdid tal-Katidral kien l-okkażjoni ta’ laqgħa li wessgħet l-ispazji tal-akkoljenza u tal-parteċipazzjoni lil hemm mill-konfini tal-appartenenza ekkleżjali. Għeżież isqfijiet, presbiteri, djakni, persuni kkonsagrati, seminaristi ta’ Franza: ħallu jnebbaħkom dak li seħħ hawn! Poġġu fuq quddiem ta’ kollox l-Evangelii gaudium, jew aħjar dik il-konverżjoni missjunarja li l-Papa Franġisku tana xhieda tagħha sa mill-ewwel Eżortazzjoni Appostolika tiegħu.

Smajna mill-Ittra lill-Galatin ir-raġuni għaliex ma għandniex nibżgħu: “Alla bagħat lil Ibnu” (Gal 4:4). Bagħtu fostna, f’din id-dinja tagħna! Fit-test Pawlin il-verb jiddeskrivi ġrajja reali, storika, mhux xi ċirkustanzi ideali. L-Insara ma jaħarbux mill-kumplessità, għax Alla nnifsu sejħilhom jimxu wara Ibnu f’dinja diġà mgħammra, diġà f’moviment, diġà mmarkata mill-miżerji u mit-tjieba tal-bnedmin. Il-mixja tas-Salib bla dubju turi d-dlam li hawn fid-dinja, imma b’mod aqwa turi l-imħabba ta’ Alla rebbieħ fuq il-mewt.

Il-pjanta ta’ dan il-katidral fuq għamla ta’ salib, fejn ġebel u dawl jitħalltu flimkien, tevoka l-laqgħa bejn l-art u s-sema. Hi tiġbor u tordna l-ġrajjiet tal-istorja, minsuġa minn ferħ u tbatijiet umani. Iżżommhom flimkien f’dinamika simbolika, li mid-diversi espressjonijiet tagħmel lingwa waħda ħajja, għax tiġborhom f’għaqda.

Għeżież ħbieb, mill-Inkarnazzjoni – “Alla bagħat lil Ibnu” – toħroġ l-identità tal-Knisja, imsejħa biex dejjem “toħroġ”. Bħala dixxipli ta’ Kristu, intom tafu tajjeb li l-komunità Nisranija ma hix xi territorju magħluq fejn nirtiraw biex niddefendu ruħna minn dan iż-żmien li qed ngħixu fih. Bil-maqlub, toffri ruħha, bħall-katidrali l-qodma, bħala spazju ta’ akkoljenza, ta’ rispett, ta’ rivelazzjoni u ta’ sens għal kulħadd. Hawn qiegħda l-qawwa ta’ Knisja ħajja: li tilqa’ lill-periferija li diġà qiegħda fil-qalb tagħha, il-bogħod li fir-realtà diġà hu qrib, il-barrani li fih Kristu diġà qed iħabbat il-bieb.

Jekk Notre-Dame huwa s-sinjal ta’ din il-laqgħa fil-qalba ta’ Pariġi, iktar u iktar il-bliet u r-reġjuni l-oħra ta’ Franza, imqar dawk l-aktar periferiċi u rurali, jistgħu jiġu mibdula minn preżenza missjunarja sempliċi u twajba, li tgħin anki fin-nisġa flimkien tad-differenzi kulturali u fil-fejqan tal-ġrieħi preżenti fis-soċjetajiet tagħna. Mill-kosti tat-tramuntana sal-Mediterran, mir-reġjuni interni għad-dipartimenti lil hemm minn xtutkom, kunu Knisja ħajja, ta’ diversi forom u dejjem qrib. Il-faqar tal-mezzi ma għandux ixekkel il-missjoni, għax hija l-grazzja ta’ Alla li tiffaċilita l-libertà interjuri u s-sobrjetà tal-ħajja, hekk li tirrifletti stil evanġeliku. F’dan kollu, bil-fiduċja kollha agħtu valur lill-preżenza missjunarja tal-fidili lajċi, li huma l-bażi ħajja tal-Knisja f’salib it-toroq tad-dinja tal-lum.

Min-naħa l-oħra, ħuti, ma rridux ninsew li l-finalità li għaliha ġie mtella’ dan it-Tempju, bħal kull knisja oħra, hija t-talb u t-tifħir lil Alla. Dan huwa l-post fejn il-Komunità Nisranija tiċċelebra l-ogħla għamla ta’ talb u ta’ tifħir, u ġġedded fl-Ewkaristija s-Sagrifiċċju feddej ta’ Kristu. Il-Katidral mhuwiex qoxra magħluqa tal-ġebel biex nammirawha: huwa ħaj fil-misteru mqaddes li jiġi ċċelebrat fih. Imbattal mill-azzjoni liturġika, jitlef ruħu. Hawn, f’Notre-Dame, din il-verità tidher ċara fil-mod kif hu mqiegħed l-altar fiċ-ċentru tal-ispazju: hekk, il-komunità li tfaħħar lill-Mulej qiegħda fil-qalba tal-binja, u dawk li jżuruha, anki matul iċ-ċelebrazzjonijiet, iduru miegħu u josservawh. Il-Knisja hawn tidher bħala dak li hi: organiżmu ħaj, komunità li temmen u tiġma’ fit-tifħir dak li l-kultura u t-Tradizzjoni jgħaddulha, ġisem li, huwa u jiċċelebra, jirrakkonta lil kulħadd ir-raġuni li għaliha jeżisti.

Illum iżjed minn qatt qabel qed ikollna nagħmlu l-kontijiet ma’ żmien li jidher bla milja, bla profondità, bla wegħdiet. Is-sempliċità nobbli tal-kant, tal-kelma, tal-ġest liturġiku jistgħu jirrappreżentaw għal ħafna dak il-passaġġ, oasi ta’ paċi f’soċjetà iperkonnessa u storbjuża, fejn jistgħu jesperimentaw il-preżenza tal-Awtur tal-ikbar imħabba: “Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu” (Gal 4:4). Iċ-ċelebrazzjoni tas-sena liturġika, tal-Ħadd u tal-festi tagħmilna wkoll kontemporanji ta’ Kristu, attenti għad-diversi mumenti tal-ħajja tiegħu mogħtija kollha lill-Missier u għad-dinja. Hekk, insiru wkoll aktar sensibbli u miftuħa għas-sinjali taż-żminijiet. Fil-fatt, is-smigħ komunitarju tal-Iskrittura u t-talb jabilitawna biex inħarsu lejn il-ġrajjiet storiċi għad-dawl ta’ Alla, u nagħrfu aktar ir-responsabbiltajiet tagħna x’inhuma, nikxfu l-maskri ta’ relazzjonijiet ta’ poter inġusti u nħarsu t-twarrid tal-ġustizzja u tal-paċi. Hija t-tama, allura, li tmexxina, u mhux ir-rassenjazzjoni. U huwa minn hemm li jinbtu rabtiet ta’ fraternità ikbar, xbieki ta’ solidarjetà, frott tal-komunjoni mas-Sagrifiċċju waħdieni ta’ Kristu.

Lilkom li tiċċelebraw ta’ kuljum l-Ewkaristija, nitlobkom tieħdu ħsieb li ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi jkunu mgħixa dejjem b’dinjità u dekor, imqar hemm fejn jiltaqgħu komunitajiet iċken. Kunu werrieta konxji tal-Missirijiet u tal-Qaddisin tal-Knisja li matul is-sekli kollha għaddewlna s-sinifikat profond u l-ġmiel tal-liturġija, waqt li tagħtu dejjem xhieda ta’ umiltà kbira quddiem il-Misteru ċċelebrat. Il-Konċilju Vatikan II, li l-għana tiegħu hu midjun ħafna ma’ Franza, ġabar u niżel fil-fond ta’ dan il-wirt b’mod eminenti, u għaraf iċ-ċentralità tiegħu fil-ħajja ekkleżjali (ara Sacrosanctum Concilium, 10). Għalhekk, nitlobkom ilkoll, isqfijiet, presbiteri, djakni, persuni kkonsagrati, biex tikkultivaw imħabba awtentika għal-liturġija u tkunu xhieda u qaddejja tal-vokazzjoni profetika, saċerdotali u regali tal-poplu kollu ta’ Alla.

F’dan kollu, il-liturġija tibqa’ mera tal-ħajja. Il-ferħ Ewkaristiku jiġi affermat u mxerred hemm fejn l-armonija terġa’ tinstab, fejn id-dinjità terġa’ titwieled, fejn l-awtorità ssir servizz, fejn il-libertà terġa’ tibda tmidd il-passi. Huwa l-akbar don li nistgħu naqsmu. Mela poġġu ’l fuq mis-sensibbiltajiet personali tagħkom il-komunjoni mas-Suċċessur ta’ Pietru u mal-Knisja, biex tikkultivaw l-għaqda tal-poplu ta’ Alla. Flimkien, inkunu profezija li dinja rikonċiljata hija possibbli.

Għeżież isqfijiet, presbiteri, seminaristi u persuni kkonsagrati, li ġejtu msejħa timxu wara Kristu; nirringrazzjakom tat-tweġiba u l-fedeltà tagħkom għall-Mulej. Qatt tittraskuraw dik il-ħbiberija li ried il-Mulej li għandha tiġi kkultivata fit-talb personali, fundament essenzjali ta’ kull vokazzjoni. Kif kienet tgħid Madeleine Delbrêl: “Mingħajr it-talb, ma nistgħux inħobbu lil Alla tal-imħabba. Nistgħu nkunu qaddejja tiegħu, il-ġellieda tiegħu, jew saħansitra d-dixxipli tiegħu; imma la nkunu wlied maħbuba tal-Missier tagħna, lanqas il-ħbieb […] ta’ Ġesù Kristu” (Notre vie, tome XV des Œuvres complètes, Nouvelle cité, 2017, p. 41). Mela ħarsu l-ħajja interjuri tagħkom flimkien mal-Mulej fl-iskola ta’ tant qaddisin li ġew qabilkom, waqt li tixorbu dejjem mill-għajn tal-imħabba bla tarf ta’ Alla waqt it-talb fis-skiet. Il-missjoni tagħkom titlaq qabelxejn minn din ir-relazzoni intima mal-Mulej, li qed jistenniekom hemm.

Fil-qalba tal-belt, il-Katidral miftuħ huwa s-sinjal ta’ komunità li tfaħħar lill-Mulej u li tgħix l-ospitalità mhux bħala ġest okkażjonali, imma bħala l-istess għamla tal-eżistenza tagħha, hekk li kulħadd jista’ jħossu f’daru, mingħajr ma jibqa’ jiġi maħqur jew emarġinat f’dinja li qed tinbidel. “Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, […] biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied” (Gal 4:4-5). U “jekk int iben, int ukoll werriet” (Gal 4:7). Werriet bi grazzja, ħuti hawn miġbura, issa jmiss lil kull wieħed u waħda minnkom, lil din l-assemblea li titlob u li hi ħajja, li ssiru laħam u leħen ta’ din il-wegħda. Intom, ragħajja u kkonsagrati ta’ Franza, intom imsejħin tkunu l-ewwel ħarriesa ta’ din id-dar miftuħa, ġebel ħaj ta’ Knisja li tittama u ma tibżax mill-futur. Dan il-katidral twieled mill-ġdid biex intom tistgħu titwieldu mill-ġdid miegħu f’qabża ’l quddiem ta’ qdusija u ta’ missjoni fil-ħajja ta’ kuljum. Kunu, qalb il-poplu tagħkom, l-espressjoni ċara tal-maternità divina tal-Knisja li, hija u tagħti xhieda ta’ Alla, terġa’ tibni u tfejjaq il-familja umana.

Ejjew nerfgħu ħarsitna lejn l-istatwa tas-seklu 14 tal-Verġni Marija bil-Bambin, li n-nirien ma setgħux imissu u li llum tilma mill-ġdid quddiemna. Marija, li ħarset lill-Verb f’ġufha, tħares il-fedeltà tagħkom u tkun il-kewkba li tmexxi l-missjoni tal-Knisja fi Franza. Santa Marija, Sinjura Tagħna ta’ Pariġi u Omm il-Knisja, itlob għall-poplu Franċiż, wieżen lir-ragħajja tiegħu u imxi dejjem magħna.

Miġjub għal-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading